
Għaqal u Daħk
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Daniel Cossai jaqbad ktieb ieħor ta’ wieħed mill-aktar kittieba famużi f’Malta għat-tfal – Charles Casha -Bejn Nazju l-Anzjan u Fra Mudest hemm deċennji sħaħ ta’ kitba prolifika tal-awtur li saħħret eluf ta’ tfal- Imma Nazju kif jikkumpara mal-aktar Fra popolari f’Malta?

Charles Casha m’għandux bżonn wisq introduzzjoni. Ilu jippubblika l-letteratura għat-tfal għexieren ta’ snin, primarjament fil-forma ta’ rakkonti qosra, bi stil u karattri pjuttost umorużi. Nimmaġina li ħafna nies jiftakru lil Fra Mudest minn meta kienu l-iskola. L-iżjed ktieb riċenti tiegħu, Nazju l-Anzjan (Klabb Kotba Maltin, 2024) isegwi l-istil tipiku tiegħu. Meta taqrah, biex ma ngħidx meta tħares lejn il-qoxra, mill-ewwel taħseb f’Casha u tkun taf, bejn wieħed u ieħor, x’għandek tistenna.
Min hu dan Nazju? Nazju pensjonant li jqatta’ l-ġranet tiegħu jew id-dar ma’ martu Nora, jew ma’ sħabu l-irġiel il-każin jew il-pjazza tar-raħal. Kważi kważi nsejjaħlu arketip. Huwa karikatura ta’ min jaħseb li ra kollox u ma xejn, anzjan li ma jafx ħażen imma li jistħajlu xi naqra ta’ Casanova jew Don Giovanni, mhux għax jaf min kienu. Proprjament meta kien żgħir, in-Nutar Bonavia kien qallu li Casanova kien dilettant ħdejh. Imma Nazju nesa li ż-żmien meta kien iġennen lit-tfajliet warajh għadda, ħaġa li ddaħħlu f’erba’ praspar għall-gost tagħna u ta’ sħabu. Huwa nebbiexi u xi naqra supperv. Kif ngħidu bil-Malti, fih tip.
Fuq kollox, Nazju jħobb jirrakkonta l-istejjer. Uħud veru, uħud li joħloqhom minn żniedu, imma sħabu jitpaxxew jisimgħuh, speċjalment Leli. Dan li jagħmel Nazju tassew karattru ta’ min iħobbu. Moħħu dejjem biex jara xi storja ħa jgħid biex idaħħak lill-ħbieb. Fil-kapaċità straordinarju tiegħu li jirrakkonta, u speċjalment li jivvinta, l-istorja, naraw lemħa ta’ intelliġenza minkejja li ħafna mill-umoriżmu huwa bbażat fuq li Nazju ma tantx jaf skola, bħall-istorja ta’ meta mar biex jivvota, id-diversi drabi fejn spiċċa f’basla għax ma jafx bl-Ingliż, jew il-mod kif ifarrak il-kliem. Fi storja minnhom jgħid li sema’ lill-Ministru jħabbar li “l-Kovet m’għadhiex
pandemonju imma saret dinamika”. Qisha logħba għall-qarrej biex jiddeċifra x’inhu jgħid, għalkemm sieħbu Nikol dejjem jipprovdi t-tweġiba wara; ħeqq, wara kollox, Charles Casha magħruf ukoll għall-kotba tat-tislibiet.
Kemm Nazju fir-rakkonti tiegħu f’diskors dirett kif ukoll Casha nnifsu fin-narrazzjoni indiretta għandhom ħabta jgħidu l-istejjer b’tali mod li qisna nkunu nistgħu nimmaġinaw x’ġej. Biss, jaf jarralna. Ir-rakkonti mhux dejjem jiżvolġu kif forsi nistennew li se jkun ovvju.
Minkejja dan l-aspett pożittiv, diffiċli ngħidu li din il-ġabra ta’ stejjer mhijiex wisq ripetittiva, minkejja li kulma hi twila madwar 70 paġna. Casha juża xi mudelli diversi drabi: Nazju jmur għand tabib, għand dentist, il-klinika jew l-isptar, isib xi ners jew tabiba ħelwa, jinsa li hu anzjan u mingħalih se jimpressjonaha, u jinsa’ l-inkwiet kollu tiegħu. F’madwar tużżana stejjer, din tintuża tal-inqas xi erba’ darbiet. L-istess iċ-ċajt bil-kliem imfarrak, segwit mill-korrezzjoni ta’ Nikol, imbagħad “U iwa. L-aqwa li fhimtni”, konverżazzjoni ripetuta li kważi kważi ssir umoruża sempliċiment għal kemm-il darba naqrawha. Biss, ngħiduha kif inhi, f’ġabra tant qasira, wieħed jistenna naqra iżjed kreattività u l-ktieb iħallik b’sens ta’ “ħa ndum naqra l-istess ħaġa?” Ir-rakkonti li ma jsegwux dawn il-mudelli, u b’mod partikolari l-aħħar waħda dwar il-btala ta’ Nazju, fil-fatt jispikkaw u huma, fil-fehma tiegħi, bil-qabda l-aħjar stejjer fil-ġabra.
Jekk wieħed jiflaħ jinjora dan in-nuqqas, se jsib klikka karattri li mill-ismijiet tradizzjonali tagħhom mill-ewwel joħduna f’dinja fejn nistgħu nimmaġinaw x’tip ta’ interazzjonijiet se naraw, forsi billi niftakru fl-interazzjonijiet man-nanniet tagħna stess. Però ma nibqgħux biss f’ambjent tradizzjonali; dawn mhumiex l-anzjani ta’ dari, imma l-anzjani tal-lum li għexu l-pandemija. Diversi rakkonti jduru mar-realtà ta’ ftit snin ilu tal-ilbies tal-maskri u l-appuntamenti għall-vaċċini — għalkemm fid-diskors diretta, Nazju u Nikol jgħidu “titqiba”, mossa f’lokha minn Casha li tirrifletti bi preċiżjoni kbira d-distinzjoni bejn il-kelma li daħlet f’fomm kulħadd tul il-pandemija, u dik tradizzjonalment użata mill-anzjani tagħna.
Casha juża stil idjomatiku u aċċessibbli, miktub b’mod li titpaxxa mhux biss taqrah imma anki tisimgħu, ħaġa li turi l-esperjenza u t-
talent tiegħu fil-kitba għat-tfal, fejn spiss ikun involut il-qari simultanju minn tfal u adulti, sew id-dar u sew fil-klassi; anki ċ-ċajt, fil-fatt, huwa ddisinjat b’mod li jogħġob lil nies ta’ ġenerazzjonijiet differenti. Il-ktieb iżomm ruħu kemm jista’ jkun ġeneriku f’termini ta’ post u huwa formulajku: f’xi stejjer naraw l-interazzjonijiet ta’ Nazju b’mod dirett, u f’oħrajn narawh jirrakkontahom lil sħabu. M’hemmx sentenzi twal wisq, il-logħob bil-kliem dejjem jiġi spjegat, iċ-ċajt mhuwiex elaborat iżżejjed li ma tifhmux. Huwa miktub b’mod tajjeb biex iservi ta’ pont hekk kif it-tfal jibdew jesploraw kotba ftit itwal, bi ftit inqas stampi, lejn kotba iżjed avvanzati. Ftit stampi, imma mhux xejn. Irrid ngħid, hawnhekk, li l-illustrazzjonijiet ta’ Rita Saliba huma meravilja fihom infushom, u l-qoxra tal-ktieb hija tassew perfetta: mhux biss għax meta taraha tfakkrek mill-ewwel fil-kotba ta’ Casha, iżda għax it-tpinġija ta’ Nazju jgħammeż lill-qarrej tiġbor f’daqqa ż-żewġ elementi ewlenin wara l-umoriżmu tal-karattru: l-hemża lejn xi ners li għoġbitu biex jittantaha, u l-hemża lejn sħabu u l-qarrejja biex jindikalhom li qed jivvinta xi storja jew ċajta.
Nazju karattru ferrieħi li diffiċli ma tħobbux. Dawn il-vinjetti umorużi huma relatabbli, ta’ żmienna. Il-ġrajjiet li jseħħu fihom huma ġrajjiet li lkoll għexna. Biss Nazju ma nħossx li laħaq il-livell ta’ Fra Mudest; huwa karattru ġeneriku immens u totalment mhux wieħed li tibqa’ tiftakru. Il-ktieb irid jittieħed ta’ li hu: ktieb għat-tfal, miktub sew, imma mhux ktieb li se jsir klassiku jew li nibqgħu niftakru l-istejjer tiegħu.