The New Victorians b'album tal-Milied bl-isem ta’ ‘Ninni’, irrekordjat kollu fil-kappella ta’ Bir Miftuħ
Dan l-album huwa speċjali għax jinkludi 11-il għanja tal-Milied Maltija interpretati mill-ġdid, kollha rrekordjati live minn ġol-kappella storika ta’ Bir Miftuħ fil-Gudja, bil-parteċipazzjoni ta’ band ta’ sitt membri
Il-grupp ta’ aħwa kantanti magħrufa bħala The New Victorians għadhom kif ħarġu album ġdid tal-Milied bl-isem “Ninni – Album tal-Milied” disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali kollha.
Dan l-album huwa speċjali għax jinkludi 11-il għanja tal-Milied Maltija interpretati mill-ġdid, kollha rrekordjati live minn ġol-kappella storika ta’ Bir Miftuħ fil-Gudja, bil-parteċipazzjoni ta’ band ta’ sitt membri. Fost il-kanzunetti magħrufa li jinsabu f’dan l-album hemm “Ġesù Ħelwa Tarbija” u “Ninni La Tibkix Iżjed” li jerġgħu jġibu fiċ-ċentru t-tradizzjonijiet mużikali sbieħ ta’ żmien il-Milied f’Malta.
Barra mit-tnedija tal-album, The New Victorians se jwettqu s-serje ta’ kunċerti “Chapel Hop Concerts” bejn il-5 u t-8 ta’ Diċembru, flimkien ma’ kor multikulturali b’kollaborazzjoni mad-Delegat tal-Arċisqof għall-Kultura. Dawn il-kunċerti se jsiru f’kappelli u postijiet storiċi intimi madwar Malta, u jagħtu lill-udjenzi opportunità unika biex jesperjenzaw il-maġija tal-kanzunetti tal-Milied Maltin b’mod ħaj u personali.
Dan il-proġett ġie appoġġjat minn diversi entitajiet fosthom il-Farsons Foundation, Deloitte Foundation, Malta International Airport, APS Bank, Bolt, Best Team Audio, Visit Malta, Welbees, Olimpus, V Squared Media, u Din L-Art Ħelwa.
Biljetti għas-serje ta’ kunċerti “Chapel Hop Concerts” jistgħu jinkisbu mis-sit ShowsHappening.com.