'Meta għidna li se nagħmlu diski bil-Malti kulħadd qatgħalna qalbna'

The Travellers jispjegaw mal-ILLUM għaliex s’issa ħarġu biss diski bil-Malti, l-aspirazzjonijiet tagħhom u jekk fil-futur aħniex se narawhom jikkompetu fil-Eurovision.

Ritratt | Tonio Lombardo
Ritratt | Tonio Lombardo

The Travellers. Kulħadd sema’ bihom u bil-ħoss mużikali tagħhom li saħħar ix-xena tal-mużika lokali. Il-grupp żagħżugħ hu kompost minn, Chris Gatt bħala l-kantant, Andrew Vella; il-kitarrist, Clayton Bonello fuq il-baxx, Michael Camilleri fuq it-tnabar, Sylvano Mizzi fuq is-sassofonu u Joseph Xerri fuq it-trumbetta.

F’temp ta’ ħames snin, dawn is-sitt żgħażagħ Għawdxin irnexxielhom jilħqu l-quċċata tax-xena mużikali lokali. Il-gazzetta ILLUM intervistat lill-kantant Chris Gatt u l-kitarrist Andrew Vella.

Propju fil-post fejn ta’ kull ġimgħa huma jiltaqgħu biex jipprattikaw u joħolqu ħsejjes ġodda, il-kantant ewlieni Chris Gatt jibda biex jispjega l-formazzjoni tal-grupp. “Konna grupp ta’ ħbieb indoqqu flimkien, imbagħad wara xi żmien iddeċidenja li ndaħħlu xi membri oħra, bħad-drummer Michael u Sylvano li jdoqq is-sassafonu. B’hekk il-grupp kien komplut,” spjega l-kantant.

 

The Travellers għall-Eurovision tas-sena d-dieħla?

The Travellers għall-Eurovision tas-sena d-dieħla? Għalfejn s’issa ħarġu biss diski bil-Malti?

Posted by Illum on Friday, June 8, 2018

L-isfidi li saħħewhom u dawk li kważi kissruhom

Staqsejt liż-żewġ żgħażagħ biex jaqsmu magħna l-isfidi li affaċċjaw s’issa, b’Gatt pront jisħaq li “l-akbar sfida kienet fil-bidu, meta bħal f’kull ħaġa oħra, tkun trid issib saqajk. Kienet iebsa, tagħmel tliet snin iddoqq ’l hawn u ’l hemm b’xejn, ma ddaħħalx lira. Veru li konna nagħmluha biex nieħdu pjaċir però fl-istess waqt konna nixtiequ naħdmu fuq xi ħaġa li ninvestu fiha,” sostna Gatt.

Il-kollega tiegħu Vella żied jgħid li “għall-bidu kienet sfida wkoll il-fatt li konna kollha Għawdxin. Kienet problematika għaliex min kien jaħdem jew jistudja f’Malta u min kien għadu jistudja Għawdex,” spjega Vella.

Madankollu, għal Vella l-fatt li kienu kollha Għawdxin, hu dejjem raha “bħala vantaġġ li tagħmilna aktar differenti minn ħaddieħor u nisslet aktar sens ta’ fraternità bejnietna.”

L-għażla tagħhom biex jiktbu diski bil-Malti

Donnu hi prassi li l-maġġoranza tal-gruppi jew kantanti Maltin jagħżlu l-Ingliż bħala l-lingwa tal-ħoss tagħhom. Allura għaliex huma għażlu triq oħra?

Vella stqarr, li “għalkemm fil-bidu huma kienu kitbu xi materjal bl-Ingliż, l-għan aħħari tagħhom kien li jagħmlu xi ħaġa differenti fix-xena mużikali lokali. “Wara xi ftit żmien konna bdejna nesperimentaw u niktbu xi materjal bil-Malti. Meta kienu jisimgħuna ngħidu li se nipproduċu diski bil-Malti kienu jibqgħu mistagħġba u jaqtgħulna qalbna għaliex għal ħafna, il-lingwa Maltija kienet meqjusa monotona,” saħaq Vella.

Hu kompla jispjega kif huma xtaqu li bid-diski tagħhom, iż-żgħażagħ ma jibqgħux jaraw il-lingwa Maltija bħala xi ħaġa ‘qadima u monotona’ iżda jesponu s-sbuħija tagħha. “Xtaqna li nġiegħlu ż-żgħażagħ japprezzaw il-Malti u mhux biss tibqa’ lingwa li japprezzaha biss persuna ta’ ċertu età, imma anke żgħażagħ li għadhom tilgħin illum,” sostna Vella.

Minkejja kollox, mal-ILLUM, Vella xorta waħda stqarr li huma kienu fehmu sew ir-riskju tal-avventura mużikali tagħhom, “konna nafu li se jkun riskju li nipproduċu album sħiħ bil-Malti. Konna ilna tliet snin għaddejjin qatta’ bla ħabel biex inġemmgħu sabiex nagħmlu l-ewwel diska. Ħadna ċans tfajna kollox fuq diska waħda, u għidna jew tirnexxi jew infallu.”

B’xorti tajba l-ewwel diska tagħhom, ‘Sempliċità’ kellha rispons pożittiv immens mill-pubbliku inġenerali madwar gruppi ta’ etajiet differenti. “Il-mira tagħna kienet li għall-inqas diska waħda mill-ewwel album tindaqq fuq stazzjon tar-radju lokali. Ir-rispons tant kemm kien tajjeb fuq il-midja soċjali li f'temp ta’ 24 siegħa, l-istazzjonijiet tar-radju kollha f’Malta, anke dawk li kellhom tendenzi li ma jdoqqux diski bil-Malti, xandru x-xogħol tagħna,” sostna Vella.

Li tipproduċi diski bil-Malti aktar diffiċli minn lingwi oħra?

Staqsejthom jekk l-għażla li jipproduċu diski bil-Malti toħloqx sfidi differenti fix-xena mużikali. Gatt kien pront jirrimarka li “hu żgur li l-lingwa Maltija xi drabi tinstema' ħarxa minħabba l-għerq Semitiku tagħha. Minn dak l-aspett wieħed irid joqgħod attent fl-għażla tal-kliem tiegħu.

Min-naħa tiegħu, Vella li apparti li huwa l-kitarrist hu wkoll l-awtur tad-diski sostna li “l-ikbar żvantaġġ li għandu l-Malti għall-fini ta’ mużika, huwa li m’hemm xejn kurrenti li tista' timmudella fuqu. Mentri bl-Ingliż għandek ħafna materjal li tista’ tuża bħala mudell u għalhekk tista’ titgħallem ħafna iktar faċli. Minkejja dan kollu hu stqarr li “bħal kollox dan sakemm tidra.”

Interess kbir fid-diski ta’ The Travellers barra minn xtutna

Però li tikteb diski bil-Malti, tkun qiegħed tillimita ruħek? Vella kien pront sabiex iwieġeb “iva u le. Fil-bidu l-għan tagħna dejjem kien li nilħqu l-quċċata tas-suq lokali. Ix-xogħol tagħna wassalna fil-livell li nixtiequ. Allura issa qed naraw x’nistgħu nagħmlu iżjed. Għalkemm huwa fatt li l-għażla tal-Malti, għall-fini ta’ mużika jillimita, qed nindunaw li nistgħu nisfruttaw swieq li qabel ma kinux qed jiġu sfruttati. Pereżempju kellna rispons pożittiv ħafna għall-mużika tagħna minn pajjiżi bħat-Tuneżija, it-Turkija u l-Marokk,” saħaq Vella.

Apparti minn hekk hu żvela li rispons pożittiv ġej mhux biss minn pajjiżi f’din iż-żona, iżda anke minn pajjiżi bħar-Renju Unit u pajjiżi Nordiċi. “Ħafna minnhom jammettu li ma jkunux qed jifhmu kelma fid-diska. Però, mill-kummenti li nirċievu hemm ħafna li japprezzaw il-mużika.”

Minkejja din it-tweġiba staqsejt liż-żewġ żgħażagħ jekk għandhomx ħsieb li jipproduċu materjal ġdid bl-Ingliż. Huma qalu; “s’issa qatt ma eskludejna xejn. Bħalissa li hu żgur li se nkomplu ninvestu bil-Malti. Għadna kif ħriġna materjal ġdid u fil-ġimgħat li ġejjien ħierġa diska ġdida oħra.”

Hemm ċans li xi darba jieħdu sehem fil-Eurovision?

Ma stajtx nonqos milli nistaqsihom fuq xnigħat li dehru fil-midja lokali reċentement, li kienu jitrattaw il-pjanijiet tal-grupp biex jikkontesta fl-edizzjoni li jmiss tal-Malta Eurovison Song Contest. Però l-ewwel nett x’jaħsbu fuq il-Eurovision? U veru li qed jaħsbuha?

Gatt kien ċar fir-risposta tiegħu. “Il-Eurovison huwa spettaklu tat-televixin, u ma tirbaħ qatt l-isbaħ diska imma l-isbaħ spettaklu. M’għandi xejn kontrih imma m’għandi xejn favurih. Huwa pjattaforma kbira ħafna, li tesponik fl-Ewropa. Jekk tikkunsidra l-limitazzjonijiet li jeżistu fuq din il-gżira, għall-artisti Maltin, il-Eurovision huwa importanti” saħaq il-kantant.

Minkejja dan, Vella stqarr li kull meta staqsewhom dejjem wieġbu li għandhom ma jafux. “Ma kellniex ċans naħsbu fuqha biex inkun onest. Jekk tiġi l-opportunità li tkun mument tajjeb, naraw.”

More in Divertiment