L-Ewwel Togħma tal-Qari

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Miriam Galea tħares lejn erba’ kotba bl-istampi tat-tfal u tirrifletti dwar ix-xena lokali f’dan il-ġeneru. Tistaqsi neħtiġux viżjoni aktar awtentika għall-kotba tat-tfal

Jekk nagħtu daqqa t’għajn lejn is-siti tal-internet ta’ pubblikaturi lokali differenti naraw li l-kotba tat-tfal f’Malta jiġu ppubblikati prolifikament, meta tqis id-daqs tagħna. Bħala kotba, dan hu l-ġeneru li jrendi l-aktar, peress li għandu funzjoni konkreta u meħtieġa, dik kruċjali li tintroduċi lit-tfal tagħna għad-dinja tal-qari u tal-immaġinazzjoni. Ta’ kull sena, fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, issib baħar ta’ kotba b’kuluri jgħajtu u stejjer għat-tfal li jippruvaw ikunu divertenti u edukattivi. Iżda jien u nimxi minn stand għal oħra nfittex kotba biex ngħallem il-Malti lil binti stess – kotba li jdewquha l-ewwel togħma tal-introspezzjoni u l-poeżija – insaqsi kemm minnhom fihom tassew karattru u ruħ? Kemm minnhom qed jesprimu xi ħaġa awtentika u kreattiva, minflok ma jippruvaw jimitaw b’mod superfiċjali u dgħajjef lil kotba popolari internazzjonali?  

Jien u nqalleb fil-kotba, infittex dawk li fihom nara lemħa tal-ħsieb intern kif ukoll il-kariżma letterarja u emozzjonali sottili meħtieġa biex tiġbed lill-qarrej ċkejken. Jien li kbirt naqra l-kotba ta’ Roald Dahl bl-istampi nebbiexa ta’ Quentin Blake, kif ukoll il-kotba Maltin ta’ Trevor Żahra u Charles Casha (li minkejja xi kritika riċenti fil-konfront tagħhom, għalija jibqgħu fost dawk l-aħjar kittieba u ħallieqa ta’ stejjer tat-tfal lokalment) infittex l-istess reqqa u ħila fil-kotba lokali tat-tfal illum. 

Jekk Taqbad id-Dawl (Merlin Publishers) ta’ Clare Azzopardi l-ewwel li ġibidni lejh kien mit-titlu. Bħala kunċett deherli, kemm poetiku, kif ukoll oriġinali – l-idea li wieħed jaqbad id-dawl intrigatni, u t-titlu nnifsu hu bħal bidu ta’ sentenza li jħajrek tkompliha billi tiftaħ il-ktieb. Il-ktieb jitkellem dwar xwejjaħ li jixtieq jaqbad id-dawl u jagħmlu tiegħu, li jqanqal riflessjoni dwar il-kilba kapitalista tal-bniedem li jsir sid kollox, tendenza li drajnieha żżejjed dan l-aħħar. Azzopardi użat proża b’rima moħbija fiha, li tfakkrek fil-ħrejjef, u li tintroduċi wkoll lit-tfal għall-forma poetika. Kultant it-test seta’ twebbes inqas bl-użu ta’ kliem iktar organiku flok oħrajn iktar tqal bħal “iffrustrat” jew “jikkonvinċi”. Ħadt gost li Azzopardi ma beżgħetx milli tinkludi wkoll ftit melankonija – fil-karattru tax-xwejjaħ jistad għad-dawl u l-lejl sieket ħlief għall-mewġ u d-dgħajjes – biex toħloq ukoll atmosfera: “Xi daqqiet iħares lejn is-sema, ċappa sħiħa. Xi daqqiet lejn il-baħar, ċappa diqa.” Lit-tfal għandna ngħaddulhom spettru emozzjonali sħiħ. L-idea li x-xwejjaħ ma jirnexxilux iżomm id-dawl kollu għax “issa kien għoddu ntreħa kollu fil-baħar” hi wkoll xbieha poetika.  

Ix-xwejjaħ jinduna li ma jistax jagħmel tiegħu kull ħaġa, u jispiċċa jipprotesta u jgħallem lin-nies li dan m’għandux ikun, xi ħaġa li tippromovi fit-tfal is-sens ta’ x’inhu tajjeb u ħażin, u kif għandna nsemmgħu leħinna u niddefendu dak li nemmnu. Inħoss li din it-tranżizzjoni tax-xwejjaħ forsi seħħet b’mod wisq rapidu fir-rakkont, forsi kien jgħin kieku rajna iktar riflessjoni fil-mument ta’ realizzazzjoni. Importanti wkoll li dawn il-kotba jevokaw, mhux sempliċement jemotizzaw – f’xi mumenti ħassejt li t-test kien forsi ftit romantiku żżejjed, bħal meta x-xwejjaħ ħareġ il-katina b’pendent ta’ baħrija tixgħel, biex tissimbolizza d-dawl. 

 Ix-xewqa tax-xiħ kienet diġà evokata biżżejjed fis-sahra tax-xiħ għad-dawl kull lejl. Flok ma tinkiteb litteralment it-tagħlima tal-ktieb, it-tfal jistgħu jifhmu waħidhom; flok ma nimitaw il-formula ta’ rakkonti zokkrin iżżejjed, inħallu iktar f’idejn l-immaġinazzjoni tal-qarrej billi nevokaw ċerti ideat u emozzjonijiet indirettament minflok. Azzopardi użat hawn il-metafora tad-dawl bħala kull oġġett li l-bniedem jixtieq jippossjedi, iżda nħoss li fit-tieni nofs tal-istorja, setgħet kompliet iżżomm il-misteru bl-istess mod billi tispjega inqas direttament il-moral tal-istorja, u tevita tmiem preskrittiv. L-illustrazzjonijiet ta’ Matt Stroud għandhom ilwien atmosferiċi li jaqblu mal-maġija tat-tema u jiżvolġu tajjeb in-narrativa viżwali.  

Ta’ min hawn inqajmu s-suġġett kruċjali tal-illustrazzjoni tal-kotba tal-istampi lokali. L-illustrazzjonijiet diġitali saru pervażivi f’dan il-ġeneru anki internazzjonalment. Dan hu mezz ġdid ieħor u m’għandi xejn kontrih. Nemmen li bil-ħila anki diġitalment jistgħu jinħolqu stampi artistiċi u evokattivi. Però dan ma jfissirx li dan il-mezz ma jeħtieġx il-ħila u s-sensittività viżwali meħtieġa anki f’mezzi tradizzjonali. Noqogħdu attenti li l-istampi li noħolqu ma jkunux jixbhu lil tant oħrajn bħalhom, u li ma jkunux superfiċjali. Spiss l-illustrazzjoni diġitali xorta tiġi kkombinata ma’ bażi tradizzjonali, fejn xogħlijiet maħluqa tradizzjonalment imbagħad jittejbu jew jinbidlu diġitalment. Dan jippermetti wkoll lill-artist li joħloq stil iktar individwali u awtentiku. Fi swieq internazzjonali, l-illustrazzjoni tradizzjonali għadha tingħata ħafna importanza, u illustrazzjonijiet diġitali komuni spiss jitwarrbu sakemm ma jiġġustifikawx u ma jiddistingwux ruħhom bi stil jew ħila partikolari. Fit-tnedijiet ta’ kotba bl-istampi, l-illustraturi spiss saħansitra jiffirmaw il-kotba għall-pubbliku permess ta’ tpinġija żgħira li jagħmlu manwalment dak il-ħin. Jien u nirriċerka l-kotba tat-tfal lokali u inevitabbilment l-illustraturi Maltin, sibt ruħi ngħarbel il-kontijiet Instagram tal-illustraturi biex infittex xogħlijiet tagħhom magħmulin tradizzjonalment, u spiss sibt li dawn kellhom ħafna iktar karattru u ruħ. M’għandniex xi ngħidu, konxja li x’jiġi finalment stampat jiddependi wkoll mid-domanda tal-pubblikaturi, li lilhom inħeġġeġ ukoll jinvestu f’aktar awtentiċità biex joħolqu kotba viżwalment aktar distintivi.  

Ktieb ieħor tat-tfal li laqatni proprju għax deherli li l-illustrazzjoni kienet waħda awtentika hu Inpinġi bl-Imqass ma’ Henri Mattisse ta’ Doris Schembri illustrat minn Elaine R. Saliba, ippubblikat minn Faraxa Publishing. L-illustrazzjonijiet huma ħajjin u dinamiċi b’karattru u stil partikolari b’referenza għall-istil ta’ Matisse, magħmula minn taħlita ta’ pittura, fotografija u collage, u  t-tema hi edukattiva għax tintroduċi artist lit-tfal. Il-kitba ta’ Doris Schembri tiddeskrivilna l-istil ta’ Matisse b’lingwa mexxejja u sempliċi, b’rima divertenti li tilgħab mal-qarrejja. 

Ktieb ieħor minn Faraxa Publishing hu Mid-Djarju ta’ Ċkejken, l-Għasfur tal-Bejt ta’ Daniela Callus illustrat minn Naomi Gatt. Minkejja li l-idea hi sempliċi – djarju ta’ għasfur tal-bejt – Callus tikteb b’mod mexxej li jiddeskrivilna l-ġurnata tal-għasfur ċkejken fir-raħal hu u jiltaqa’ ma’ karattri u elementi lokali bħall-kampnar, il-knisja, il-ġardinar, il-fkieren u l-kelb. Kieku n-narrazzjoni kienet inqas diretta u litterali, forsi t-test kien ikun inqas bażiku u iktar evokattiv u profond, però bħala ktieb huwa ħelu u l-illustrazzjonijiet gustużi ta’ Naomi Gatt jagħtuh spinta bħala ktieb. Però dejjem wieħed jistaqsi rridux inkomplu noħolqu kotba formulajċi li jafu jkunu derivattivi, jew irridux nistinkaw aktar biex noħolqu ġrajjiet iktar singulari, biex insemmgħu leħinna tassew. 

Martha u d-Dellijiet tal-Lejl ta’ Melanie Darmanin illustrat minn Naomi Gatt, ukoll ippubblikat minn Faraxa Publishing, nirrakkomandah għal tfal li jibżgħu mid-dlam. Martha tibda tara l-Mostri Dlam malli torqod fil-kamra l-ġdida tagħha. Dan il-ktieb ifisser b’umoriżmu u mħabba kif il-mostri huma biss il-biżgħat li qegħdin f’moħħna u kif id-dawl joqtol kull dell ikrah. Mill-ġdid, l-istorja mhix ġdida, iżda l-kitba hi mexxejja u ħelwa, u hi bla dubju tema siewja u edukattiva li tajjeb li jkollna bil-Malti, speċjalment fi żmienna fejn sirna dejjem aktar konxji mill-emozzjonijiet tagħna. 

Fejn jidħlu kotba tat-tfal, kif semmejt, għadni nħobb il-klassiċi Maltin. Minkejja riżorsi limitati, meta mqabbla mal-aċċess infinit għall-internet u l-mezzi diġitali tal-lum, awturi bħal Trevor Żahra u Charles Casha, b’pinna qawwija u immaġinazzjoni fertili, irnexxielhom joħolqu karattri kariżmatiċi u memorabbli bħal Qrempuċu, il-Fenek l-Aħmar u Fra Mudest, u stejjer mirquma li jsaħħru lill-qarrej. Forsi l-fatt li konna iktar iżolati qabel u kellna inqas riżorsi, wassalna biex nesprimu iktar dak li jagħmilna min aħna. Ma ninsewx li l-kotba tat-tfal huma l-ewwel togħma tal-qari u tad-dinja madwarhom, allura importanti li jkollhom kotba ta’ kwalità li juruhom il-possibbiltà li jifirxu l-immaġinazzjoni tagħhom bl-iktar mod frisk, innovattiv u intelliġenti.

More in Arti