
Il-liġi letteratura
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb tħares lejn żewġ kotba tal-liġi u tinnota kemm il-liġi trid mil-letteratura biex tirrakkonta l-istorja kulturali tagħna.

Teżisti idea żbaljata li l-liġi u l-letteratura m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin. Din l-idea ddarrasni ferm bħala studenta tal-liġi li għandha għal qalbha l-letteratura — u għalhekk tgħidx kemm fraħt meta ġejt mitluba nagħmel reċensjoni taż-żewġ volumi ta’ Essays in Maltese Legal History ta’ Mark A. Sammut Sassi. Għax meta Sammut Sassi jikteb fuq il-liġi, l-istorja ssir letteratura, u l-ġurist isir kittieb.
Dan kien l-ewwel sentiment li laqatni meta bdejt naqra l-ġabriet tal-esejs tiegħu. Forsi l-aktar sorprendenti huwa li dan hu ktieb fuq il-liġi — fuq il-kodiċijiet kriminali u kostituzzjonali, fuq ġuristi, fuq il-kontribuzzjonijiet speċifiċi tal-ius commune u l-ius civile — iżda jinqara bħallikieku hu rumanz storiku. Il-proża hi fina, il-lingwa mimlija ritmu, u l-argumenti legali jiġu mtaqqla b’forza kritika li jagħmluhom jixbhu aktar lil trattat filosofiku milli dissertazzjoni akkademika.
Kif diġà semmejt fir-reċensjoni tiegħi ta’ Id-Dritt, Vol 42, il-letteratura legali f’Malta jonqosha ħafna x’taqdef qabel tifforma librerija sostanzjali. B’inqas minn għaxar esejs f’żewġ kotba, Sammut Sassi jirnexxilu jaħdem ħafna biex jimla din il-lakuna: mhux talli jirriċerka u jikteb artikli legali, imma jikteb il-liġi bħala esperjenza letterarja, jiġbor lura dak li Gadamer isejjaħ “tradizzjoni ħajja” li rridu ninterpretaw, mhux biss napplikaw.
Fil-fatt, kull esej juri kemm l-awtur kapaċi jmur lil hinn mill-kronaka legali biex iqiegħed il-liġi f’kuntest filosofiku, politiku u kulturali. Kif jgħid hu stess fl-introduzzjoni: dawn mhumiex esejs fuq “history of legislation,” imma fuq “history of law.” Jiġifieri mhux fuq kif saru l-liġijiet, imma fuq x’ideat, kunflitti u ideoloġiji ġiegħlu lill-ġenerazzjonijiet ixammru l-kmiem biex jibdluhom.
Il-ktieb għandu piż dottrinali sinifikanti. Ugo Mifsud Bonnici jisħaq li l-avukat Malti, minħabba t-taħlit u s-sorsi differenti li għandna fil-liġi Maltija, ikollu bilfors isir “komparatist naturali”. Essays in Maltese Legal History huma xhieda ta’ dan. Fil-parti tal-ktieb li tittratta l-liġi kriminali, pereżempju, Sammut Sassi juri kif il-ħsieb ta’ Beccaria u Montesquieu, flimkien mal-mewġ ta’ kodifikazzjoni Ewropea, ġew imdaħħla fil-kuntest Malti, mhux bħala kopja sħiħa, iżda permezz ta’ għażla kritika, imħallta ma’ drawwiet lokali u mal-ħtiġijiet tal-amministrazzjonijiet kolonjali ta’ żmienhom. Din l-argumentazzjoni hi delikata, u tevita n-narrattiva trijonfalista: hi aktar interessata li turi l-kontinwità tal-ius commune anki fejn apparentement hemm bidla.
Il-metodu tiegħu jispikka wkoll fl-użu ta’ sorsi primarji u sekondarji: kodiċijiet, rapporti kolonjali, korrispondenza, trattati Maltin u barranin. Hu konxju ħafna mill-ħtieġa tal-kritika tas-sors, u ma jibżax jiskava l-miti storjografiċi — bħall-“effett liberali” suppost attribwit lill-influwenza Brittanika, jew il-mit dwar il-kontribut ta’ Andrew Jameson. Din l-għaqda bejn sfond storiku u sens kritiku tagħti lill-ktieb dimensjoni unika.
Fil-parti kostituzzjonali, Sammut jerġa’ joħroġ lil Dillon u lil Amabile Bonello minn fejn ġew mgħaffġa u mraqqda bejn l-annali tal-istorja, imma jagħmel dan b’mod li jgħaqqadhom mal-ġeopolitika Ewropea ta’ żmienhom. Dillon jidher qisu karattru ta’ rumanz kolonjali, u Bonello patrijott rivoluzzjonarju — imma taħt din il-proża letterarja hemm analiżi sistematika: x’differenzi kien hemm bejn il-kostituzzjonalità Brittanika u l-aspirazzjonijiet Maltin? X’konsegwenzi istituzzjonali kellhom dawn id-dikjarazzjonijiet? Hawnhekk l-esejs mhux biss jagħtu ħajja lil figuri mitlufa, imma jiftħu wkoll kwistjonijiet li għadhom rilevanti fid-dibattiti kostituzzjonali tal-lum.
Ta’ min jinnota b’mod partikolari r-rieda tal-awtur li jikkritika, kemm il-miti legali lokali, kif ukoll dawk li “rċivejna”. Huwa jikxef, pereżempju, il-paradossi tal-importazzjoni kolonjali, kif il-“kodifobija” fit-tradizzjoni tal-common law, mingħajr ma riedet, inkoraġġiet il-permanenza ta’ strutturi legali kontinentali, u kif it-tranżizzjoni lejn dak li suppost hu kostituzzjonaliżmu modern fil-verità kienet mimlija ambigwità. L-esejs għalhekk mhumiex sempliċement kronaki iżda interventi li jerġgħu jikkalibraw il-mod ta’ kif l-akkademiċi jistgħu jikkunċettwalizzaw it-trapjant legali, l-ibridità, u l-irwol tal-kultura legali fil-bini ta’ nazzjon.
Essays in Maltese Legal History, Volume 2 mhux biss isaħħaħ paradimmi stabbiliti; iżda jistieden għal rikonsiderazzjoni radikali tagħhom. Ix-xogħol ta’ Sammut Sassi jqiegħed l-evoluzzjoni legali Maltija fi ħdan il-kurva usa’ tal-istudji legali postkolonjali, il-liġi komparattiva kritika (b’mod partikolari Pierre Legrand u H. Patrick Glenn), u d-dawra lejn analiżi legali storikament u kulturalment imħaddna, kemm fil-liġi pubblika Ewropea, kif ukoll fl-istorja legali globali. B’hekk, huwa jikxef il-limiti ta’ kategoriji familjari (sovranità, kodifikazzjoni, nazzjonalità) u jimbotta d-dibattitu lil hinn mid-dikotomiji konvenzjonali bħal “common law kontra civil law,” nazzjonaliżmu kontra imperjaliżmu, u tradizzjoni kontra modernità.
Waqt li x-xogħol jispikka fil-mod kif jikxef u jiddekonstrutta l-miti, il-preskrizzjonijiet tiegħu għal riforma legali jew għall-applikazzjoni kontemporanja spiss jibqgħu impliċiti. Nawgura li f’edizzjonijiet futuri l-awtur isaħħaħ il-pont bejn il-kritika storika u gwida normattiva konkreta għall-bidliet legali li għandhom isiru.
Iż-żewġ ġabriet juru b’mod ċar kif il-liġi tista’ tiġi mifhuma fil-milja tagħha biss minn min jara fiha att multidixxiplinarju. Dan il-volum ikompli jikkonferma li l-liġi — Maltija u mhix — għandha tiġi studjata, mhux biss bħala ġabra ta’ kodiċijiet u ġurisprudenza, imma bħala narrazzjoni kulturali: bħal poeżija, bħal storja, bħal filosofija — u fil-każ ta’ dawn il-volumi, il-poeżija tibda mill-għażla tal-pittura tal-qoxra stess!
L-awtur bagħatli kopja tal-ktieb biex nirreċensah b’mod onest.