ŻfinDays jirritorna fi Frar b’6 shows

ŻfinMalta National Dance Company qed tistieden lill-pubbliku għal ŻfinDays 2024, ċelebrazzjoni taż-żfin kontemporanju; L-avveniment jikkonsisti minn 6 shows li se jsiru fit-Teatru tal-Kampus tal-Belt Valletta

Ix-xahar id-dieħel, ŻfinMalta National Dance Company qed tistieden lill-pubbliku għal ŻfinDays 2024, ċelebrazzjoni taż-żfin kontemporanju. L-avveniment jikkonsisti minn 6 shows li se jsiru fit-Teatru tal-Kampus tal-Belt Valletta, fejn żeffiena mħarrġa se jesegwixxu ‘Cantata’ ta’ Mauro Bigonzetti & ‘Aringa Rossa .10’ ta’ Ambra Senatore. 

'Cantata' hija żifna maħduma minn Mauro Bigonzetti, żeffien u koreografu stmat ħafna mill-Italja. ‘Sei in Movimento’, ix-xogħol tad-debutt tiegħu, intwera fl-1990. Hu ngħaqad m’Aterballetto fl-1997 bħala l-koreografu prinċipali u d-Direttur Artistiku sal-aħħar tal-2007. Bigonzetti ħoloq żifniet għal gruppi madwar id-dinja, bħall-English National Ballet, Stuttgart Ballet, Staatsballet Berlin, Ballet del Teatro Argentino, Ballet du Capitole de Toulouse, u Ballet del Teatro Argentino. ‘Cantata’ hija żifna intuwittiva b’oriġini Mediterrani.  

Din is-sena, il-koreografa Ambra Senatore se terġa’ tingħaqad ma’ ŻfinMalta biex tinterpreta ‘Aringa Rossa .10’. Mill-2016, Senatore serva bħala d-Direttur tan-National Choreographic Center f’Nantes. Simili ta’ Bigonzetti, iż-żfin ta’ Senatore jieħu kwalità drammatika. ‘Aringa Rossa .10’ hija żifna libera b’diversi partijiet li jiċċaqilqu kontinwament bħal magna. Maħluq b’kollaborazzjoni mal-assistent koreografu Vincent Blanc, dan l-adattament ta’ ‘Aringa Rossa.10’ se jipprovdi taħlita interessanti bejn l-individwalità taż-żeffiena u l-koreografija. 

ŻfinDays 2024 huwa appoġġjat mill-Ambaxxata ta’ Franza u l-Istitut Kulturali Taljan tal-Belt Valletta. Id-dati huma s-16, 17, 18, 23, 24, u 25 ta’ Frar; kull show jibda fis-7.30 pm. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-sit https://www.showshappening.com/zfinmalta/zfindays-2024. Kull min jixtieq jista’ jattendi l-Open Rehearsals bla ħlas fl-20 ta’ Jannar (‘Cantata’) u fit-3 ta’ Frar (‘Arringa Rossa’)! 

More in Arti