‘Castillo minn fuq il-karta kien jidher li se jkun biċċa xogħol kbira’
Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' mal-atturi u n-nies minn wara l-kwinti li bis-saħħa tagħhom seta' jasal il-film 'Castillo' fuq il-liżar taċ-ċinema nhar l-20 ta' Settembru. Din il-ġimgħa nitkellmu ma' Mark Doneo, l-attur fil-parti ta' Castillo
L-ILLUM tiltaqa’ mal-attur kariżmatiku li jagħmel il-parti ta’ Castillo, il-protagonist fil-film il-ġdid Castillo, li se jintwera fuq il-lożor taċ-ċinema fl-20 ta’ Settembru. Mark Doneo jitkellem dwar l-esperjenzi tiegħu fuq is-sett, mill-azzjoni intensa għall-emozzjonijiet profondi tal-karattru tiegħu, u l-isfidi li ltaqa’ magħhom għal għonq it-triq.
Issa li rajt il-final cut ta’ Castillo, liema xena l-aktar li laqtitek?
Hemm diversi, għax meta tarah l-ewwel darba, qisu kull xena tkun esperjenza ġdida, kważi kważi ‘out of body experience’, daqskemm ħadt gost. Imma jekk ikolli naħseb u niftakar – kien hemm ix-xena ta’ meta jarrestaw liż-żewġ żgħażagħ fil-garaxx tagħhom. Il-mod kif ġiet iffilmjata speċjalment il-mument li jiġu l-pulizija għalihom – il-moviment tal-kamera, il-koreografija u l-mużika, niftakarni nitbissem iċ-ċinema. Kienet ħelwa. U l-oħra jekk se nkun 100% egoist, meta Castillo jkun ‘għajjien’ u jitlob lil Catherine biex ‘tgħinu’ jaqta’ s-sigaretti. L-istess, niftakarni u anke l-udjenza titbissem f’mument kritiku tal-misteru. Xena li ġiet f’waqtha.
Minħabba li Castillo għandu udjenza integrata kemm mill-ktieb, kif ukoll mit-teatru, ħassejt xi pressjoni biex tlaħħaq mal-aspettattivi?
Le. Qatt ma kont it-tip li nikkonfondi wisq fuq x’jaħseb ħaddieħor fuq dak li nagħmel. Mhux se ‘jgħinni’ nagħmel sforz akbar jew aħjar. U qatt qatt qatt m’int se togħġob lil kulħadd, f’xejn. Pjuttost huwa sentiment li jfixkel il-proċess, ngħid għalija. Però rrid nammetti li meta l-awtriċi tar-rumanz, Clare Azzopardi, bagħtitli kumpliment rigward l-interpretazzjoni tiegħi, kien wieħed mill-akbar sodisfazzjonijiet tal-karriera tiegħi. Il-kumplimenti kollha sbieħ u kollha jibqgħu miegħek għal xi ħin imma ta’ Clare nibqa’ ngħożżu għal dejjem għax il-karattru ħolqitu hi u qattgħet ħafna sigħat miegħu. Hemm differenza kbira.
Kif ersaqt lejn il-karattru tiegħek f’Castillo? Kien hemm xi aspetti partikolari tar-rwol li sibt ta’ sfida jew ta’ sodisfazzjon?
Castillo minn fuq il-karta kien jidher li se jkun biċċa xogħol kbira. Mingħajr ma nidħol f’dettalji li jistgħu jħassru jew jikxfu r-rwol tiegħu fl-istorja, għax hemm ‘reveal’ ħelu fl-ewwel att tal-film, irrid ngħid li l-aktar ħaġa li ġibditni lejn il-karattru kienet propju l-kumplessità tal-eżistenza tiegħu mal-kumplament tal-karattri. Għalkemm Castillo għandu l-karatteristiċi li huma esklussivament tiegħu, emozzjonalment jissellef ħafna u jiddependi ħafna mill-karattru li jkun qiegħed fix-xena miegħu. Min se jara l-film se jinduna mill-ewwel x’jiena ngħid, imma hekk taf tinħass ftit vaga. Din il-kumplessità li ġibditni b’ruħi u b’ġismi lejn il-proġett.
X’kienet l-atmosfera fuq is-sett waqt il-filming ta’ Castillo? Kien hemm xi mumenti memorabbli jew stejjer minn wara l-kwinti li spikkaw?
Mhux l-ewwel darba li ħdimt ma’ Take 2. Waħda mir-raġunijiet li naċċetta naħdem, apparti li l-proġett ikun ta’ livell għoli, huwa propju għax huma tim magħqud ħafna. Abigail u Carlos huma artisti fil-veru sens tal-kelma. Jittrattaw il-proġetti tagħhom kif suppost – bħala biċċa arti – mhux bħala xogħol li jrid isir. Hemm l-imħabba. Le, passjoni. Passjoni biex jagħmlu l-aħjar li jistgħu bir-riżorsi li jkollhom. U b’xi mod jirnexxilhom isibu grupp ta’ nies biex jaħdmu magħhom li huma maqtugħin mill-istess pezza. Is-sett ta’ Take 2 huwa sett ippreparat, efiċjenti, kreattiv u armonjuż.