Il-vara tas-Sacro Cuor se tiġi inkurunata solennament f'Settembru li ġej

Ilbieraħ tħabbar li l-knisja tas-Sacro Cuor se tkun mgħollija għad-dinjità ta' Santwarju

Sena speċjali għas-Slimiżi, speċjalment dawk tal-parroċċa tas-Sacro Cuor hekk kif tħabbar li f'Settembru li ġej, il-vara devota tas-Sultana tal-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù se tkun solennament inkurunata.

Kien ilbieraħ li waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Erbgħa bi preparazzjoni għall-festa li tiġi ċċelebrata f'Lulju, il-Patrijiet Franġiskani Minuri, li jmexxu din il-parroċċa, ħabbru li f'Settembru li ġej, il-knisja tagħhom se tkun mgħollija għad-dinjità ta' Santwarju.

Għalkemm il-vara diġà hija mlibbsa b'żewġ kuruni mill-isbaħ, il-patrijiet ħabbru wkoll li se tkun qed issir ċelebrazzjoni solenni, nhar id-29 ta' Settembru u li matulha, il-Bambin u l-Madonna se jkunu solennament inkurunati.

Dakinhar, din il-parroċċa se tkun qed tiċċelebra l-100 sena mit-twaqqif tagħha.

Ftit huma l-vari f'Malta u Għawdex li ġew solennament inkurunati. Fil-biċċa l-kbira tas-Santwarji huwa l-kwadri titulari li huma nkurunati.

L-ewwel inkurunazzjoni f'Malta seħħet fil-15 ta' Lulju tal-1881meta b'digriet mill-Kapitlu tal-Vatikan kien inkurunat il-kwadru devot tal-Madonna tal-Karmnu meqjum fis-Santwarju Bażilika tal-Belt Valletta.

L-uniku żewġ vari proċessjonali f'Malta u Għawdex li kienu ġew solennament inkurunati huma żewġ Bambini, dik tal-Isla u dik tax-Xagħra. Vara oħra inkurunata, iżda li ma toħroġx purċissjoni, ħlief f'xi okkażjoni speċjali, hija ta' San Ġużepp, magħruf bħala x-Xiħ, fir-Rabat tal-Imdina.

Se jkun l-Arċisqof Charles J. Scicluna li se jinkuruna din ix-xbieha.

Kif wieħed jista' jobsor, din l-aħbar niżlet tajjeb ferm ma' ħafna Slimiżi devoti tas-Sacro Cuor.

More in Divertiment