Spazju Kreattiv jiċċelebra l-25 anniversarju u t-tnedija tal-programm 2025-26

 Biex tonora dan il-vjaġġ straordinarju, l-organizzazzjoni se tippreżenta staġun imżewwaq b’vuċijiet kreattivi distinti, kemm Maltin kif ukoll internazzjonali.  

Spazju Kreattiv jiċċelebra l-25 anniversarju tiegħu bi programm speċjali ta’ inizjattivi kreattivi u konversazzjonijiet pubbliċi, li jfakkru kwart ta’ seklu fil-qalba tal-ħajja artistika u kulturali ta’ Malta. Sa mit-twaqqif tiegħu fis-sena 2000, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kreattività kien simbolu ta’ innovazzjoni, skambji soċjali u ambizzjonijiet artistiċi. Biex tonora dan il-vjaġġ straordinarju, l-organizzazzjoni se tippreżenta staġun imżewwaq b’vuċijiet kreattivi distinti, kemm Maltin kif ukoll internazzjonali.  

Għal ħamsa u għoxrin sena, l-ispazji ikoniċi fil-bini tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, fil-Belt Valletta, servew ta’ sfond għal produzzjonijiet, wirjiet u diversi attivitajiet oħra, li rawmu kemm talent Malti, kif ukoll barrani, filwaqt li ħeġġew ukoll djalogu soċjo-kulturali sinifikanti. Il-programm, fl-okkażjoni tal-anniversarju, ipoġġi fid-dawl lin-nies wara dawn il-kisbiet, billi jħares lura lejn l-istejjer, l-isfidi u l-ideat li għenu jiffurmaw proġetti ta’ impatt u li influwenzaw l-identità kulturali usa’ ta’ Malta, filwaqt li jħares ukoll lejn il-futur b’ambizzjonijiet ġodda.  

Fl-istess ċelebrazzjoni, Spazju Kreattiv nieda l-programm il-ġdid tiegħu 2025-2026 li juri firxa vasta ta’ esperjenzi artistiċi mfassla biex jixprunaw l-arti f’pajjiżna. Bil-fuq minn 550 avveniment differenti u 75 proġett imqassma fuq 18-il forma kreattiva, u l-involviment t’aktar minn 400 kollaboratur, dan l-istaġun mistenni li jkun wieħed vibranti u inklużiv, bi proġetti li jinkludu l-arti viżiva, it-teatru, il-film, il-mużika, iż-żfin, u x-xjenzi. Spazju Kreattiv jerġa’ jisħaq il-pożizzjoni tiegħu fil-qalba tal-komunità kreattiva f’Malta, billi joffri lil udjenzi lokali u internazzjonali esperjenza mogħnija b’eċċellenza artistika, innovazzjoni kulturali, u perspettiva inklużiva.  

Għal din iċ-ċelebrazzjoni, Spazju Kreattiv jibqa’ impenjat li jixpruna l-innovazzjoni artistika u l-involviment soċjo-kulturali. Dan il-programm mhux biss jagħti ġieħ lill-kisbiet tal-imgħoddi, iżda huwa wkoll sejħa għal parteċipazzjoni attiva futura. L-udjenzi li qed jirritornaw, artisti emerġenti jew stabbiliti, kif ukoll dawk li huma sempliċement kurjużi biex jesperjenzaw xi ħaġa ġdida, huma mistiedna bis-sħiħ biex jissieħbu f’dan il-programm tal-anniversarju u jagħtu sehemhom fit-tiswir tal-futur kreattiv ta’ Malta.  

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ Spazju Kreattiv 2025-26 tista’ żżur is-sit www.spazjukreattiv.org 

 

 

More in Arti