Il-kliem att: L-Avveniment u l-qawwa tal-memoir

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, il-memoir L-Avveniment iġiegħel lil Daniel Cossai jirrifletti kemm it-traduzzjoni tista’ tkun sors biex tawtentiċizza d-diskussjoni, li f’dal-każ hija waħda attwali u kkuntestata f’Malta: l-abort

Forsi l-moda letterarja tal-lum hi l-memoir. Fil-filosofija kontinentali, dan jissejjaħ iż-Zeitgeist — l-ispirtu taż-żmien, dak li jiddistingwina min-nies simili ta’ perjodi oħra. Il-memoir, li sa ftit għexieren ta’ snin ilu kien pjuttost rari, f’daqqa waħda sploda. Qed jiġu ppubblikati iżjed memoirs minn qatt qabel, mhux biss minn nies magħrufin imma anki minn persuni ordinarji. 

Għalkemm tixbah l-awtobijografija, din il-forma ta’ kitba tiffoka biss fuq aspett wieħed iżjed dejjaq. Mhux il-ħajja jew il-karriera kollha ta’ persuna, imma parti speċifika, jekk mhux avveniment wieħed. L-Avveniment — dak il-wieħed tant kbir li m’għandu bżonn l-ebda kwalifika oħra u li jistħoqqlu memoir għalih. Hekk issejjaħlu Annie Ernaux fil-memoir Franċiż tagħha tal-2000, tradott għall-Malti minn Claudine Borg (L-Avveniment, Faraxa Publishing, 2025). 

Fir-rumanz Vladimir tal-Amerikana Julia May Jonas, f’mument wieħed hemm diskussjoni bejn żewġ letturi fejn jgħidu li l-istudenti tal-lum m’għadhomx interessati li jiktbu l-finzjoni imma minflok kollha moħħhom biex jiktbu l-memoirs. Xi ħadd jissuġġerixxi li l-memoir sar iz-Zeitgeist tal-lum għax il-ġenerazzjoni l-ġdida trabbiet tibni, tikkultiva u tippubblika l-persona tagħha online, qisu l-idea li nsawru u nippreżentaw l-immaġni tagħna nfusna saret ħaġa aktar reali minn qatt qabel. Spjegazzjoni li fiha x’tixtarr, ċertament, imma Ernaux, li twieldet fl-1940 u kitbet L-Avveniment ta’ 60 sena, mhix parti minn din il-ġenerazzjoni. Kien hemm preċedent, mela, xi raġuni oħra għaliex il-ġeneru tal-memoir kien diġà beda jikber meta twieldet il-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum. 

It-tweġiba, almenu għal dan il-każ, naħseb li hi l-qawwa tal-kitba li timpatta d-dinja tal-madwar u tibda diskussjoni, aktar u aktar meta dak li jinkiteb ikollu l-għeruq fir-realtà. L-Avveniment huwa dwar Ernaux żagħżugħa, għadha studenta, meta nqabdet tqila. Dwar kif din it-tqala, li Ernaux tirrifjuta li ssejħilha b’isimha iżda biss bħala “dil-ħaġa”, biddlitilha ħajjitha ta’ taħt fuq; “tqala tirrima ma’ tqalla’”, tinnota Ernaux fil-vuċi Maltija li tatha Borg. Dwar l-istress biex iżżomm dak li ġara moħbi u biex issib lil xi ħadd lest iwettaq abort illegali, minkejja l-konsegwenzi legali serji kemm fuqha kif ukoll fuq min jassistiha fi Franza dak iż-żmien. U dwar it-trawma tal-abort stess. 

It-traduzzjoni l-istess: sors biex tibda diskussjoni. Fil-fatt, it-traduzzjoni, skont il-kunċett tal-polisistema żviluppat b’mod partikolari minn Itamar Even-Zohar, hija mod effettiv kif l-ideat jimxu minn kultura għal oħra. F’Malta, id-diskussjoni dwar l-abort qiegħda tibda bil-mod, imma għadha fil-bidu ħafna. L-indirizzar tas-suġġett għadu, almenu fost massa sinifikanti, tabù fil-kultura tagħna. F’dan il-kuntest it-traduzzjoni, billi tiddevja s-suġġett għal awtriċi barranija li kitbitu 25 sena ilu, isservi biex tagħti spinta lid-diskussjoni b’mod li jinżel aħjar man-nies filwaqt li, billi l-kitba tradotta hija speċifikament memoir, tipprovdi lill-qarrejja Maltin b’esperjenza tanġibbli tal-avveniment privatissimu u mill-iżjed diffiċli. U b’hekk kitba ta’ kwart ta’ seklu ilu tingħata nifs ġdid u terġa’ tikseb relevanza bis-saħħa ta’ traduzzjoni li tagħmel minn esperjenza barranija individwali waħda li tmiss ukoll lil nies fi żmien u post differenti. L-att tat-traduzzjoni huwa bħal spotlight li jenfasizza, bi skop, bil-lingwa tal-udjenza mira u, forsi iżjed importanti minn hekk, jiżgura li jkun fuq l-ixkafef tal-ħwienet ta’ madwarhom. 

Ernaux tistedinna nidħlu fil-kurituri ta’ moħħha. Tispjegalna kif b’att wieħed, inbidel kollox. F’daqqa waħda ħajjitha ma baqgħetx “sensiela ripetittiva ta’ ġranet li timla b’lezzjonijiet u assenjamenti, waqfiet fil-kafetteriji u l-librerija, li jwasslu għall-eżamijiet u l-vaganzi tas-sajf, għall-futur.” Ir-riskju huwa futur ippjanat mitluf għalkollox jew, tal-inqas, mibdul. Il-konsegwenzi eżistenzjali sproporzjonati tal-att sesswali fuq in-nisa f’soċjetà b’istituzzjonijiet li mhumiex lesti jkunu ta’ appoġġ għalihom jispikka tul ir-rakkont. 

Stilistikament, Ernaux ftit tuża kliem, imma ma tomogħdux. Mhijiex sensazzjonali jew drammatika; sempliċement tgħaddilna dak li rat u ħasset, irrispettivament minn jekk hux xieraq jew vulgari. L-iskop mhuwiex li nitħassruha għall-esperjenza individwali, imma li tkun relatabbli, li tagħti sura fil-kitba lill-esperjenza kollettiva ta’ miljuni ta’ nisa, mhux biss b’rabta mal-abort, imma wkoll ma’ aspetti oħra li jispikkaw iżjed indirettament, bħall-attitudnijiet tas-soċjetà u r-rieda — jekk mhux stennija — li jinħbew l-esperjenzi li lill-mara jagħmluha mara. In-narratriċi tikteb b’mod fattwali, mingħajr wisq emozzjoni, kultant kważi indifferenti, u b’hekk tuniversalizza l-individwali billi żżomm ruħha distanti. 

Fil-fatt li huwa memoir insibu realiżmu kważi xokkanti. Il-qarrej m’għandux jistenna xi tmiem sabiħ bħal tal-istejjer, jew mument fejn kollox isib postu. Din hija l-istorja ta’ vittma tal-esperjenza u ta’ żmienha. 

Borg — li hija l-Kap tad-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretazzjoni fl-Università ta’ Malta — trendi dan kollu b’ħila liema bħala. L-istil partikolari ta’ Ernaux huwa rifless fil-Malti b’mod li jinħass naturali sew. Min ma jkunx jaf li hija traduzzjoni, diffiċli jinduna. Ma tinħeliex wisq, kif jagħmlu ħafna tradutturi, fuq kwistjonijiet ta’ etimoloġija jew li ma tridx tinstema’ wisq moderna. Tuża Malti ħaj, kurrenti. Relatabbli. Kif bilfors kellu jkun biex l-iskop jaħdem, għax jekk ħadd ma jirrelata mar-rakkont, x’punt jifdallu l-memoir? 

Mil-lat purament letterarju, it-traduzzjoni ta’ L-Avveniment hija mument sinifikanti għal-letteratura Maltija fid-dawl tal-fatt li Ernaux rebħet il-Premju Nobel għal-Letteratura fl-2022. Ma tantx hemm rebbieħa tal-premju li nistgħu naqrawhom bil-Malti. Bis-saħħa ta’ Borg, Annie Ernaux illum tgħodd fosthom. 

More in Arti