Aħjar kelma nieqsa milli żejda

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal din il-ġimgħa, Daniel Cossai jaqra għadd ta’ novelli mill-Użbekistan miġbura f’Rakkonti mill-Bogħod. Fil-fehma ta’ Cossai, it-traduzzjoni pont għandha titqies bħala waħda valida, iżda fil-vjaġġ minn ilsien għal ieħor, it-traduttur għandu d-dmir li jqarreb lill-qarrej lejn il-kultura barranija, mhux jgħabbih b’aktar kliem

Meta smajt bil-pubblikazzjoni ta’ Rakkonti mill-Bogħod: Stejjer Qosra mill-Użbekistan, minn Kite Group, editjat minn Sergio Portelli u Claudine Borg, ħadt gost mhux ftit. Dan il-ktieb, li huwa frott proġett tad-Dipartiment tat-Traduzzjoni, Terminoloġija u Interpretazzjoni tal-Università ta’ Malta li kien jinkludi kollaborazzjoni internazzjonali mal-Università Nazzjonali tal-Użbekistan, jolqot l-interess tiegħi f’letteratura li toħodni f’postijiet oħra, kemm jista’ jkun mhux magħrufa, u jgħin jimla vojt fil-letteratura Maltija. 

Bħala ġabra ta’ stejjer minn pajjiż fil-qalba tal-Asja, l-Użbekistan, il-ktieb ilaqqagħna ma’ kultura mhux tas-soltu għall-biċċa l-kbira tal-Maltin. Forsi wieħed jistaqsi, “Imma għala għandna bżonn traduzzjoni bil-Malti meta diġà nistgħu naċċessaw dawn il-kotba bit-tieni lingwa tagħna, l-Ingliż?” L-ebda traduzzjoni mhi newtrali, u lanqas mhi newtrali l-għażla tal-lingwa. Billi mhux kull lingwa u pajjiż għandhom l-istess relazzjoni ma’ pajjiż partikolari, mhux biżżejjed li niddependu fuq traduzzjoni barranija. Traduzzjoni qatt mhi kopja eżatta tat-test sors; hija dejjem verżjoni ffiltrata, miktuba mill-ġdid mit-traduttur (jew, f’dan il-każ, mit-traduttriċi, għall-maġġoranza tal-istejjer inklużi). Dak li hu mbiegħed mill-għarfien nazzjonali Malti jista’ jkun li ma jkunx daqstant imbiegħed għal traduttur barrani, u dan jaffettwa l-proċess kollu tal-kitba u l-qari. 

Id-daħla għall-ktieb miktuba minn Sergio Portelli tagħtina crash course tajjeb fuq l-Użbekistan, bżonjuż għall-udjenza fil-mira. Għandu storja twila: parti mill-Imperu Persjan, ippożizzjonat tul it-Triq tal-Ħarir, pajjiż Musulman — però mhux Musulman bħall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Musulmani li aħna familjari magħhom, għax huwa wkoll pajjiż eks Sovjetiku. Bħal Malta, huwa post uniku ffurmat mit-tlaqqigħ ta’ ħafna kulturi tul sekli twal, kif rifless, fil-livell bażiku, u mill-ġdid bħal Malta, fil-lingwa tiegħu, li saħansitra bidlet l-alfabett li tuża iżjed minn darba skont dawn l-influwenzi. 

Fuq dan il-punt, ta’ min jinnota li l-ktieb huwa traduzzjoni ta’ traduzzjoni lejn l-Ingliż ta’ Mahuma Saydumarova, li fil-fatt kienet hi li għażlet l-istejjer inklużi. Saydumarova stess hija Użbeka, ħaġa li tgħin ittaffi l-problema ta’ filtru barrani. 

Prattika stabbilita u utli immens anki jekk għadha, forsi, xi ftit mistkerrha mill-komunità usa’, l-użu ta’ traduzzjoni pont mhuwiex xi cheat biex ix-xogħol isir eħfef, imma mod kif kultura tiftaħ ruħha iżjed għal dak li hu aljen u inaċċessibbli għaliha. Fil-fatt, meta ssir sew, traduzzjoni li tuża lingwa pont hija saħansitra itqal minn traduzzjoni diretta minn lingwa sors magħrufa, għax l-isfida għat-traduttur ma tibqax biss it-tifsira imma l-identifikazzjoni tal-filtri fit-traduzzjoni li qed jaħdem minnha. It-traduttur irid iħaffer, permezz tar-riċerka, biex isib u jegħleb dawn il-filtri u jqarreb it-test lejn l-udjenza fil-mira tiegħu, mhux tat-traduttur tal-lingwa pont. Spiss fil-proċess jikkonsulta traduzzjonijiet differenti, forsi anki b’lingwi oħra, minflok test sors wieħed. 

It-traduttur jaqlagħha minn żewġ naħat. Minn naħa, għandu sfida kbira quddiemu. Mill-oħra, l-isforz li jagħmel spiss mhux apprezzat. Anzi, it-traduttur jispiċċa inviżibbli, qisu kulma hu dizzjunarju li jaqleb awtomatikament kelma kelma u sentenza sentenza minn lingwa għal oħra. Għalhekk ħafna tradutturi jħossu x-xewqa li jikxku l-karti tagħhom, li jgħajtu minn fuq xi torri, “E mela, jien tgħidx kemm irriċerkajt. Hawn, ara!” Hawnhekk jidħol dak li nqis bħala n-nuqqas ewlieni (u wieħed mill-ftit) ta’ din il-ġabra ta’ rakkonti. Il-biċċa l-kbira tat-tradutturi involuti għażlu li jużaw il-footnotes, f’ħafna każijiet pjuttost twal, li jispjegawlna, pereżempju, min huma xi personaġġi msemmija. L-ewwel paġna tal-ewwel storja, ngħidu aħna, fiha tliet linji ta’ storja u żewġ footnotes ma jispiċċaw qatt. Ir-realtà hi li ħlief f’xi ftit każijiet, l-informazzjoni mogħtija fil-footnotes tul il-ktieb mhix daqshekk importanti għall-qarrej, li xorta jista’ jifhem ir-rakkont mingħajr ma jaqta’ r-ritmu tal-qari l-ħin kollu biex jaqra nota, u li fi kwalunkwe każ, jekk jinteressah, għandu mobile ftit metri bogħod u jista’ jsib dak kollu li hemm fil-footnotes f’temp ta’ sekondi. 

Ġieli ntqal li kull kitba hi vanituża, u t-traduzzjoni xejn inqas. Imma l-għan tat-traduzzjoni m’għandux ikun li nuru x’biċċa xogħol tajba għamilna — dak jarawh il-qarrejja, u huwa preżunt mill-bidu li t-traduttur kien jaf x’inhu jagħmel — imma li nqarrbu l-kulturi. Issa jew se nagħmlu hekk b’enċiklopedija jew b’letteratura li taħdem bħala letteratura. Il-qarrejja m’għandhomx għalfejn jingħataw kollox bl-imgħarfa, apparti li, fil-fatt, ċerti affarijiet spjegati huma ovvji mill-kuntest. It-tendenza internazzjonali hi li fit-traduzzjonijiet nevitaw kemm jista’ jkun l-interruzzjonijiet fil-footnotes, li nħallu l-qarrej jesperjenza immersjoni totali fil-barrani u jiskopri waħdu, mill-kuntest u mir-riċerka, kif jagħmel bi kwalunkwe ktieb mhux tradott. Ħadd ma jaqra traduzzjoni lejn l-Ingliż u jħoss li hemm xi ħaġa nieqsa għax ma kienx hemm noti, jew għax intużat kelma stramba jew issemma xi personaġġ li ma jafx bih. Għaliex mela dan is-sens ta’ biża’ f’Malta li jekk nagħmlu l-istess, ħa nidhru qisna m’għamilniex xogħol sew? Din għażla editorjali li ma qbilt xejn magħha. 

Ħasra, ukoll, għaliex it-tradutturi għamlu xogħol tajjeb, tista’ tgħid kważi f’kull mument. Hemm nuqqasijiet żgħar: xi għażliet mhux naturali, kultant kliem mhux użat sew jew żejjed (bħal, pereżempju, “reġa’ tenna” meta “tenna” diġà tfisser li reġa’, jew prepożizzjonijiet ħżiena). Hemm mumenti fejn l-ordni tal-kliem tinħass Ingliża wisq, bl-istruttura ta’ Suġġett-Verb-Oġġett fejn mhix naturali għall-Malti. Imma huma affarijiet żgħar u infrekwenti. 

Kollox ma’ kollox hija biċċa xogħol tajba iżda li setgħet tiġi rfinuta. Ir-rakkonti jixbhu l-ħrejjef — qosra, moralistiċi, u bi ftit karattri. Ħafna mill-azzjoni sseħħ f’konverżazzjonijiet. Is-suġġetti indirizzati huma varji, u mhux dejjem b’mod espliċitu; xi stejjer, l-iktar waħda, għalija, ‘Il-Qawsalla’, huma miftuħa għal bosta interpretazzjonijiet interessanti. Imma r-ritmu tal-qari diffiċli żżommu b’daqstant interruzzjonijiet minn xi nota jew minn xi ħaġa stramba. Proġett utli; nixtieq li naraw iżjed kollaborazzjonijiet hekk, imma imperfett. 

More in Arti