Tarzan – Is-sid tal-annimali tal-ġungla

F'dan l-artiklu, Carmel Bonnici joffri l-analiżi tiegħu ta' wieħed mill-iktar karattri maħbubin tad-dinja ċinematika: Tarzan. Bonnici jintraċċa l-istorja ta' dan il-karattru tant famuż u maħbub u joffri perspettiva ta' kif spiċċa f'daqshekk films...

Aktarx li l-aktar karattru letterarju fittizju li deher fuq il-liżar taċ-ċinema hu Tarzan. Dan ir-raġel tal-ġungla, mibni sabiħ, immuskulat u atletiku hu ħliqa tal-awtur Amerikan Edgar Rice Burroughs. Ir-rumanz tiegħu dwar Tarzan ikkreat eroj folkloristiku li sab fama mad-dinja kollha, kemm maż-żgħar, kif ukoll mal-adulti. 

L-awtur twieled nhar l-1 ta’ Settembru 1876, f’Chicago, Illinois u ħa l-edukazzjoni tiegħu f’diversi skejjel u akkademji f’Massachusettes u fl-1895 iggradwa mill-Akkademja Militari ta’ Michigan. Wara li ħadem f’diversi impjiegi u anki dam saba’ snin b’paga baxxa, fl-1911 meta kellu ħafna ħin liberu beda jaqra ħafna stejjer ta’ karattri fittizji. B’hekk, tħajjar jibda jikteb u ffoka l-aktar fuq rakkonti tax-xjenza fittizja u fantasija.  

Burroughs kiteb diversi novelli fuq Tarzan u l-ewwel waħda ġiet stampata fl-1913. Wara l-ewwel storja beda jirriċikla l-bażi tagħha u fi żmienu nbiegħu mat-30 miljun kopja ta’ dawn ir-rakkonti li jnisslu kurżità. Hu immaġina lil Tarzan bħala tifel ta’ Lord u Lady Ingliżi li sabu ruħhom itturufnati fuq il-kosta Afrikana minn xi ribelli. Meta kien għadu tarbija ommu mietet u missieru ġie maqtul minn kap ta’ tribù ta’ gorilli li wara rabbew liċ-ċkejken. Tarzan propjament kien il-Viskonti ta’ Greystoke. Hu kiber bħala tifel selvaġġ, sar raġel b’saħħtu bl-annimali jobdu lilu meta jisimgħu dik l-għajta tipikament tiegħu. 

Meta sar ġuvnott, ta’ 18-il sena, fil-ġungla ltaqa’ ma’ Jane li timmansah, tgħallmu jitkellem u li jġib ruħu ta’ wieħed ċivili. Meta titlaq, imur ifittixha, anzi jiżżewwiġha u jagħmlu żmien jgħixu ta’ sinjuri fl-Ingilterra. L-ipokrezija li jara fiċ-ċiviltà ta’ madwaru tħajru biex hu u Jane u t-tifel tagħhom Jack jerġgħu jmorru jabitaw fis-selvaġġ. Dawn l-avventuri kollha jseħħu fil-kotba li ġew wara. Edgar Rice Burroughs miet fid-19 ta’ Marzu 1950 minn attakk ta’ qalb. 

Il-produtturi tal-films malajr raw profitt minn dan il-paladin tal-ġungla u dlonk bdew jinħadmu diversi films dwaru. Fl-1918 ħareġ “Tarzan Of The Apes” bl-attur fiżikament impressjonanti Elmo Lincoln u Enid Markey tkun Jane. Ix-xogħlijiet ċinematografiċi dwar dan il-karattru bdew ġejjin ta’ spiss u anki nħadmu xi serials, (films ta’ madwar 12 jew 15-il episodju ta’ madwar 20 minuta ’l wieħed u jintwera episodju kull ġimgħa qabel il-film propju li jispiċċa billi jħallik b’kurżità kbira għal dak li jseħħ wara). 

Attur li tassew inkarna lil dan l-eroj gwapp kien Johnny Weismuller, atleta Olimpiku, rebbieħ ta’ medalji fl-għawm li daħal għal din il-parti b’ruħu u ġismu. Mal-kumpanija Metro-Goldwyn-Meyer (M.G.M.) Weismuller ħadem sitt films, kollha ta’ livell għoli, b’casts ta’ atturi sekondarji tajbin, produzzjonijiet fini u azzjoni spissa. Jispikkaw miegħu kien hemm is-sbejħa Maureen O’Sullivan bħala Jane u Cheetah, ix-xadina gustuża tant maħbuba mit-tfal. Dawn ix-xogħlijiet divertenti ħafna tassew laqtu l-gosti u l-immaġinazzjoni tal-pubbliku tas-snin tletin li kien qed jgħix fl-eqqel ta’ dipressjoni qawwija. 

Is-suċċess ta’ dawn l-M.G.M. films ispiraw lill-produtturi ta’ kumpaniji oħrajn biex jaħdmu proġetti simili dwar Tarzan. Minkejja li ma kinux ta’ livell kapaċi, kollha kellhom atturi ta’ statura sabiħa bħal Buster Crabbe li, bħal Weismuller, kien rebbieħ ta’ medalji tad-deheb fil-logħob Olimpiku, Herman Brix (li wara biddel ismu għal Bruce Bennett) u Glenn Morris. Meta l-films tal-M.G.M. bdew ibattu fil-popolarità, sabu f’Cheetah, ix-xadina fidila ta’ Tarzan, is-serħan komiku. L-interess għall-familja wasal bl-introduzzjoni ta’ Johnny Sheffield bħala Boy, it-tifel ta’ Tarzan u Jane. 

Xorta Johnny Weismuller baqa’ jinterpreta lil Tarzan b’sitt films oħra għand il-kumpanija RKO Radio, però mingħajr Maureen O’Sullivan. Lex Barker, fl-1949 ħa dan l-irwol f’idejh. F’nofs is-snin ħamsin, il-films ta’ dan is-sid tal-bosk saru bil-kulur u xi wħud minnhom bis-CinemaScope (liżar wiesa’), issa aktar elaborati u itwal, b’diversi atturi jinterpretaw lil dan il-paladin. Xi atturi li ġew wara kienu: Gordon Scott, bodybuilder ta’ figura attraenti li aktar ’il quddiem sar popolari fil-films Taljani tal-ġeneru peplum (tar-Rumani u l-Griegi), Denny Miller, Jock Mahoney li kien stuntman, Mike Henry u Ron Ely. 

Fl-aħħar nett, ta’ min isemmi l-film tal-1984 “Greystoke: The Legend Of Tarzan Lord Of The Apes”, produzzjoni fidila lejn il-kotba tal-awtur, hawn interpretat minn Christopher Lambert. Fl-1999, il-kumpanija Disney ħarġet “Tarzan”, film animat (cartoon) li fih raw il-possibbiltà li jistgħu jferrħu lill-familji u, fuq kollox, kien tentattiv li rnexxa. 

Tarzan dejjem jibqa’ karattru popolari li daħal fil-qlub ta’ persuni ta’ kull età u ta’ kull ġens u żgur li se jkompli jaffaxxina lil kull min iżur it-teatri tal-films. 

More in Arti