Fuq, fil-Kamra

L-ispirazzjoni għal din il-wirja ġejja mill-kitbiet personali ta’ Liliana Fleri Soler dwar il-memorji tat-tfulija tagħha, b’mod partikolari dawk marbuta mad-dar ta’ nannitha

X’qed jiġri hemm fuq? 

Mara b’xagħarha blu qiegħda taqra ħdejn it-taraġ meta f’daqqa waħda jfixkilha ħoss stramb u misterjuż. Imissha tmur tiċċekkja x’inhu? Ovvja li jmissha. 

Imma qabel ma tibda tielgħa t-taraġ, jinkixef x’qed jagħmel l-istorbju: kreatura nofsha mara u nofsha fenka tinżel tiżżerżaq mal-puġġaman tat-taraġ. Għandha ġisem ta’ mara, ras ta’ fenek, liebsa xorz ċkejken iswed, kalzetti sal-irkoppa, żarbun tal-ballerini, b’sidirha mikxuf, u b’kuxxtejha miftuħin beraħ. Mhijiex waħedha. Żrinġ ippanikjat jipprova jwaqqafha milli tinżel, milli titlaq mill-Kamra ta’ Fuq. Fiċ-ċentru ta’ kollox: bużżieqa ħamra, bukkett astratt u kbir iżżejjed, u għajn li tara kollox … 

Jista’ jkun li din il-kreatura ħarbet mill-ktieb li kienet qed taqra l-mara ta’ xagħarha blu? Il-kotba jistgħu jagħtu pjaċir iżda għandhom il-perikli tagħhom, u dan il-ktieb jidher li għandu aktar minn stejjer bierda. 

L-ispirazzjoni għal din il-wirja ġejja mill-kitbiet personali ta’ Liliana Fleri Soler dwar il-memorji tat-tfulija tagħha, b’mod partikolari dawk marbuta mad-dar ta’ nannitha. 

Meta fl-aħħar nitilgħu fuq, niltaqgħu ma’ sensiela ta’ karattri u annimali kurjużi u mtawlin, kollha magħġuna fl-istil distintiv ta’ Fleri Soler. Kull dettall jgħodd. Ħafna mid-drapp użat f’dawn l-iskulturi ta’ materjali mħalltin għandhom tifsira personali qawwija. L-artista ħaditu minn kaxxa għażiża mimlija tessuti magħmula bl-idejn, miġbura tul is-snin minn meta kienet tifla, iżda wkoll mit-tfulija t’ommha u nannitha. Dawn il-frammenti ta’ ġenerazzjonijiet differenti huma prezzjużi, bħall-istejjer li jidwu minn fuq. 

Min hu interessat jara l-wirja, hi tinstab fil-gallerija Il-Kamra ta’ Fuq u hija miftuħa bejn il-25 ta’ Mejju u t-8 ta’ Ġunju. 

Dwar l-artista 

Liliana Fleri Soler (1964) hija artista Maltija li l-prattika multidixxiplinarja tagħha tinkludi l-iskultura, il-pittura, l-installazzjoni u l-assemblage. Xogħolha jidħol fil-fond tal-esperjenza umana, fejn ta’ spiss jgħaqqad l-astrazzjoni u l-arti figurattiva, u jinkorpora elementi surrealisti ispirati mill-forma umana, l-annimali u l-botanika. Bi sfond fl-arti u fix-xjenza, il-ħolqien tagħha jirrifletti sintesi unika ta’ intuwizzjoni u esplorazzjoni. 

Xogħolha ntwera kemm f’Malta, kif ukoll barra. Opri prominenti tagħha hija l-iskultura kinetika interattiva “I will get there somehow…”, installata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Larnaca f’Ċipru fl-2012 bħala parti mill-proġett tal-UE “From Arrival to Departure.” Il-kontribuzzjonijiet artistiċi tagħha huma varjati ferm — minn xogħlijiet pubbliċi permanenti, għal kontribuzzjonijiet kreattivi f’edizzjonijiet ta’ Science in the City, għal kollaborazzjonijiet ma’ diversi organizzazzjonijiet ewlenin u azjendi tad-disinn. Xogħlijietha jinstabu f’għadd ta’ kollezzjonijiet privati, kemm f’Malta, kif ukoll barra minn Malta. 

More in Arti