![[L-ewwel parti] Assedji kbar fiċ-ċinema](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/assedji_trojja.png)
Intiru fuq il-bejta Għawdxija
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, il-ktieb The Gozo Airfield ta’ Joseph Bezzina jġiegħel lil Ħaley Xuereb tirrifletti dwar il-vojt tal-istorja Maltija u Għawdxija – dak tal-leħen dirett tal-poplu

Waħda mill-poeżiji li studjajt madwar tliet snin ilu, għall-O-Level tal-Letteratura Ingliża, kienet The Discovery, ta’ JC Squire. Tliet strofi dwar Amerikan nattiv who knew no change/who strayed content along a sunlit beach/Gathering shells, sakemm waslu x-xwieni ta’ Kolombu … u kulħadd jaf x’ġara wara (u forsi hawnhekk tajjeb niftakru li Kolombu mhuwiex l-eroj ilellex li għallmuna dwaru l-iskola). Jien u naqra The Gozo Airfield ta’ Joseph Bezzina, bid-deskrizzjonijiet tal-Għawdxin, li wkoll ma kinux jafu b’bidla, jiffullaw biex jaraw mitjar jinbena f’nofs it-Tieni Gwerra Dinjija, ħassejt dak it-ton ta’ patronizzazzjoni ġustifikata, li Għawdex, blata li anke f’nofs gwerra baqgħet kważi mgħaddsa fil-kwiet, l-għelieqi u d-djalett, saret għal mument qasir xena futuristika, ġungla ta’ metall u ħsejjes.
The Gozo Airfield jirrakkonta dan il-waqt b’pinna li tistennieha minn awtur ġej mill-familja Bezzina, familja li għal snin twal serviet bħala kustodju ewlieni tal-memorja storika Għawdxija. Minkejja li dan il-ktieb mhuwiex voluminuż daqs ġabriet oħra li ħareġ Bezzina – fih inqas minn mitt paġna – xorta jġorr miegħu storja ta’ ċertu toqol storiku.
Bezzina jirrakkonta l-episodju tal-bini tal-ewwel airstrip f’Għawdex, fl-agħar tat-Tieni Gwerra Dinjija, b’tama u b’ċerta reverenza mitika: 220 inġinier Amerikan u aktar minn 200 ħaddiem Għawdxi li għenu għat-twaqqif ta’ runway temporanju taħt għajnejn l-Isqof Gonzi, li għen biex jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa militari u l-bżonn tar-raba’. Isemmi wkoll il-palazz/fortizza Gourgion, li ġie ssagrifikat għal kumpens ta’ $7,000 għall-bini tal-airstrip – wirt kulturali ta’ fortifikazzjoni arkajka li twaqqa’ biex tinbena fortifikazzjoni moderna. Dan ifakkarni fil-Barracks tal-Ingliżi ta’ Chambray, li kuntrarjament għat-Torri Gourgion, fejn saret konsultazzjoni, u l-kumpens ġie aċċettat fl-interess pubbliku fi żmien ta’ gwerra, illum, fil-każ tal-Barracks, minkejja oppożizzjoni voċifera minn diversi NGOs u residenti Għawdxin, qed inħallsu prezz sabiex jitwaqqgħu.
Mill-aspett lingwistiku, wieħed jista’ jifhem l-għażla ta’ Bezzina li jikteb bl-Ingliż – xogħol akkademiku li jista’ jinqara mill-protagonisti barranin u d-dixxendenti tagħhom faċilment bil-lingwa Ingliża. Wara kollox, l-avveniment tal-airfield, kif jgħidilna Bezzina, kien wieħed mill-ftit drabi li isem Għawdex tlissen minn president Amerikan, f’dan il-każ Eisenhower, hu u jaċċetta l-Hoover Medal Award for Engineering. Il-mod ta’ kif iħaddem il-lingwa Bezzina, li hawnhekk jinża’ l-kappell tal-irwol ta’ poeta mgħallem fil-prosodija, u jilbes dak ta’ storjografu, hi imsejsa fuq tradizzjoni partikolari ta’ dokumentazzjoni tal-wirt. Tappartjeni ħafna għal travelogues tal-era kolonjali milli għal storjografija moderna. Hemm kwalità ta’ rispett, imma wkoll distanza: kitba li trid iżżomm pożizzjoni ta’ reverenza, iżda li tħalli ftit spazju għad-dubju, għall-kontradizzjoni, għall-kwistjoni.
Bezzina mhux storiku xott: huwa bniedem b’rabta personali u emozzjonali ma’ dak li qed jirrakkonta, imma fl-istess ħin jirnexxilu jżomm ċerta oġġettività. Ma jippruvax jabolixxi l-passat. L-istorja mhix xogħol ta’ PR, u din l-onestà tagħmel il-ktieb rikk. L-istess nostalġija li kultant tħoss fi kliemu, hija wkoll nostalgie de la boue: ħerqa mhux lejn glorja militarista, imma lejn żmien fejn il-poplu, b’saqajh fl-għuda u jdejh fil-ħamrija, ta sehmu b’umiltà.
Biex inħarsu lejn The Gozo Airfield f’perspettiva iktar wiesgħa, jagħmel sens li nqabbluh mal-progress narratives li spiss jidhru fl‑istorja ta’ gżejjer żgħar mid‑dekolonizzazzjoni ’l hawn. Bezzina, bħall‑awturi klassiċi tal‑travelogue kolonjali li semmejt, jibni fuq l‑idea ta’ telos teknoloġiku – runway bħala simbolu ta’ avvanz. Jekk nagħmlu parallel ma’ testi bħal A Small Place ta’ Jamaica Kincaid, naraw li dawn l‑awturi jħabbtu wiċċhom ma’ kunċett simili: il‑proġett modernizzanti jitfa’ dell twil fuq identitajiet lokali. Bezzina jżomm ċerta reverenza lejn l‑inġinerija Amerikana, u jirrifletti kemxejn fuq is‑subalternità tal‑ħaddiem Għawdxi – tema li Scott (“Weapons of the Weak”) u de Certeau (“La Pratique du Quotidien”) juru li tista’ taħbi forom żgħar ta’ reżistenza – meta jsemmi l-inċident tal-kuntrattur Għawdxi li ħass li seta’ jitħallas aħjar, u ħadha mas-superjuri tiegħu.
Interessanti wkoll kif ir-runway temporanju ta’ Ta’ Lambert jistaʼ jitpoġġa ħdejn eżempji oħra ta’ “airstrips of necessity” – mill‑Cargo Cult runways fil-Vanuatu sat‑trasformazzjoni ta’ Keflavík fl-Iżlanda f’gateway transatlantika wara l‑Gwerra l-Bierda. Dawn l‑istrutturi jqajmu mistoqsija dwar it-temporanjetà perpetwa: infrastruttura mibnija “għalissa biss” li ssir permanenti fil‑memorja kollettiva. Hawnhekk, tixraq konfrontazzjoni kritika bejn it-teorija tal-istate of exception u l‑idea ta’ “slow violence” ta’ Rob Nixon: is‑silenzju wara l‑gwerra – il‑bidliet gradwali fil‑pajsaġġ, il‑ġabra ta’ artijiet privati – jistaʼ jkun għadu iktar qawwi mill‑ħoss tal‑iSpitfires li darba niżlu fuq il‑mitjar.
U min jaf – illum ukoll jinstemgħu l-vuċijiet favur ajruport ġdid f’Għawdex. Iżda Bezzina, b’mod dirett jew indirett, jagħmilha ċara: dak iż-żmien kien wieħed eċċezzjonali. Kien hemm gwerra globali, teħid ta’ deċiżjonijiet urġenti, u ġeopolitika fejn Għawdex kellu rwol ċkejken iżda kritiku. Illum, il-kuntest hu differenti.
Parzjalment, inħoss li l-ktieb ta’ Bezzina jispikka f’waqtu bħala inizjattiva serja biex jimla vojt evidenti fl-istorja Għawdxija – vojt li ilu jħabbat il-bieb tal-kuxjenza kollettiva, iżda li ftit taw kasu b’mod ġenwin. Għandna napprezzaw l-impenn tiegħu biex jiġbor fatti, dokumenti, u ritratti li ċertament ma kinux se jinkisbu jekk mhux bil-ħila u l-kuntatti tiegħu. Madanakollu, f’dan il-proċess ta’ “mili”, Bezzina qed jurina vojt ieħor: dak tal-leħen dirett tal-poplu. In-nuqqas ta’ dimensjoni orali u emozzjonali, bħax-xhieda ta’ dawk l-Għawdxin li b’idejhom stess bnew l-airfield jew li għexu d-dinamiċi ta’ dak iż-żmien, jagħmel lill-ktieb aktar simili għal kronaka uffiċjali. Dan mhux minħabba negliġenza, iżda pjuttost minħabba n-natura sfida tal-istorja Għawdxija nnifisha – storja fejn ħafna mit-testimonjanzi ġew mitlufa maż-żmien, u fejn il-memorja kollettiva sikwit tgħix fuq xifer it-tisbita. Bezzina, għalhekk, mhux biss qed jikkontribwixxi għar-rikostruzzjoni, imma wkoll juri – bil-mod ta’ kif il-vojt jibqa’ jinħass – kemm għad hemm bżonn ta’ storja li tisma’ mhux biss dak li nżamm, imma wkoll dak li kważi ntilef.
Saħħa oħra tal-ktieb hija wkoll il-kontroversja li jittanta jevita, iżda li xorta tqum: l-idea ta’ ajruport f’Għawdex. Bezzina, mingħajr ma jħammar wiċċu, jagħtina xhieda ta’ dak li kien: airfield li ħareġ mix-xejn, f’pajsaġġ fejn ħadd qatt ma kien ħa jaf xi tfisser runway. Għawdex kien involut f’kuntest ġeopolitiku li llum inbidel, u l-mument tal-ajruport kien wieħed temporanju – bħall-ajruport innifsu. Iżda l-ironija hi li dak li darba kien meqjus bħala intrużjoni fuq pajsaġġ rurali, illum sar parti mill-memorja li rridu nipproteġu.
Ċaħda: l-awtur bagħatli kopja tal-ktieb biex nirreċensah b’mod onest.