
Dgħajjes għar-Rdoss — Reċensjoni ta’ Mario Attard
'Wara li jkun qara din il-ġabra, il-qarrej malajr jinduna li f’idejh għandu versi miktubin minn poeta li jaf isarraf l-element ta’ proża f’lingwaġġ poetiku'

Fil-kelmtejn ta’ qabel, Karmenu Mallia jiżen fuq naħa dawk li jaraw lill-poeti bħala “maledetti” u lill-poeżiji li jiktbu bħala telf ta’ żmien, b’referenza partikolari għal Platun. Imma min huwa kompetenti biex jiġġudikahom? Hija l-persuna nnifisha li tagħżel il-medium li bih tfisser is-sentimenti tagħha.
Mallia jiżen ukoll il-poeżija minsuġa bil-metrika u l-poeżija li titbiegħed minn dawn ir-reġoli, bejn il-versi marbutin u l-versi meħlusin. Lil din id-distinzjoni l-awtur jiżinha billi jgħid ikteb kemm trid u kif trid “basta jsaltan is-sabiħ”! Hijiex marbuta jew ħielsa, “l-aqwa li l-poeżija hija mgħannqa mal-Muża”, jiġifieri mhix artifiċjali. Fil-poeżija miktuba fil-ferħ jew fin-niket isaltan dejjem is-sabiħ. It-tajjeb bejniethom huwa li dejjem hemm lok għall-poeżija marbuta u ħielsa.
Il-poeta jiftaħ il-ġabra poetika tiegħu bi 12-il poeżija, waħda għal kull xahar. Imbagħad jgħaqqadhom flimkien b’erba’ poeżiji oħra, waħda għal kull staġun. Minn dawn is-16-il poeżija moħħi waqaf jgħarbel lil “Ix-Xitwa.” Fiha rajt it-tifsira tat-titlu tal-antoloġija: “Dgħajjes għar-Rdoss”. Id-dar, fejn l-omm u l-ulied jinsabu mkennija mix-xhur xitwin, jistennew bil-ħerqa lill-kap tal-familja jerġa’ lura d-dar. U jasal il-ħin li jerġa’ lura l-missier fi tmiem ħidmietu bl-ixkora li poġġa fuq rasu biex jilqa’ mill-qtar tax-xita. U l-omm u l-missier, Ġorġa u Ġużeppi, jgħallmu lil uliedhom: l-omm tilqa’ lil żewġha bit-tbissima, moħħha mistrieħ li l-minestra tinsab għas-sħana ttektek u l-missier, bit-tbisima wkoll, jgħannaq lil martu: “Aħna wliedu, nistħajjel ħuti bħali, / konna qisna qed naraw film...”
Mallia jerġa’ jsemmi lill-ġenituri tiegħu fil-poeżija “Minn Ġewwa għal Barra”, referenza għad-disa’ xhur ta’ tqala u għat-twelid. Huwa jiftakar meta f’ġuf ommu kien jgħum waħdu waħdu, iżda meta ħareġ fil-beraħ, ma baqax iżjed waħdu u ħass it-toqol ta’ dinja ġdida jtaqqlu. Minn ġewwa ġuf ommu wkoll ħass lil missieru jbus lil ommu qabel imur għax-xogħol — imġiba li ssaħħaħ ir-rapport ta’ bejniethom kif inhija murija fil-poeżija “Ix-Xitwa”.
Mallia jagħmel ukoll referenzi għall-mitoloġija Griega, partikolarment għall-mużi, id-disa’ karattri li kienu responsabbli fil-mitoloġija Griega għall-attivitajiet kreattivi. Eżempju ta’ dan insibuh fil-poeżija “Adios Muchachos”, fejn Mallia juża l-muża tal-lirika biex isellem lill-qarrejja ta’ din il-kullana poetika: “Ktibtilkom versi / fuq ħafna temi / dak li rnexxieli / naħtaf u nisraq / mill-Għolja Griega. / L-Għolja Parnassus / Palazz il-Mużi.”
Fil-poeżija “Vjolini”, il-poeta jesprimi l-poeżija bħala l-prodott tal-mużiċista fejn aktar ma s-surmast jgħolli u jbaxxi u jxengel ’l hemm u ’l hawn il-bakketta, “aktar il-purċissjoni / tal-istrumenti tgħaddi dritt jew tilwi / u bħal vleġeġ ħfief / jirfdu qalb is-semmiegħa”.
Il-vjolini jerġgħu jissemmew flimkien mal-pjanijiet, din id-darba fil-poeżija “Titkellem it-Tieqa tad-Dwejra”. It-tieqa ċediet; ilha tiflaħ għall-qilla tan-natura. Biss, wara kull reżistenza, id-dgħufija tkompli ċċedi sa ma tkunx tiflaħ iżjed. Għalxejn il-poeta jistenna lil Chaikovsky. L-ebda vjolin u l-ebda pjanu ma jiflaħ ireġġa’ lura dak li kien.
L-arti, bħal ħafna ħwejjeġ oħra, taljena, tnessi u għal waqt tgħix realtà li ttaffilek mit-“trikkitrakki / tal-bombi bla sens li jfissru ħela ta’ flus”. Dan huwa l-messaġġ li jagħlaq bih fl-aħħar parti Mallia fil-poeżija “Largo al Factotum” (referenza għall-opra “Il Barbiere di Siviglia”).
L-arti sserraħ u tqanqal! U “ssebbaħ” bħal kif tgħid fil-poeżija “Tosca” ispirata mill-istess opra. Il-poeta jislet l-ewwel il-frażi “E lucevan le stelle” u jinterpretaha għal meta fetaħ għajnejh għall-ewwel darba mat-twelid tiegħu. Imbagħad joħroġ eżempju dehen għas-soċjetà mis-sentenza “Vissi d’arte, vissi d’amore / non feci mai male ad anima viva”. M’hemm xejn isbaħ milli jispiċċaw il-piki, il-gwerer, l-azzjonijiet ħżiena, u jirrenjaw l-għaqda u l-paċi.
F’“Űbermensch” Mallia qiegħed jeħodha mal-filosofija ta’ Nietzche li tisħaq li Alla huwa mejjet, ma jeżistix, u fil-fatt jagħlaq il-versi b’determinazzjoni kbira: “Nein, Friedrich Nietzche, nein.”
Il-kritika soċjali ma tonqosx u nsibuha bis-saħħa tad-distinzjoni bejn “dħaħen boloh” u “għelieqi jixegħlu bin-nida” fil-poeżija “Minn fuq is-Saqqajja”. Is-Saqqajja terġa’ tissemma f’“Intermezz” fejn il-poeta jinsab jirrifletti x’għadda minn pajjiżna u fejn wasalna. Ikompli fil-versi msemmija “Għeluq” fejn insibu l-impatt negattiv li l-preżent qiegħed iħalli fuq iż-żgħażagħ tagħna: “iż-żgħażagħ tagħna, wild Malta ta’ għada, / nofshom mitlufa f’sakra li qerdithom, / mexxejja ltiema f’’nofs Demokrazija / izzappap, tilheġ fuq bastun jirtogħ’d. / Uħud mitlufa ġo triqat mudlama; / il-knejjes vojta jgħajtu: “Got ist tot”.
Ir-reliġjon inkomplu nsibuh f’“Auschwitz Birkenau”. F’dan il-kamp tal-konċentrament faħxi, il-poeta jara knisja bla xemgħat, damask u lussu. Is-skiet ta’ ġo fiha jinkiser mill-krib tad-deportati u mill-mibegħda tan-Nazi. Dan il-kamp infami huwa mneżża’ mid-dinjità umana imma mhux tar-ruħ.
Għall-poeta, id-dinja tal-lum misjuqa mill-ġlied u l-qerda, ma jħallihiex taħrablu minn vrusu, “Les Gavroches” jew it-Tliet Pariġini tat-Triq, jagħtu din l-interpretazzjoni: “Ġiri, ġlied, sparar, mibegħda, / kullimkien qed jisparaw; / dil-kefrija, dit-taħbila, / bħalha qabel qatt ma raw.”
Hawnhekk l-indirizz huwa għat-tfulija. Fil-prinċipju, it-tfulija qatt ma għandha tkun assoċjata mal-gwerra u lanqas il-mibegħda u l-vendetta. Il-poeta jagħlaq il-poeżija b’din il-kwartina li għad illi qiegħda tirreferi għal Pariġi, aħna nagħtuha dimensjoni universali biex tapplika għal kull parti tad-dinja, partikolarment fejn hemm il-gwerer: “Għad Pariġi, beltna sbejħa, / belt li bħalha m’hawn imkien, / terġa’ tqum minn din id-diqa / u ngawduha lkoll flimkien.”
Bla dubju, din il-ġabra poetika fiha aktar poeżiji, inklużi poeżiji bl-Ingliż, bit-Taljan, bil-Franċiż, u saħansitra bl-Esperanto, lingwa li Mallia jispeċjalizza fiha. Hemm ukoll poeżija maqluba mill-Ingliż għall-Malti.
Mallia jinħass li huwa mkisser fil-kitba tal-poeżija u dan bla ninsew li huwa wkoll kittieb tajjeb ħafna ta’ rumanzi, ħafna minnhom storiċi. Wara li jkun qara din il-ġabra, il-qarrej malajr jinduna li f’idejh għandu versi miktubin minn poeta li jaf isarraf l-element ta’ proża f’lingwaġġ poetiku. Din is-setgħa hija riżultat tal-ħila li għandu li jagħraf idaħħal il-figuri tad-diskors f’posthom u f’waqthom u b’hekk jissaħħaħ il-messaġġ li jkun irid iwassal.