Frans Sammut mil-lenti t’Ibnu: 'Kien eleganti mhux biss fl-istil ta’ kitba, imma wkoll fil-valuri'
Patrick Sammut jitkellem ma’ Mark Sammut dwar missieru Frans Sammut, f’għeluq it-13-il sena minn mewtu (4 ta’ Mejju 2011)
Patrick Sammut: Nimmaġina li meta kont żgħir kienet xena komuni li tara lil missierek fl-istudjow jew fil-biblijoteka tiegħu jikteb jew jirriċerka. Kemm hu veru dan?
Mark Sammut: Il-mamà tgħid li kien jaqra ħafna fis-sodda, qabel ma jorqod. Jien niftakru fis-salott jaqra ħafna. Il-papà kien jilbes nuċċali bifokali – u kien (tiġini tbissima) ineħħi n-nuċċali u jitfa’ l-lenti ngħidu aħna tax-xellug quddiem l-għajn tal-lemin. Propjament kellu bżonn nuċċali ġdid imma kien naqra rasu iebsa u jdum ma jagħmilhom l-affarijiet.
Kien jaqra s-supplimenti letterarji tal-gazzetti Ingliżi u rivisti intellettwali Taljani. Fis-salott imma. Rari niftakru jaqra fl-istudju. Fl-istudju kien jikteb.
Jiġifieri għal waqt il-qari kien ikun irid in-nies madwaru – imma jżommu l-kwiet (ara xi tfulija kelli!). Għall-kitba, kien jintasab waħdu mat-typewriter, u mbagħad mal-kompjuter, u ma jrid lil ħadd itellfu. Meta naħseb dwar dal-modi, nifhimhom ħafna għax jien ukoll inkun irrid ftit “ħajja” madwari jien u naqra, imma skiet ta’ kunvent, ta’ qabar kważi, jien u nikteb.
PS: Min jaqra r-rumanzi ta’ missierek jinduna li għalkemm xogħlijiet fittizji huma miktubin minn bniedem kolt li kellu għarfien fond ta’ oqsma bħalma huma l-Istorja, il-Letteratura u iktar. Xi tgħid dwar dan?
MS: Kien jaqra ħafna l-papà, u anki jara ħafna dokumentarji.
Naħseb li letteratura fiction hu żball li wieħed jaħseb li hi, jew għandha tkun, biss frott l-istħajjil. Il-karattri, it-trama – dawk iva, dawk għandhom ikunu frott l-istħajjil. Imma l-kuntest li fih il-karattri mistħajla jgħixu t-trama, dak għandu jkun jirrifletti r-realtà. Fil-verità, l-ebda kittieb ma jista’ jaħrab minnu l-kuntest li jirrifletti r-realtà, għax aħna ngħixu fir-realtà. Anki xogħlijiet ta’ fantaxjenza fl-aħħar mill-aħħar huma distillazzjoni tar-realtà. Issa tkunx realtà psikoloġika, storika, etika – dik storja oħra. Imma l-fiction hi sa ċertu punt thought experiment. Dan ifisser li l-kittieb ikun ibleh jekk ma jiksibx kemm jiflaħ tagħrif dwar ir-realtà. F’kull storja hemm dak li jingħad u dak li ma jingħadx – u dak li ma jingħadx, il-qarrej irid jibnih mir-realtà li l-qarrej u l-awtur u l-bqija tad-dinja jgħixu fiha. (Anki r-realtà storika tgħix fiha, għax l-istorja hi r-rakkont illum tal-ġrajjiet tal-bieraħ). Jekk l-awtur ma jkunx jaf sew ir-realtà, allura dak li ma jgħidx fir-rakkont jiġi trażmess ħażin.
Din hi waħda mir-raġunijiet għaliex ir-rumanzi tal-papà tajbin: għax kien kolt. U l-qarrej seta’ jintuwixxi dak li l-papà bħala awtur iħalli barra. Iħallih barra għax hekk hi l-kitba: hemm l-ekonomija tan-narrazzjoni. Jiġifieri għandek baġit (ta’ ħin, ta’ kliem, ta’ enerġija, ta’ interess, ta’ ispirazzjoni, eċċ.) u trid iżżomm mal-baġit. Jiġifieri mhux biss trid kultura imma trid grad għoli ħafna ta’ awtodixxiplina. Dari did-dixxiplina kienu jitkissru fiha l-awturi għax kienu jimxu mal-forma – ngħidu aħna, is-sunett jimponi awtodixxiplina tal-biża’. Illum, li l-formaliżmu naqas, trid tkun aktar kreattiv biex issib l-awtodixxiplina f’dinja fejn m’hemmx mudelli ta’ awtodixxiplina li tista’ timxi magħhom.
PS: Liema huwa x-xogħol fittizju favurit tiegħek li kiteb missierek u għaliex?
MS: Missieri kiteb erba’ rumanzi (Il-Gaġġa, Samuraj, Paceville u Il-Ħolma Maltija), novella twila (Logħba bejn Erbgħa) u għadd ta’ novelli (Labirint, Ħrejjef Żminijietna, Newbiet).
Inħoss li Frans Sammut li naf jien – jiġifieri “missieri” – rifless l-aħjar f’Il-Ħolma Maltija. Imma dan ifisser li dan hu x-xogħol favorit tiegħi mhux għal raġunijiet letterarji imma għal raġunijiet purament personali, psikoloġiċi u affettivi... jiġifieri kriterji purament soġġettivi u mhux marbutin max-xogħol innifsu imma mal-awtur.
Jien jidhirli li f’kull xogħol tiegħu missieri kiteb bi stil eleganti u b’integrità intellettwali. Diffiċli nsib xogħol favorit minn lenti letterarja.
PS: Kieku missierek kien ħaj illum dwar xiex taħseb kien jikteb bħala xogħol fittizju? Għaliex?
MS: Li nista’ ngħidlek fiż-żgur hu li meta miet kien qiegħed jaħdem fuq rumanz ġdid, dwar il-frodi intellettwali mwettqa minn Abate Vella fi Sqallija fis-seklu 19. Laħaq lesta l-ewwel tliet kapitli u kien ippubblikahom Aleks Farrugia f’It-Torċa, ftit wara mewt il-papà.
Però, billi f’Paceville ttratta t-tema tal-qerda ambjentali, naħseb li llum fl-2024 il-papà kien żgur jerġa’ jaqbad dik it-tema. U billi, kif qal Alfred Sant f’wieħed mill-kotba tiegħu, il-papà kien, fis-snin 80, mar għand Karmenu Mifsud Bonnici u offrielu li jgħin kontra l-korruzzjoni fil-Partit Laburista dak iż-żmien, naħseb li llum kien ukoll jittratta t-tema tal-korruzzjoni fil-kitbiet tiegħu. Biss biss, Il-Qtil fi Sqaq il-Ħorr hi novella dwar il-korruzzjoni fil-pulizija, u dik inkitbet fis-snin 70. Jien naħseb li missieri tant kien iħobb lil Malta qabel kull ħaġa oħra, li s-sens qawwi tiegħu ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin żgur kien iwasslu biex jittratta t-temi ta’ dak li hu ħażin f’daż-żminijiet li qed ngħixu fihom bħalissa: il-korruzzjoni, ir-regħba, il-qerda ambjentali, u t-tifrik tal-valuri (l-ifflertjar mal-abort, mal-ewtansja, l-aċċess għall-ħaxixa...). Ċerti kritiċi – stupidi fil-fehma tiegħi – ta’ missieri kkritikawh talli meta kiber sar “konservattiv”. Ma ntebħux dawn il-flien li missieri kien dejjem ekwilibrat. Kien antiradikali. La kien favur il-konservattiviżmu bigotta ta’ ċerti sostenituri tal-klerikaliżmu, u lanqas ma kien favur il-liberaliżmu xellerat ta’ ċerti sostenituri tar-Rivoluzzjoni tat-68. Kien eleganti mhux biss fl-istil ta’ kitba, imma wkoll fil-valuri. Min ma jifhimx dan fi Frans Sammut, fil-fehma tiegħi, ma jkunx fehem wisq.