
Niċċelebraw lil Giuseppe Calì: issa fil-Mosta
Dan il-proġett se jġiegħel lill-poplu jħoss sens ta’ appartenenza ma’ dak li wiret, f’kuntest fejn l-arti ma tibqax tistenna lin-nies imma tmur għand in-nies, f’nofs il-komunità — fil-postijiet li kellhom u għandhom ir-rabta ma’ dak li hu spiritwali, edukattiv u storiku

It-tieni wirja fis-sensiela ‘MUŻA Ħdejk’, li tittratta l-ġenju artistiku lokali Giuseppe Calì, issa waslet fil-Bażilika tas-Santwarju ta’ Marija Assunta fil-Mosta. Din se tibqa’ miftuħa sal-25 ta' Ġunju, imbagħad iżżur Ħal Lija u Tas-Sliema aktar tard matul is-sena.
Imnedija ftit tal-ġimgħat ilu biss fil-preżenza tal-Prim Ministru ta’ Malta fil-Bażilika tal-Madonna ta’ Porto Salvo u San Duminku fil-Belt Valletta — il-parroċċa nativa tal-artist — issa din il-wirja fetħet fit-tieni waqfa tagħha.
Bl-isem ‘Niċċelebraw lil Giuseppe Calì’, din il-wirja tagħmel parti mill-inizjattiva usa’ ‘MUŻA Ħdejk’, maħluqa bl-għan li twassal xogħlijiet mill-kollezzjoni nazzjonali tal-arti eqreb lejn il-pubbliku, billi ssellifhom temporanjament lil lokalitajiet li magħhom għandhom rabta.
Fil-Bażilika tas-Santwarju ta’ Marija Assunta fil-Mosta, magħrufa wkoll bħala r-Rotunda, Calì kien ikkummissjonat joħloq diversi xogħlijiet — fosthom pitturi tal-Madonna tar-Rużarju, tat-Trinità Qaddisa, il-profeti u l-anġli, u tat-Tmien Stadji tal-Ħajja ta’ Ġesù Kristu.
F’dan l-isfond, se jingħaqdu mal-wirja wkoll buzzett tal-pittura ‘Il-Mewt ta’ Santu Wistin’, wieħed mill-inkwatri laterali tal-kappellun tal-Madonna taċ-Ċintura — parti mill-kollezzjoni tal-Bażilika — u negattivi ta’ ritratti antiki li juru waħda mill-pitturi ta’ Calì ta’ fuq il-koppla mġarrfa mill-bomba li laqtet il-knisja fit-Tieni Gwerra Dinjija.
F’diskors fl-inawgurazzjoni tal-wirja, Dott. Anġlu Farrugia, il-President tal-Kamra tad-Deputati, iddeskriva l-ftuħ tal-wirja bħala “stedina biex niftakru, nirriflettu u napprezzaw dak li għandu għalina valur artistiku u spiritwali.” Huwa qal li: “Dan il-proġett se jġiegħel lill-poplu jħoss sens ta’ appartenenza ma’ dak li wiret, f’kuntest fejn l-arti ma tibqax tistenna lin-nies imma tmur għand in-nies, f’nofs il-komunità — fil-postijiet li kellhom u għandhom ir-rabta ma’ dak li hu spiritwali, edukattiv u storiku.” Il-President tal-Kamra saħaq li tant jemmen fil-valur ta’ ‘MUŻA Ħdejk’ li mill-uffiċċju tiegħu stess aċċetta minnufih it-talba li saret biex waħda mill-pitturi ta’ Calì, esebita fil-Parlament, tiġi mislufa għal din il-wirja, sabiex il-poplu jgawdiha.
Mario Cutajar, id-Direttur tal-MUŻA, Chairman ta’ Heritage Malta u l-kuratur ta’ din il-wirja, qal li: “MUŻA Ħdejk hija biss miżura waħda ta’ MUŻA biex tersaq iktar u tidħol iktar qalb il-komunità. Fil-mużew qed isir tibdil sinifikanti – ix-xahar id-dieħel se niftħu sitt swali ġodda rinovati li jikkonċentraw fuq l-arti fis-seklu 19, wara li iktar kmieni dis-sena tlestew is-swali li mill-preistorja jieħdu lill-viżitatur sal-perjodu Barokk. Sadanittant bdiet tintuża wkoll sala oħra għall-wirjiet temporanji, biex issa l-ispazju għal wirjiet bħal dawn żdied sostanzjalment. Għal MUŻA, il-qofol ta’ kollox huma n-nies — kemm jekk qed iżuru dal-mużew nazzjonali tal-arti, jew jekk il-MUŻA qed tasal għandhom b’wirjiet bħal din, li tiċċelebra lil Giuseppe Calì.”
Dun Bastjan Caruana, l-Arċipriet tal-Bażilika tas-Santwarju ta’ Marija Assunta fil-Mosta, qal li: “Il-knisja tinkludi fiha l-ewwel xogħol pubbliku ta’ Calì – l-inkwatru tal-Madonna tar-Rużarju – u diversi xogħlijiet oħrajn li juru l-iżvilupp tal-artist, fosthom l-inkwatru ta’ Santu Wistin, li hawn min jisħaq li jinkludi awtoritratt tal-artist. Kuntenti ħafna li l-knisja qed tilqa’ fiha din il-wirja, li bla dubju se tkompli tiġbed aktar nies u turisti lejn ir-raħal sabiħ tal-Mosta.”
Katalgu ddettaljat jakkumpanja din il-wirja. Kopji fiżiċi tiegħu se jkunu għall-bejgħ fil-knisja u verżjoni diġitali tista’ tiġi aċċessata hawnhekk: https://issuu.com/heritagemt/docs/muza_hdejk_niccelebraw_lil_giuseppe_cali_cover.
Il-wirja tiftaħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9:30 a.m. u l-5:30 p.m., is-Sibt mid-9:30 a.m. sal-4:30 p.m. u l-Ħadd minn 12:00 p.m. sal-5:00 p.m. Id-dħul huwa kompletament bla ħlas.