Ir-Raba’ Taħdita Kommemorattiva Pawlu Mizzi: Il-Fotografija f’Għawdex 1839–1960
Minn mindu daħlet il-fotografija f’Malta fl-1839, dan il-mezz sar strument essenzjali sabiex jiddokumenta n-nies, id-drawwiet u l-avvenimenti li jiġru fil-pajjiż. Il-fotografija daħlet f’Għawdex xi żmien wara imma kellha rwol kruċjali biex tippreserva, permezz ta’ ritratti, tip ta’ ħajja u kultura li llum m’għadhomx jeżistu.
F’“Ir-Raba’ Taħdita Kommemorattiva Pawlu Mizzi” li se ssir fil-mużew Il-Ħaġar nhar is-Sibt, 15 ta’ Novembru fil-11:00, Dr Charles Paul Azzopardi se jiddiskuti kif fotografi Għawdxin u oħrajn mhux Għawdxin użaw il-kamera bħala mezz biex iżommu ħajja l-memorja kulturali tal-gżira.
Dr Charles Paul Azzopardi huwa tabib u storiku tal-fotografija. Ir-riċerka tiegħu tiffoka fuq il-prattika tal-fotografija fis-seklu dsatax u fil-bidu tas-seklu għoxrin f’Malta. Huwa serva bħala kuratur u konsulent tal-wirt kulturali fotografiku fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u fl-Arkivju Richard Ellis. Ix-xogħol tiegħu ġie ppubblikat f’aktar minn erbgħin monografija u b’hekk stabbilixxa reputazzjoni soda fil-qasam tal-fotografija u l-pubblikazzjoni. Huwa wkoll il-fundatur tal-Malta Image Preservation Archive (MIPA), organizzazzjoni mhux governattiva ddedikata għall-preservazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali fotografiku Malti, filwaqt li tippromovi b’mod attiv il-ħolqien ta’ mużew nazzjonali ddedikat għall-istorja fotografika ta’ Malta.
Pawlu Mizzi (1929–2019)
Pawlu Mizzi huwa patrijott Malti, studjuż tal-gżira Għawdxija, kif ukoll pijunier tal-istorja moderna ta’ Għawdex u tal-pubblikazzjoni ta’ kotba Maltin. Mizzi twieled fil-belt Victoria fit-28 ta’ Ottubru 1929 u ħaddan diversi rwoli fosthom ta’ għalliem, kittieb u preżentatur ta’ programmi televiżivi fuq Għawdex, kif ukoll direttur ta’ “Il-Ħajja”. Waqqaf ukoll u serva bħala editur ġenerali ta’ Heritage, enċiklopedija tal-wirt storiku, kulturali u civili Malti. Huwa mfakkar l-aktar talli waqqaf Klabb Kotba Maltin fl-1970, sede tal-pubblikazzjoni ta’ kotba Maltin, u iktar ’il quddiem, Midsea Books Ltd. Fl-1992 ingħata l-Midalja għas-Servizz lir-Repubblika. Miet fil-5 ta’ Awwissu 2019.
“Ir-Raba’ Taħdita Kommemorattiva Pawlu Mizzi” qed issir bil-kollaborazzjoni ta’ Midsea Books Ltd.
Dħul huwa mingħajr ħlas iżda huwa rakkomandat li tirriservaw il-post tagħkom billi tibagħtu email fuq [email protected]
