Films li din il-ġimgħa ma għandekx titlef

It-tliet films li qed jispikkaw fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Paul, Apostle Of Christ.

Atturi Ewlenin: Jim Caviezel; James Faulkner; Olivier Martinez; Joanne Whalley; John Lynch.

Direttur; Andrew Wyarr.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 106 min.

Ċert. 12 A

Pawlu ta' Tarsu kien aggressur u avversarju feroċi tal-ewwel Insara u anki ħa parti attiva meta ħaġġru lil San Stiefnu, martri bikri għal Kristu. Wara miraklu divin, sar il-messaġġier ewlieni ta' Kristu, billi ġera f'diversi postijiet jgħallem u jgħammed.  ‘Paul. Apostle Of Christ’ jiffoka fuq l-aħħar ftit xhur ta' din il-persuna, forsi wkoll l-aktar waħda importanti wara Kristu, tat-Testment il-Ġdid. Ninsabu fis-sena 67 W.K., f'Ruma maħkuma minn Neruni, Imperatur kiefer li ħalef li jeqred lill-Insara. Pawlu (Faulkner), ċittadin Ruman, jinsab marbut bil-ktajjen, priġunier fl-eħrex ħabs, l-infami Marmertino. Din il-produzzjoni tiffoka fuq żewġt irġiel. Luqa (Caviezel), ħabib intimu ta' Pawlu, jissogra ħajtu biex imur Ruma u jżur lil dan l-Appostlu li qed ibati swat b'kefrija u hu l-mira ta' kull kwalità ta' insult. Qabel tinqatagħlu għall-mewt, Luqa jixtieq jikteb ktieb ieħor dwar  il-fundazzjoni tal-Knisja, l-Atti tal-Appostli, il-ħames ktieb tat-Testment il-Ġdid, u jrid jieħu informazzjoni u pariri mingħand dan l-oratur. Fin-nofs jidħol il-Prefett Mauritius Gallas (Ramirez), uffiċjal ċelebri Ruman li qed imexxi dan il-ħabs kontra qalbu. L-ispirtu ħaj ta' Pawlu, għalkemm magħkus, bla saħħa u delikat, tant li qed ibeżża' lil Neruni, l-aqwa renjant tad-dinja fi żmienu, jaffaxxinah lil dan iċ-Ċenturjun. Meta hu jiġi bżonn Luqa, tabib ta' żmienu, meta ħadd mir-Rumani ma seta' jikkura lil bintu, hu jimtela b'ammirazzjoni kbira lejn dawn iż-żewġ dixxipli u anki jeħles xi segwaċi ta' Kristu mill-ħabs.  ‘Paul, Apostle of Christ’ hi produzzjoni ġenwina, b'xi  ‘flashbacks’ dwar il-missjoni ta' Pawlu meta kien iżgħar u b'andament li jqanqal l-emozzjoni. Dan il-film inġibed kollu hawn Malta, b'diversi atturi u tekniċi Maltin jieħdu sehem u b'partijiet mis-sets ta'  Gladiator jerġgħu jintużaw hawn.

Proud Mary

Atturi Ewlenin: Taraji P. Henson; Jahi Di'Allo Winston; Danny Glover; Billy Brown; Neal McDonough.

Direttur: Barak Najafi.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 88 min.

Ċert. 15

Lill-attriċi Taraji P. Henson, li ammirajt bil-bosta f' ‘Hidden Figures’, stħajjiltha li libset iż-żarbun ta' Clint Eastwood bħala Dirty Harry jew dak ta' Charles Bronson f' ‘Death Wish’, fil-produzzjoni ġdida mimlija azzjoni  ‘Proud Mary’. Din il-mara, Mary, mikrija minn familja kriminali ta' Boston biex toqtol u telimina lill-avversarji jkollha ħajjitha mibdula meta, wara biċċa xogħol issib tifel, Danny (Winston), orfni li jsus mat-triqat, mixħut stordut mal-art u tieħdu għandha. Dan malajr jinduna x'inhu xogħlha meta fid-dar jiskopri armatura mimlija armi. L-istinti maternali tagħha jibdew jieħdu pussess fuqha, waqt li titlob lil Benny (Clover), il-kap tagħha li tqisu daqs missierha, biex jeħlisha minn dan l-inkwiet. Hu naturalment jirrifjutaha u meta toqtol wieħed sadist li jinnegozja d-drogi, tqum gwerra ħarxa li minnha Mary tara x'tista' tipprofitta biex taqta' minn dan ix-xogħol. Fil-parti prinċipali, Taraji P. Henson, bħala mara sabiħa, enerġetika u feroċi (tip ta' Pam Grier), hija effettiva, iżda tiġbed ħafna emfasi żejda fuqha, forsi għax hi wkoll waħda mill-produtturi eżekuttivi. Fil-qalba tiegħu,  ‘Proud Mary’ fih tema ta' redenzjoni billi din il-qattiela stess kienet il-kaġun li t-tfajjel ta' 12-il sena ġie fiex ġie madwar sena qabel. Il-massakru tal-final jistona xi ftit mat-ton ikkalkulat ta' dan ix-xogħol. Is- sound track hu mimli kanzunetti sbieħ fosthom dik tat-titlu eżegwita minn Tina Turner.

Gringo

Atturi Ewlenin: David Oyelowo; Joel Edgerton; Charlize Theron; Amanda Seyfried;; Thandie Newton; Sharlto Copley.

Direttur: Nash Edgerton.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 110 min.

‘Gringo’ hu thriller drammatiku, mimli azzjoni u intriċċi li iżda jiżvolġi bħala kummiedja oskura. Fiċ-ċentru ta' din l-avventura furjuża fil-qalba tal-kriminalità fil-Messiku, insibu lin-negozjant Harold Soryinka (Oyelowo), li minn ċittadin li dejjem obda l-liġi jkun sfurzat isir kriminal meta l-forzi tal-ħażen iduru għalih. Meta ħajtu tkun bosta drabi f'xifer periklu kbir hu, bi ħsieb jew b'kumbinazzjoni u fortuna dejjem jirnexxielu jżomm lilu nnifsu pass quddiem sakemm fl-aħħar id-destin ilaqqgħu mal-għadu tiegħu. Harold bniedem pjuttost xipli, li hu eżekuttiv f'kumpanija farmaċewtika, jivvjaġġa minn Chicago sal-Messiku mas-sidien tiegħu ta' bla skrupli, Richard (Edgerton) u Elaine (Theron). Meta Richard jordna lill-baruni tad-droga magħruf bħala The Black Panther li jieqaf milli jbiegħ tip ta' marjuana tal-kumpanija tiegħu, dan il-kap li jammira ħafna lil Beatles, jinduna li permezz ta' Harold jista' jikseb il-formula ta' dan il-prodott. Bis-sidien tiegħu lura baxx baxx fl-Amerika, Harold isir il-mira tal-paladini ta' dan il-kap u ta' oħrajn li moħħhom jakkwistaw xi flus jekk jaqbduh u jeħduh quddiem il-Black Panther. Wara l-ewwel nofs siegħa,  ‘Gringo’ jikkarga b'azzjoni diversa mimlija wkoll umoriżmu, bħal ġiri sfrenat wara xulxin bil-karozzi, sparaturi, inganni u rikatti.

More in Divertiment