Kotba | Il-Qari: Muża li Ssaħħar

Elena Cardona tqalleb f’żewġ kotba tat-tfal li qegħdin fuq il-lista t-twila tal-Premju Terramaxka 2024 biex tkattar il-muża tagħha: Mill-Ittri ta’ Sbejjaħ il-Fenek (Faraxa Publishing, 2023) ta’ Daniela Callus u Il-Patt tal-Prinċep (Horizons, 2023) ta’ Daniel Cini, illustrati minn Naomi Gatt

Niftakarni għadni tifla fil-primarja mmur nara l-posta bl-eżatt malli niġi mill-iskola u jekk ikun is-sajf inkun nistenna lill-pustier fuq il-bankina biex jagħtini l-ittri. X’kienet din l-ossessjoni biex inkun jien l-ewwel li nirċievi l-ittri? F’dak iż-żmien kont inkun qiegħda nistenna l-ittri mingħand kuġina tiegħi ġewwa l-Awstralja. Kienu ittri mimlija tpinġijiet u stickers, b’kummentarju dwar dak li konna ngħaddu minnu matul il-ġranet tagħna, bħall-esperjenzi tagħna fl-iskola, il-passatempi u l-ħarġiet mal-familja u l-ħbieb. Domna niktbu lil xulxin għal madwar tnax-il sena sakemm il-posta elettronika ħadet post l-envelope oħxon u ttimbrat ġej mill-Awstralja. Sa ċertu punt naqbel li ħafna mill-karti li jintbagħtu ġewwa d-djar, ngħidu aħna l-kontijiet, qegħdin jonqsu biex insalvaw iktar siġar. Però, li tirċievi ittra u tikteb waħda kien fiha l-maġija tagħha, kemm meta tkun tistenna li tirċievi l-ittra, kif ukoll meta tweġibha. 

La qbadtha fuq l-ittri, ma nistax ma nsemmix il-ktieb tat-tfal Mill-Ittri ta’ Sbejjaħ il-Fenek, mimli ittri ta’ Sbejjaħ. Miktub mill-pinna ta’ Daniela Callus, b’illustrazzjonijiet mill-isbaħ ta’ Naomi Gatt, il-ktieb fih b’kollox erba’ ittri, introduzzjoni miktuba minn Sbejjaħ u fl-aħħar nett nota ta’ ringrazzjament mingħandu għaz-zija Marija. Il-ktieb ġie ppubblikat fl-2023 minn Faraxa, bis-sehem tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u ġie sottomess għall-Premju Terramaxka fil-kategorija għat-tfal bejn iż-żero u s-seba’ snin. Dan Sbejjaħ hu fenek li jkollu jħalli lil zitu Marija għaliex issa din xjaħet u qiegħda residenti ġo djar tal-fniek anzjani. Jaqbad vapur u jinżel Malta u minn hemm jibdew l-avventuri tiegħu, li hu jikteb fl-ittri. Lil min huma indirizzati dawn l-ittri? Tgħid Sbejjaħ jirċievi ittra xi darba? Min hi dik il-familja li jkun joqgħod magħha l-fenek? 

Laqatni ferm il-format ta’ kif inhu ppreżentat dan il-ktieb. L-avventuri ta’ Sbejjaħ huma kollha rrakkontati permezz tal-ittri, xi ħaġa li qatt qabel ma kont iltqajt magħha. Nemmen li b’dan il-mod l-awtriċi qiegħda tiffamiljarizza lit-tfal mal-mod kif jinkitbu l-ittri, minkejja li forsi naħsbu li l-ittri m’għadhomx moda jew m’għandniex bżonnhom. Apparti minn hekk, Sbejjaħ jgħallem valuri mill-isbaħ lill-qarrejja ċkejkna. Jirrakkonta kif fir-raħal fejn joqgħod, jiċċelebraw jum il-kartolini. Il-ġirien jibagħtu l-kartolini lil xulxin u fihom jiktbu messaġġ sabiħ. Sbejjaħ tgħidx kemm kien imħabbat biex jikteb il-kartolini lill-ġirien tiegħu tant li kellha twasslu s-Sinjura Miriam bil-lambretta biex iqassamhom. Dan il-ġest sabiħ li għamel jiġi rreċiprokat għax hu wkoll jirċievi ħafna kartolini. Ftakart fl-‘act of kindness’, li minn xi żmien ilu kisbet popolarità fostna. Ma jfissirx li f’dawk il-ġranet li ma nfakkrux fiha dan l-att ta’ ġenerożità lejn xulxin, għandna nkunu indifferenti. Anzi li nuru ħniena hija xi ħaġa li trid tkun parti mill-istil ta’ ħajjitna. Jum bħal dan iġagħalna niftakru iktar  li għandna nħobbu u nirrispettaw lil kulħadd. Għalhekk, Sbejjaħ iservi ta’ eżempju għall-qarrejja mhux biss għax prova jferraħ lill-ġirien tiegħu, iżda wkoll għax iħobb immens liz-zija Marija u dejjem jirringrazzjaha ta’ dak kollu li għamlet miegħu. 

It-tieni ktieb tat-tfal li qrajt riċentement hu Il-Patt tal-Prinċep ta’ Daniel Cini, b’illustrazzjonijiet ta’ Naomi Gatt. Fatt interessanti hu li dan il-ktieb, ippubblikat minn Horizons fl-2023, ukoll twieżen f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u jinsab fil-lista t-twila għall-Premju Terramaxka fil-kategorija tat-tfal bejn it-tmien u tnax-il sena. Dan il-ktieb xpakkat b’illustrazzjonijiet mill-isbaħ jirrakkonta l-istorja ta’ prinċep li kien se jagħlaq tletin sena. Kellu għal qalbu l-mużika, it-teatru u l-opri. Iżda x’jiġri propju meta kien suppost se jiġi inkurunat re tas-saltna tiegħu? Ta’ min kienet il-‘figura twila mgħammda b’kappa bellusija lewn ir-rubini’? Wara kollox x’kien dan il-famuż patt li jissemma fit-titlu tal-ktieb? Għaliex il-ktieb hu mżejjen b’rix lewn aħdar jew blu? 

Fil-bidu tal-istorja, Cini jiddeskrivi lill-protagonist bħala prinċep li ‘kien iqatta’ ġranet sħaħ jixxaħxaħ fil-palazz, jipprova l-isbaħ ħwejjeġ, jiekol l-itjeb ikel jew idoqq xi strument mużikali tal-iprem kwalità’. Din id-deskrizzjoni, flimkien ma’ deskrizzjonijiet oħra, iwasslu lill-qarrejja biex jintebħu li dan il-prinċep hu egoist u mhux kapaċi jaċċetta r-realtà u jinbidel. Eżempju ta’ dan hu meta n-nies tas-saltna ppruvaw isemmgħu leħinhom dwar il-qagħda miżera tagħhom. Iżda l-prinċep ma tax kashom. Anzi, bħala kastig talli semmgħu leħinhom, il-prinċep għadda liġi li ħadd ma seta’ jdoqq, ikanta jew jirreċta f’dak ir-renju. B’mod sottili, l-awtur qiegħed jenfasizza li minħabba l-egoiżmu ta’ xi ħadd wieħed, jispiċċa jbati kulħadd. Barra minn hekk, Cini juri kif il-prinċep għalxejn ipprova juri l-qawwa tiegħu billi jkun żorr għax l-ebda liġi ma ġagħlitu jikseb il-ferħ. 

Xi ħaġa li għoġbitni immens hi l-mod kif Cini jirrappreżenta l-muża lill-qarrejja żgħar. Ħafna drabi, aħna l-kbar ngħidu li m’għandniex muża – ma jkollniex aptit nagħmlu xi ħaġa. Jekk xi artist jistqarr li m’għandux muża jiġifieri li ma jkollux ispirazzjoni għal xogħlu. Il-muża tal-prinċep hi mill-aktar ħelwa, lesta toffrilu ‘xaqq ta’ dawl f’dan il-mument mudlam’. Hi tinħass bħal raġġ ta’ dawl, li lesta toffri pariri siewja lill-prinċep biex jirrimedja man-nies tas-saltna tiegħu. 

Biex tikkultiva l-muża tiegħek, aqbad ktieb f’idejk u ibda aqra. M’hemmx għalfejn taqra ktieb sħiħ, imma ibda bi ftit paġni. B’hekk il-ġarra tiegħek timtela u tfur bil-muża. 

More in Arti