L-artista Maltija Nickie Sultana tniedi wirja ġdida fit-Teatru Salesjan
L-artista Maltija Nickie Sultana se tniedi wirja personali bit-titlu Valletta Abstracted fit-Teatru Salesjan, Tas-Sliema, u se ddum għaddejja minn Novembru 2025 sa Jannar 2026. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mill-Ħadd sal-Ġimgħa mit-9 a.m. sat-3 p.m. u l-Ħadd mid-9 a.m. sas-1.p.m.
Il-kollezzjoni l-ġdida hija mibnija fuq osservazzjonijiet ripetuti tal-iskyline tal-Belt Valletta. Sultana rrakkontat kif kienet terġa’ lura “għal darb’oħra, għall-istess veduta, bħallikieku kienet ritornell f’kanzunetta li ma nistax nieqaf immur lura.” Hija ddeskriviet ix-xefaq bħala “dehbi, mifrux mid-dawl, imħeġġeġ mit-taħwil, jew jixgħel bin-nar ta’ nżul ix-xemx” kif jidhru minn vjaġġi bil-baħar tidħol fil-port.
Minflok ma tfittex preċiżjoni fotografika, Sultana tħaddan l-astrazzjoni u l-varjazzjoni biex tesplora l-perċezzjoni u l-memorja. “Ir-repetizzjoni ssir meditazzjoni fuq il-perċezzjoni, il-memorja u ż-żmien: djalogu bejn il-konsistenza u l-bidla,” tikteb.
Imwielda fl-1973, Sultana studjat kemm arti klassika, kif ukoll kontemporanja fl-akkademji Lorenzo de Medici u Leonardo da Vinci f’Firenze. Mill-1995 ’l hawn, organizzat għaxar wirjiet individwali u ħadet sehem f’għadd ta’ wirjiet kollettivi f’Malta u barra minn Malta. Ix-xogħol tagħha jinsab f’diversi kollezzjonijiet privati madwar id-dinja u huwa msemmi fl-International Dictionary of Artists Who Painted Malta.
