Toqrob aktar iż-żjara ta' Marco Masini f'Malta

Fid-29 ta' Mejju Malta ħa tospita kunċert minn wieħed mill-akbar ismijiet tal-mużika Taljana

Aktar ma joqrob is-sajf, aktar jibdew joqorbu avvenimenti tal-mużika li kulħadd ikun qed jistenna.

Wieħed minn dawn huwa bla dubju ta' xejn dak tad-29 ta' Mejju, fejn nilqgħu fostna lil Marco Masini għal kunċert bl-istil uniku tiegħu.

Masini bħalissa għaddej b'ritmu qawwi bil-Cronologia Tour. Kien ta' unur għal pajjiżna li Marco Masini ma ħasibix darbtejn biex f'dan it-tour inkluda lil Malta, li jaf kemm igawdi popolarità. Dan huwa kantant mingħajr l-ebda bżonn ta' introduzzjoni, anke mal-Maltin - li f'dan it-tour qed jagħmel kunċerti ta' suċċess kbar. Dan beħsiebu jkomplih anke f'dak ta' Malta, li ħa jsir f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta. 

Masini magħruf għad-diski bikrija tiegħu bħalma hi Disperato li biha ħa sehem l-ewwel darba f'Sanremo fl-1990. Magħruf koll għall-kanzunetta Perchè lo Fai - diska kontroversjali li kklassifikatu fit-tielet post f'Sanremo ta' sena wara. Aktar riċenti rajnih fl-istess L'Uomo Volante, Nel mondo dei sogni u l'Italia. Din is-sena ħa sehem fl-istess festival bid-diska Che Giorno è - liema diska jqis waħda ta' evoluzzjoni għall-karriera tiegħu.

Masini kiseb popolarità bħala kantant li ried jisfida s-soċjetà konservattiva li kien qed jgħix fiha, b'diski bħal Bella Stronza, Vaffanculo u Principessa li minkejja kollox rawh isir wieħed mill-akbar ikoni tal-mużika pop fl-Italja.

Iż-żjara ta' Marco Masini hija inizjattiva ta' CMC Promotions. Biljetti jistgħu jinxtraw minn www.cmcpromotionsmalta.com jew billi wieħed iċempel fuq 9982 1250.

More in Divertiment