[L-ewwel parti] L-awtur Edgar Allan Poe fiċ-ċinema

Fl-ewwel parti ta' din l-analiżi, Carmel jitkellem fuq il-films bl-istejjer tal-awtur Edgar Allan Poe

The Tomb of Ligiea (1965)
The Tomb of Ligiea (1965)

Wieħed mill-awturi kbar tal-letteratura Amerikana kien Edgar Allan Poe. Il-kitba u l-poeżiji tiegħu ispiraw numru sostanzjali ta’ films sa mill-1909, xogħlijiet li nikklassifikawhom ma’ produzzjonijiet ta’ atmosfera morbida, ta’ biża’ u twerwir. Kif se naraw, dan l-awtur kellu ħajja melodrammatika u kważi ftit biss min-novelli tiegħu setgħu jiġu ffilmjati skont il-kitba tiegħu. Ħafna kienu juru l-moħħ inkwetat li kellu b’kitbiet li kienet juru disperazzjoni, nuqqas ta’ tama u immaġinazzjoni ta’ fantasija u melankolija. Pereżempju, f’wieħed mill-kotba tiegħu The Masque Of The Red Death spiċċa b’dan il-mod aktarx tipiku tiegħu: “and pestilence, death and destruction had dominion over all” (il-pesta, l-mewt u l-ħerba totali ssuperaw kollox). Frażijiet bħal din, meta kont l-iskola. lili kienu jaffaxxinawni immens. 

Edgar Allan Poe, kittieb ta’ poeżiji u proża twieled nhar id-19 ta’ Jannar 1809 f’Boston. Kien it-tifel ta’ attur, David Poe u fi tfulitu għadda ħajtu bħal missieru. Missieru kien abbanduna l-familja u ommu mietet meta kien għadu żgħir ħafna. Trabba minn Mrs. Frances Allan, il-mara ta’ negozjant minn Richmond, Virginia. Mill-1815 sal-1820 kien studja l-Ingliterra u l-Iskozja u meta reġa’ lura fl-Istati Uniti attenda l-Università ta’ Virginia. Hu kellu jħalli l-iskola minħabba serje ta’ ħarbiet meta kien fis-sakra u dejn mhux imħallas. B’hekk beda jaħdem fl-uffiċċju tal-kontijiet ta’ missieru putattiv, John Allan. Dan l-artist ta’ temperament qawwi telaq minn dan ix-xogħol u taħt isem u età falza ngħaqad fl-armata. Hu serva bħala suldat għal sentejn u bħala kadett f’West Point għal seba’ xhur.  

Fl-1831 f’Boston, ippubblika l-ewwel poeżija tiegħu Tamerlane u l-volum Poems By Edgar Allan Poe, stampat fi New York li fosthom kien hemm Lenore u Israfel. Fl-1835 sar assistent direttur ta’ ġurnal letterarju tas-Sud. Fl-1836 iżżewweġ lil Virginia Clem; sena wara reġa’ ċċaqlaq u mar fit-Tramuntana fejn bil-flus li jaqla’ bilkemm kien jista’ jitma’ lilu nnifsu u liż-żagħżugħa martu. Hemm beda jikteb affarijiet mhux ta’ kalibru. Il-marda li ħakmet lil martu għamlet lil Poe bniedem tassew melankoliku u ta’ natura kollha bruda tant li beda jixrob ħafna. Ix-xogħlijiet tiegħu saru aktar fantastiċi u l-immaġinazzjoni tiegħu aktar skura. Karattri mhux normali u fittizji saru l-protagonisti tal-kitbiet tiegħu. F’dan il-perjodu, kumbinazzjoni ta’ kliem maġiku u ta’ seħer u perfezzjoni eskwiżita ta’ forma ta’ proża kkaratterizzaw il-kitba tiegħu, kif jidher tant tajjeb f’Ligeia. 

Kien f’dan iż-żmien li Poe ppubblika waħda mill-isbaħ stejjer avventurużi fil-letteratura Amerikana, The Narrative Of Arthur Gordon Pym. Fl-aħħar għaxar snin ta’ ħajtu kkontribwixxa ħafna fl-iżvilupp tal-istorja ta’ xi ditektiv jew investigatur. Barra li kien artist kreattiv, Poe kien ukoll kritiku letterarju akut u radikali. Ix-xogħlijiet tiegħu kienu aktar immirati għal barra l-pajjiż. Hu kien ta’ influwenza kbira għall-kittieba diversi, fosthom Sir Arthur Canon Doyle (li ivvinta l-karattru ta’ Sherlock Holmes) u l-Franċiż Charles Beaudelaire. Edgar Allan Poe miet żgħir ta’ 40 sena nhar is-7 ta’ Ottubru 1849, aktarx minn suwiċidju. 

Naturalment, awtur ta’ dan il-kalibru minkejja li għadda minn ħajja ttorturata u minn dipressjoni manika, ix-xogħlijiet tiegħu sikwit sabu posthom fis-sod fuq il-liżar ċinematografiku. 

Fl-1909 id-direttur ċelebri D. W. Griffith ħadem The Life Of Edgar Allan Poe. Il-poeżija tiegħu The Raven (iċ-Ċawla) ġiet iffilmjata bosta drabi; fl-1912, 1915, 1935 bl-atturi Boris Karkoff u Bela Lugosi, fl-1963, The Raven ... Nevermore (1999), fl-2003 u l-2012. Ġieli dan il-film kien jimplika l-ħajja ta’ dan l-awtur. The Tell-Tale Heart ukoll sab ruħu fuq il-liżar il-kbir fl-1928, fl-1942 bħala proġett qasir, fl-1950 bħala film animat, fl-1954 b’narrazzjoni ta’ James Mason, ħadmitu kumpanija indipendenti Amerikana fl-1956 bl-isem ta’ Calypso jew Manfish, u fl-1960 mill-Gran Brittanja. 

Xogħlijiet oħra famużi minn tiegħu wkoll inħadmu bosta drabi: 

The Fall Of The House Of Usher deher fi Franza fl-1929 dirett minn Jean Epstein, fl-1950 mir-Renju Unit minn nies semiprofessjonali, minn Roger Corman f’Hollywood fl-1960, fl-1988 mill-Afrika t’Isfel dirett minn Alan Berkinshaw u fl-2008 bħala satirika omosesswali. The Pit And The Pendulum kien maħdum fl-1913, minn Roger Corman fl-1961 u fl-2009 ambjentat fil-preżent. The Masque Of The Red Death inħadem fl-1964 u fl-1989, b’Roger Corman ikun id-direttur fil-verżjoni ta’ qabel u produttur f’dik tal-1989. The Tomb Of Ligeia deher għall-ewwel darba fl-1965, għal darb’oħra dirett minn Roger Corman u fl-2008 bit-titlu ta’ Edgar Allan Poe’s Ligeia. The Premature Burial ħareġ fl-1962 u bħala thriller għat-TV kważi fl-istess żmien. L-idea ta’ dan il-film ittieħdet mill-produzzjoni The Crime Of Dr. Crespi (1935). 

 

More in Arti