![[L-ewwel parti] Ray Harryhausen: Is-saħħar taċ-ċinema](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/ray_harryhausen.png)
[L-ewwel parti] Ray Harryhausen: Is-saħħar taċ-ċinema
Fl-ewwel parti ta' dis-sensiela maqsuma fi tnejn, Carmel Bonnici jħares lejn ix-xogħlijiet ta' Raymond Frederick Harryhausen, figura prominenti fid-dinja taċ-ċinema li kien ħalaq forma unika ta' effetti speċjali fil-films bl-użu tal-marjunetti u l-istop-motion animation, bħal kif jispjegalna Bonnici...

Permezz tiegħu rajna l-iskeletri jqumu mill-art bit-tarka u x-xabla jiġġieldu mal-umani, it-Titani, allat Griegi ta’ qabel issa statwi tal-ħadid, jieħdu l-ħajja minn fejn kienu qed jgħassu t-teżori tagħhom meta xi umani daħlu biex jisirquhom, lil Medusa, mara li minflok xagħar f’rasha għandha sriep tant kerha li min iħares dirett lejn wiċċha dlonk jinbidel fi statwa tal-ġebel, gremxul kbar itiru, ċiklopi (ġganti b’għajn waħda), dinosawri, kreaturi mitiċi nofshom umani u nofshom għasafar msejħa harpies u esseri diversi oħra tal-mitoloġija.
Dawn kollha ħafna qabel beda jkun użat il-kompjuter għall-effetti speċjali viżwali. Il-krettu għal dan kollu jmur speċjalment għal Harryhausen, wieħed mill-aqwa esponenti ta’ ġeneru ta’ film maħdum bis-slow-motion animation.
Din it-teknika ġiet użata għall-ewwel darba minn Harryhausen fil-film The Beast From 20,000 Fathoms u semmieha DynaMation — forma ta’ animazzjoni avvanzata bħal meta wieħed jaqleb bil-għaġla l-paġni ta’ ktieb biex l-istampi jidhru qed jiċċaqilqu. Infatti, fil-films futuri ta’ dan l-espert esponent, il-kartelluni kienu jkunu rreklamati bil-kliem “in DynaMation” u meta din it-teknika saret aktar avvanzata, ir-reklam kien “in Super DynaMation”.
Raymond Frederick Harryhausen twieled nhar id-29 ta’ Ġunju 1920 f’Los Angeles u miet fis-7 ta’ Mejju 2013 f’Londra ta’ 92 sena. Fl-1960 telaq lejn ir-Renju Unit fejn ipparteċipa fl-aħjar films tiegħu u sar cittadin Amerikan/Brittaniku. Beda jgħix fil-kapitali Ingliża u baqa’ hemm sa mewtu. Matul ħajtu, dan l-istil innovattiv ta’ effetti speċjali fil-films kien ta’ ispirazzjoni għal diversi oħrajn. Meta kien għadu tifel, Harryhausen stagħġeb bil-kbir meta ra l-film mutu The Lost World u baqa’ affaxxinat sewwa bis-sekwenza tal-ġlieda bejn id-dinosawri. Waħħal f’moħħu li ladarba dawn il-mostri m’għadhomx jeżistu ried jerġa’ jirxuxtahom b’mod jew ieħor.
Fis-sena 1933, Forrest J. Ackerman ammiratur u kollezzjonista taċ-ċinema li wara kellu anki mużew, sellef sett ta’ stampi tal-film King Kong (1933) lis-sid ta’ teatru lokali. Dawn għal daqsxejn ma tilifhomx għax it-teenager Harryhausen ried jixtrihom. Wara li ra King Kong bosta drabi għadda s-snin taż-żgħożija jesperimenta bil-produzzjoni ta’ films qosra animati xprunat mill-ħafna akkaniti ġodda tax-xjenza fittizja tal-perjodu, fosthom ħabibu Ray Bradbury. Ried ikun jaf kif Willis O’Brien irnexxielu joħloq dawk il-mudelli f’King Kong u wieħed ħabib laqqgħu ma’ O’Brien. Fuq parir tiegħu beda jattendi klassijiet dwar l-arti grafika u skultura biex itejjeb il-kapaċitajiet tiegħu. Fl-1939 sar ħabib kbir ma’ Forrest J. Ackerman u flimkien ma’ Ray Bradbury ingħaqdu mas-Science Fiction League ta’ Los Angeles. Wara li studja l-arti u l-anatomija, akkwista impjieg bil-mudelli animati kummerċjali fil-films qosra ta’ George Pal imsejħa Puppetoons.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija serva fis-Servizz Speċjali tal-Armata Amerikana taħt il-Kurunell Frank Capra (direttur rinomat tal-films) u fil-ħin liberu tiegħu beda jaħdem id-dar f’films qosra animati dwar l-iżvilupp ta’ tagħmir militari. Kien fl-1947 meta ħadem bħala animatur assistent fuq l-ewwel film tiegħu, Mighty Joe Young (1949). L-ewwel film li fih Harryhausen ħa l-inkarigu waħdu tal-effetti tekniċi kien The Beast From 20,000 Fathoms dwar dinosawru li jersaq lejn ħoss ta’ ħorn minn fanal fuq il-baħar (lighthouse). Din il-produzzjoni marret verament tajjeb fid-dħul tal-flus minn madwar id-dinja u kien f’dan ix-xogħol li uża għall-ewwel darba t-teknika “stop-motion animation DynaMation” maħluqa minnu.
Il-ħabib tiegħu Irwin Allen (dak li xi 15-il sena wara ta’ spinta enerġetika lill-films tad-diżastri b’sensiela ta’ produzzjonijiet gwappi), stiednu biex jikkrea d-dinosawri fis-sekwenza preistorika tad-dokumentarju The Animal World (1956) flimkien ma’ Willis O’Brien. Meta ltaqa’ mal-Produttur Charles H. Schneer li kien qed jaħdem ma’ Sam Katzman, direttur ta’ films ta’ baġit żgħar għall-Columbia Pictures, bdiet alleanza li verament tat frott. L-ewwel xogħol flimkien kien It Came From Beneath The Sea (1956), fejn qarnita enormi tattakka lil San Francisco. Il-film li kien imiss hu Earth Vs The Flying Saucers (1956) dwar aljeni minn pjaneta oħra ġo UFOs sofistikati jikkuntattjaw xjentist bħala parti minn pjan biex jirrendu lill-umani lsiera.
Harryhausen kompla jirfina l-mestier tiegħu meta reġa’ ħadem ma’ Charles H. Schneer fi 20 Million Miles To Earth (1957). Vettura spazjali Amerikana tirritorna lura mill-pjaneta Venere (Venus). Din tikkraxxja fil-baħar qrib Sqallija u minnha toħroġ bħal bajda li żżomm f’wiċċ l-ilma u tispiċċa f’xatt. Meta tfaqqas, tfeġġ kreatura li permezz tal-atmosfera densa tad-dinja, tikber u tiżviluppa f’qies ġgantesk f’ħin qasir u twerwer liċ-ċittadini ta’ Ruma. Il-mudell tal-Venusjan Ymir kif kien immudellat minnu tassew intlaqat tajjeb mill-udjenzi.
Bis-suċċessi ma’ kullimkien, wieħed wara l-ieħor, Harryhausen kien issa anzjuż li jesebixxi l-mudelli tiegħu ġo films bil-kulur. Din l-isfida fejn ried jiżviluppa s-sistemi tiegħu biex jibbilanċjahom mal-kulur għall-proċess DynaMation irriżultat li The Seventh Voyage Of Sinbad (1958) kien l-aktar film li daħħal flus f’dik is-sena. Meta mqabbel mal-films kurrenti tax-xjenza fittizja u fantasija magħmula bl-immaġini ġġenerati bil-kompjuter, dan il-film tiegħu u oħrajn ta’ wara tassew iħabbtuha magħhom.