Proġett pilota ġdid: Writer’s Critic Platform

Ħames kittieba li ntgħażlu wara sejħa pubblika miftuħa aktar kmieni dan ix-xahar, se jattendu workshops ta’ kitba maħsuba biex itejbu l-ħiliet tagħhom u jkunu aktar kunfidenti fil-produzzjoni ta’ kritika taż-żfin li tkun attraenti, rilevanti, u riflessiva – kollha maħsuba għall-pubblikazzjoni online

(Ritratt: Elisa von Brockdorff)
(Ritratt: Elisa von Brockdorff)

Festivals Malta, f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, nedew proġett pilota bl-isem ta’ Writer’s Critic Platform – pjattaforma ġdida maħsuba biex tħeġġeġ djalogu kritiku madwar iż-żfin, it-teatru, il-mużika, u l-arti performattiva. Din il-pjattaforma għandha l-għan li tiżviluppa u tippromovi ġurnaliżmu artistiku ta’ kwalità għolja fl-ispazju diġitali permezz ta’ edizzjoni pilota ddedikata għall-kitba dwar iż-żfin. 

Din l-Akkademja tal-Kitba, li se ssir waqt Dance Festival Malta, se tkun immexxija mill-ġurnalista, produttriċi, u direttriċi tal-Ispringback Academy ta’ Aerowaves, Oonagh Duckworth. Ħames kittieba li ntgħażlu wara sejħa pubblika miftuħa aktar kmieni dan ix-xahar, se jattendu workshops ta’ kitba maħsuba biex itejbu l-ħiliet tagħhom u jkunu aktar kunfidenti fil-produzzjoni ta’ kritika taż-żfin li tkun attraenti, rilevanti, u riflessiva – kollha maħsuba għall-pubblikazzjoni online. 

Annabelle Stivala, Kap Eżekuttiv tar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali u l-Avvenimenti fil-Kunsill Malti għall-Arti, qalet: “Dan il-programm, li huwa kollaborazzjoni bejn l-Arts Council Malta u d-Dance Festival Malta, huwa maħsub biex jikkultiva ġenerazzjoni ġdida ta’ kittieba u kritiċi tal-arti fid-dixxiplini artistiċi kollha, u jsaħħaħ ir-rabta essenzjali bejn il-prestazzjoni artistika, il-kritika, u l-impenn tal-udjenza. Din l-inizjattiva tikkonferma l-fidi tagħna li l-kitba kritika hija estensjoni vitali tal-prattika artistika, u li tgħin tibni pontijiet bejn l-artisti u l-udjenzi.” 

Frans Agius, Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, qal: “Permezz ta’ din il-pjattaforma u dal-festival taż-żfin, Festivals Malta qed jimmira li jkompli jiżviluppa talent lokali, filwaqt li jikkontribwixxi biex jinħolqu aktar kittieba kritiċi fis-settur kulturali, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam maż-żfin.” 

Id-Direttur Artistiku ta’ Dance Festival Malta, Francesca Tranter, żiedet: “Il-kritiċi tal-arti u l-kittieba għandhom rwol kruċjali biex jittraduċu dak li hu viżiv u momentanju f’lingwa. Huma jgħinu lill-artisti jikbru permezz ta’ analiżi u riflessjoni, u jippermettu lill-udjenzi li ma setgħux jattendu fiżikament biex xorta jgħaqqdu mar-raba’ xogħol b’mod sinifikanti. Huwa għalhekk li inizjattivi bħal dawn huma ċentrali għas-settur kulturali.” 

Il-Writer’s Critic Platform qed isir bi sħab mal-Kunsill Malti għall-Arti u bl-appoġġ tal-Valletta Cultural Agency u tal-Valletta Design Cluster. Il-Pjattaforma se ssir waqt ir-raba’ edizzjoni ta’ Dance Festival Malta bejn l-24 u s-27 ta’ Lulju. Għal biljetti u aktar informazzjoni dwar il-festival żur: www.dfm.mt 

 

More in Arti