Qed tħossok kreattiv? ‘Skeċċ’ qed jistiednek tikteb u ttella’ dramm qasir

Kemm jekk inti kittieb esperjenzat jew jekk għadek qiegħed issib saqajk, dan huwa ċ-ċans tiegħek biex tibrilla fil-kitba tad-drammi

Jekk għandek in-nar tal-kreattività jinbet fik dan is-sajf, Spazju Kreattiv ħareġ bl-avveniment ideali għalik. Festival Skeċċ, li ser isir nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju u s-Sibt 7 ta’ Ġunju 2025, se jittrasforma Spazju Kreattiv f'teatru uniku u innovattiv, b'prestazzjonijiet fit-teatru, studjows, u fl-ispazji miftuħa.  

Kemm jekk inti kittieb esperjenzat jew jekk għadek qiegħed issib saqajk, dan huwa ċ-ċans tiegħek biex tibrilla. Propju issa, Spazju Kreattiv qed ifittex drammi qosra oriġinali li jdumu bejn 10 u 20 minuta. Jekk għandek xi storja affaxxinanti li għadha ma rat l-ebda palk, dan hu l-post u ż-żmien għalik biex tesperimenta. 

M’hemmx tema speċifika imma dejjem huma eċitanti x-xogħlijiet dwar kwistjonijiet kontemporanji, jew dawk dwar diversità kulturali. 

Il-preżentazzjonijiet tista’ tibgħathom kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż, u tista’ tibgħat sa tliet stejjer differenti. Mal-iskritt inti mitlub tibgħat sommarju qasir. 

Jekk tintgħażel storja minn tiegħek, din tintwera tliet darbiet matul il-jumejn tal-festival. Spazju Kreattiv qed iżomm l-affarijiet tekniċi sempliċi, b’hekk, kwalunkwe` installazzjonijiet huma mitluba li jinżammu minimi. 

Biex jgħinuk tagħti l-ħajja lill-viżjoni tiegħek, kull produzzjoni magħżula se tirċievi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ €1,000. Din ser tgħinek tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni tiegħek, inklużi ħlasijiet artistiċi. 

Lest tieħu l-opportunita` u tkun parti minn din il-vjaġġ fantastiku? Ibgħat l-iskripts tiegħek f'format PDF sa nofsinhar tal-Ħadd, 30 ta’ Settembru, 2024. 

Immarka l-kalendarju tiegħek u ibda ppjana l-idea kolossali tiegħek li jmiss. Skeċċ 2025 fi Spazju Kreattiv huwa l-post fejn trid tkun preżenti jekk inti tħaddan il-kreattivita` bix-xewqa li tagħtiha d-dawl u tħalli l-marka tiegħek fid-dinja tat-teatru. 

 

More in Arti