L-appuntament ta’ Rita

Rakkont minn Sharon Calleja

Għalkemm kienet għodwa xi ftit friska, Rita kienet qiegħda tħoss l-għaraq ħiereġ minn ma’ ġbinha. L-eċitament kien ħa kontroll fuqha u kienet qiegħda tħossha kważi tirtogħod. Ħarset lejn l-arloġġ li kienet libset f’idha l-leminija għall-okkażżjoni. Kien sar il-ħin!

Ħarset lejn it-triq. 

Eżatt. 

Preċiż. 

Deher profil ta’ raġel miexi fid-direzzjoni tagħha. Kien propju dak il-ħin li seħtet il-mument li ħalliet lil Dora ħabibtha, tagħmlilha appuntament li skont hi kienu jgħidulu ‘appuntament fid-dlam’. Rita kienet għalqet kważi ħamsa u ħamsin sena u kienet tgħix waħedha. Meta kien għad kellha għoxrin sena, kienet iżżewġet lil Ġużi imma dak kien telaq u qatt ma kien reġa’ ġie lura. Forsi għax xejn ma kien jikkuntentah, u kellu ħabta jgemgem fuq kollox. U iva kienet għadha ġawhra dak iż-żmien u kienet ħelset minnu wkoll!

Irranġat il-libsa ssikkata li kienet libset u bdiet iżżebbeġ għajnejha mimlijin kulur iswed lejn dak ir-raġel pulit li kien waqaf quddiemha. Xufftejha kienu ħomor nar bit-tidlik li kienet dellket u kellha fwieħa xxommha minn seba’ mili bogħod. Jeremy Gauci. Hekk kien jismu r-raġel tal-appuntament.

“Inti…?” waqaf jgħidilha.

“Iva jiena.” Ħatfitu. Kien perfett. Twil, mibni, xagħru kien għadu kollu hemm; nokkli nokkli. Kien liebes libsa skura u f’idejh tax-xellug kellu bagalja.

“Fejn se mmorru?” staqsieha.

Bla ma qagħdet tistħi, qabditu labranzetta u ġibditu lejn il-ħanut tal-kafè fejn kienu jmorru sħabha l-oħra. Kienet taf li malli jarawha ma’ dan ir-ragel sbejjaħ, kienet ser taqbadhom għira bażwija.

Daħlu fil-ħanut u poġġew bilqiegħda. Għamlet tabirruħha li ma ratx l-għajnejn iberrqu lejhom ta’ nies fitti tar-raħal li kien moħħhom f’salib ħaddieħor.

Ġie l-wejter.

“X’nagħmlilkom Rit?” staqsieha.

“Kafè jekk jogħġbok,” qallu seħibha li kien bilqiegħda dritt xemgħa maġenbha.

“Kafè? U ejja nieħdu flixkun inbid,” qaltlu Rita b’nofs tbissima. Wara tazza nbid kienet tħoss ilsiena jillaxxka u żgur ma kinitx tibqa’ tistħi.

“U x’inbid hu? Jien xogħol.”

“Eh, orrajt, skużani. Kafè għalija wkoll mela,” qalet lill-wejter.

“Allura sinjura, tridx nibdew?” staqsiha r-raġel tal-appuntament. Kemm kien ħelu! Wiċċu ma kontx tpinġih!

“U mela le, nibdew...nibdew,” qaltlu, tikxef xedaq snin bojod karti. Kienet għamlet kwazi tliet kwarti togħrok fihom ħalli timpressjonah eżatt qabel ġiet hawn.

“Xi tħobb tagħmel?” staqsietu.

“Jien?” tbissem.

“Fil-ħin liberu,” weġbitu.

“Inħobb insiefer. Kwazi kull tliet xhur immur xi mkien. Taqta’ ftit mir-rutina hux.”

“Sewwa tagħmel, sewwa tagħmel,” għajtet xi ftit iżżejjed ħalli jisimgħuha tal-mejda ta’ ħdejhom. “U fejn toqgħod?”

“Barra r-raħal.”

“Issuq?” staqsietu ħerqana.

“Iva allaħares le. M’ilux xtrajt karozza oħra. Għandi kollezzjoni ta’ karozzi antiki. Fil-garaxx għandi xi ħmistax-il waħda.”

Qalbha għamlet tikk. Fl-aħħar kienet sabet wieħed tal-flus. Forsi ma tafx kif, kienet issib ruħha tgħix ħajja lussuża u tgħidx kemm kienu jgħiru għaliha sħabha! Issa turihom. Issa turihom li hi wkoll kienet kapaci ssib xorti.

Malli ġie l-kafè qagħdet tħares lejh u tifli l-mod delikat ta’ kif qabad il-kikkra u ħa belgħa. Imbagħad għamlet bħalu, tipprova hi wkoll tkun xi ftit grazzjuża.

“Jiena meta kkuntattajtni biex niltaqgħu, mill-ewwel ġieni l-ħsieb fuq id-dar.”

Rita kienet kwazi xerqet fil-kafè. 

“X’inhu?” staqsietu.

“Id-dar.”

“Eh iva, kollox irid ikun, veru. Imma daqshekk ta’ malajr?” reġgħet staqsietu bilkemm trid temmen li raġel bħal dan kien diġà għamel il-ħsieb li jiżżewwiġha u jibnu dar flimkien.

“Jiena ma noqgħodx naħsibha. Għidli xi trid, u nagħmlu hekk,” qalilha bi tbissima.

Rita telgħetilha fawra għal rasha. 

“Tajjeb għalija.” Dak il-ħin, ir-raġel ta’ quddiemha ħareġ karta minn ġol-bagalja li Rita nnutat li kienet xi pjanta ta’ dar. “Dik x’inhi?”

“Ħejjejt pjanta.”

“Diġà lestejt il-pjanta?” staqsietu. Dan iridha b’saħħa. Ma xtaqitx titilfu. Fejn se ssib ieħor hekk illum? Illum min jidħaq bik issib, bdiet taħseb.

“Ara,” firex il-pjanta fuq il-mejda. “Dan is-salott, il-pranzu, il-kamra…”

Rita qagħdet tħares lejh u bilkemm bdiet tifhem dak li beda jgħidilha. Kienet qiegħda tħossha ferħana.

Kien propju dak il-ħin li daħal raġel liebes ta’ kafkaf u bdiet ixxommlu r-riħa tal-għaraq eżatt malli xiref mill-bieb tal-ħanut ’il ġewwa. Mar u poġġa bilqiegħda fuq il-mejda ta’ maġenbhom igerger waħdu. Rita tagħtu daqqa t’għajn kerha, iżda mbagħad iddeċidiet li tinjorah għaliex is-sinjur li kellha quddiemha kien ħadilha l-attenzjoni kollha.

“Mela din il-pjanta tad-dar tagħna,” qaltlu. “Xi ħlew, kemm inti bravu!”

“Grazzi,” qalilha. “Dak xogħli.”

“Eh, tajjeb. Inti perit taħdem?” staqsietu.

“Ħeqq, mhux hekk. Kieku ma tajtekx il-pjanta.”

“Mhux hekk, mhux hekk,” daħqitlu. “Vera għamiltni ferħana. Illum ma tantx issib irġiel ġenwini.”

“Minn kollox issib.”

“Trid immorru sad-dar tiegħi ħalli nurik fejn noqgħod? Hekk jew hekk issa nitlaq minn hemm hux. Ilni nikri l-istess appartament għomri.”

“Kieku niġi narah, imma mgħaġġel.”

Ħasset ftit dispjaċir għal dan il-kliem.

“M’hemmx x’tagħmel hux la mgħaġġel. Tkun darb’oħra.”

“Il-pjanta ġietek tliet mitt ewro,” qalilha. “Tħallas kontanti jew b’ċekk?”

“X’inhu?” staqsietu. “Mela se nħallsek tal-pjanta?”

“Ħeqq mhux hekk. Jien nitħallas ta’ xogħli rrid.”

“Imma bi pjaċir tiegħek għamiltha,” qaltlu xi ftit iffastidjata.

“Mhux inti tlabtni nagħmillek pjanta?” staqsieha.

Ħarset lejh irrabjata. “Int trid titmejjel bija jew?” qamet bilwieqfa, kważi taqleb is-siġġu li kienet qiegħda fuqu. 

“Nitmejjel xejn. Ħallasni ta’ xogħli u nitlaq ’l hemm għax għandi ħafna x’nagħmel!” weġibha jieħu nifs twil ta’ eżasperazzjoni.

“Inti mhux Jeremy Gauci?” staqsietu.

“Jien hu!” għajjat ir-raġel l-imħarbat, li kien qiegħed biswit il-mejda tagħhom. “Inti Rita? Il-mara li kelli niltaqa’ magħha u ma ġietx?” staqsieha jqum bilwieqfa hu wkoll. 

“Iva jiena Rita.” 

“Tirraġuna ta! Ħallejtni nistenna!” qalilha.

Dak il-ħin xtaqet il-madum tal-ħanut jinfetaħ u jiblagħha. In-nies tal-ħanut kienu kollha qegħdin iharsu lejhom, kollha interessati f’dik il-farsa li kienet qiegħda sseħħ quddiem għajnejhom. Rita daret lejn ir-raġel li ftit ħin ilu kien qiegħed bilqegħda fuq l-istess mejda magħha. “Allura inti min inti?”

“Jiena l-Perit Haber u ntlabt nagħmel pjanta ta’ dar u inġibha f’dak l-indirizz fejn iltqajt miegħek!” qalilha, jieħu lura l-pjanta u jitlaq ’il barra rrabjat.

“Jiġifieri….?” Rita baqgħet imbellħa. Addio dar, addio perit.

“Xtrajtlek ċurkett ta’...” qalilha l-veru Jeremy Gauci minn warajha.

Daret tħares lejh b’interess. 

“Ċurkett? Mhux idea ħażina,” qaltlu. “Wejter ġibilna flixkun inbid!” għajtet lil tal-ħanut.

More in Divertiment