Żewġ ħarġiet filateliċi ġodda għall-istaġun tal-festi

Biex tiċċelebra l-istaġun tal-festi, MaltaPost se toħroġ żewġ settijiet speċjali ta’ bolol — wieħed li juri xbieha ferrieħa ta’ Santa Klaws mad-disa’ Renni ferrieħa tiegħu, u ieħor li juri xeni tradizzjonali tan-Natività f’Betlehem. 

Il-Milied 2025 

Il-ħarġa tal-Milied tikkonsisti f’għaxar bolol, kull waħda b’denominazzjoni ta’ €0.45ċ. Is-sett juri lil Santa Klaws u r-Renni tiegħu, li magħhom jivvjaġġa madwar id-dinja fuq slitta maġika. Flimkien, ixerrdu l-ferħ lin-nies madwar id-dinja kollha. Dawn l-illustrazzjonijiet ġew iddisinjati minn Fabio Agius. 

Dan is-sett se jinħareġ f’folja ta’ 10 bolol, b’kull bolla ta’ daqs 35mm x 35mm, b’perforazzjoni ta’ 14.3 x 14.3 u għandha watermark bis-salib ta’ Malta. Kull folja hija ta’ daqs 203mm x 98mm u ġiet stampata minn Printex Limited bil-proċess offset. Il-ħarġa tikkonsisti f’300,000 bolla. 

In-Nattività 2025 

F’Malta, il-Milied għandu post speċjali fl-arti u d-devozzjoni reliġjuża. Biex tiċċelebra dan l-avveniment annwali, MaltaPost se toħroġ sett ta’ żewġ bolol li juru pitturi tal-post fejn twieled Ġesù Kristu. Dawn huma xogħol kreattiv tal-artist Għawdxi rinomat Pawlu Camilleri Cauchi. Il-pittura fil-bolla tal-€0.45ċ, li tinsab fil-Knisja Parrokkjali tal-Assunta fil-Qrendi, turi l-mument tal-wasla tar-ragħajja umli fl-istalla fejn sabu lil Marija u l-Ġużeppi flimkien ma’ Ġesù Bambin ġewwa l-maxtura. Il-pittura l-oħra, fil-bolla tal-€1.50, turi ż-żjara tat-tliet Maġi mil-Lvant li ġew iggwidati mill-Istilla ta’ Betlehem lejn il-post fejn twieled Ġesù. Din tinsab fil-Knisja Parrokkjali tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema. 

Il-fotografija taż-żewġ pitturi saret minn Mark Micallef Perconte. 

Dan is-sett se jinħareġ f’folja ta’ għaxar bolol, b’kull bolla ta’ daqs 31mm x 44mm, b’perforazzjoni ta’ 14.1 x 14.2 u għandha watermark bis-salib ta’ Malta. Kull folja hija ta’ daqs 180mm x 115mm u ġiet stampata minn Printex Limited bil-proċess offset. Il-ħarġa tikkonsisti f’50,000 bolla ta’ denominazzjoni ta’ €0.45ċ u 50,000 bolla ta’ denominazzjoni ta’ €1.50. 

DATA TAL-ĦRUĠ TAL-BOLOL – IL-ĦAMIS 20 TA’ NOVEMBRU, 2025 

Kemm il-ħarġa tal-Milied 2025, kif ukoll il-ħarġa tan-Natività 2025, se jkunu għall-bejgħ mill-Fergħat Postali f’Malta u Għawdex minn nhar il-Ħamis 20 ta’ Novembru 2025. Ordnijiet jistgħu jsiru online fuq www.maltaphilately.com/ jew bil-posta mill-Philatelic Bureau, MaltaPost p.l.c. 305, Triq Ħal Qormi, Marsa, MTP 1001 — telefown 2596 1740 — email [email protected] 

More in Arti