L-għaxar edizzjoni tal-Qormi Wine Festival

Il-Qormi Wine Festival se jsir nhar il-Ġimgħa u s-Sibt 6 u 7 ta' Settembru

Is-serata tat-tnedija tal-festival, b’Roderick Galdes u maġenbu Rosianne Cutajar fost il-kelliema
Is-serata tat-tnedija tal-festival, b’Roderick Galdes u maġenbu Rosianne Cutajar fost il-kelliema

Għażla wiesgħa ta’ nbejjed ħomor, bojod u rosé magħmula minn varjetajiet ta’ għeneb lokali, kunċerti kbar minn kantanti u bands rinomati, ikel tipiku Malti magħmul dak il-ħin stess, wirjiet u kompetizzjonijiet, spettaklu ta’ dwal u chill-out area, huma l-attrazzjonijiet ewlenin tal-festival tal-inbid li se jerġa’ jsir f’Ħal Qormi għall-għaxar sena konsekuttiva u li bħas-snin preċedenti mistenni jiġbed folol kbar lejn il-Belt Pinto. 

Il-Qormi Wine Festival 2014 se jsir nhar il-Ġimgħa 5 u s-Sibt 6 ta’ Settembru mis-7.30pm sa nofsillejl, fejn għal din l-okkażjoni ċ-ċentru tar-raħal se jkun qed ixidd libsa festiva partikolari. 

Dan il-festival issa sar attività mistennija ferm fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru, u għalhekk l-organizzaturi ħasbu biex jippreżentaw żewġ serati mill-aqwa li jolqtu l-gosti tal-familja kollha. U din is-sena b’attrazzjonijiet akbar biex jitfakkar l-10 anniversarju ta’ dan l-avveniment kulturali. 

Triq il-Kbira f’Ħal Qormi se tkun armata b’diversi stalls tal-inbid u ikel tradizzjonali Malti, f’atmosfera tipika ta’ festa lokali bil-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ fl-isfond. Dawk preżenti jistgħu jakkwistaw tazza tal-inbid bil-logo tal-Qormi Wine Festival għall-prezz ta’ €12. Biha jkunu jistgħu jduqu l-inbejjed kollha offruti. It-tazza tista’ mbagħad tinżamm bħala tifkira. 

L-ikel kollu - majjal, għaġin bil-meat balls, tonn, tiġieġ bil-patata l-forn u l-platt Malti – jista’ jinxtara għall-prezz ta’ €7. Se jkun hemm ukoll mejda bl-imqaret.

Id-dħul għal dan il-festival tal-inbid hu b’xejn. L-inbid jibqa’ jisserva sal-11.30pm. 

Tajjeb wieħed ifakkar li Ħal Qormi għandu tradizzjoni antika marbuta mal-inbid li tmur lura diversi sekli, għaliex minbarra għall-ħobż, il-belt ta’ Pinto hi wkoll magħrufa għall-għasir tal-għeneb. Permezz ta’ dan il-festival, ir-raħal qiegħed joħloq attrazzjoni oħra għat-turisti barranin u għall-poplu Malti filwaqt li jerġa’ jqajjem tradizzjonijiet antiki marbuta mal-lokal.

Biex wieħed jilqa’ għal dan l-influss ta’ nies, inħawi fil-qrib tal-qalba tar-raħal se jinżammu apposta għall-parkeġġ, b’sinjali direzzjonali biex dawk li jattendu jkunu jistgħu jsibu fejn jipparkjaw il-vettura tagħhom mingħajr diffikultajiet. Fi Triq il-Wied ftit lil hinn mill-Knisja ta’ San Ġorġ (fejn issa tlesta l-maġġorparti tax-xogħol li kien qed isir) wieħed jista’ jipparkja bil-kumdità kollha.

Fit-toroq prinċipali se jittellgħu wkoll sinjali tat-traffiku li juru d-direzzjoni tal-inħawi tal-festival għal min ikun sejjer Ħal Qormi mill-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, Santa Venera, il-Ħamrun u minn Birkirkara. 

Dwar dan il-festival, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes waqt konferenza stampa faħħar l-inbid Malti u ħeġġeġ lin-nies biex jattendu bi ħġarhom għal din l-attività. 

Tkellimna wkoll mas-sindku tal-lokal, Rosianne Cutajar li qalet li dan il-festival din is-sena għandu sinifikat speċjali għax jixhed għaxar snin ta’ suċċess.

“Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lill-kumitat festi esterni, tim dinamiku kompost ukoll minn ħafna żgħażagħ li jaħdmu qatigħ biex il-Wine Festival ikun suċċess sena wara l-oħra.” Qalet is-sindku li fl-istess waqt irringrazzjat ukoll lill-kumpanija Marsovin.

More in Divertiment