L-aktar wirja riċenti ta’ G. Luigi Rossi Human(kind) tittratta temi ta’ inġustizzja soċjali

l-wirja ‘Human(kind)’ ta’ G. Luigi Rossi ħa tkun miftuħa ġewwa Spazju Kreattiv sal-11 ta’ Frar. L-artist Ġermaniż, li bħalissa qiegħed jgħix Malta, iħeġġeġ lil dak li jkun biex jikkonfronta d-disparitajiet u l-inġustizzji li għadhom jeżistu fid-dinja

Il-wirja ‘Human(kind)’ ta’ G. Luigi Rossi ħa tkun miftuħa ġewwa Spazju Kreattiv sal-11 ta’ Frar. L-artist Ġermaniż, li bħalissa qiegħed jgħix Malta, iħeġġeġ lil dak li jkun biex jikkonfronta d-disparitajiet u l-inġustizzji li għadhom jeżistu fid-dinja tagħna permezz ta’ din il-ġabra. Flimkien ma’ Rossi, it-tim kreattiv huwa magħmul mill-kuratur Prof. Louis Lagana, kif ukoll il-Kordinatur tal-Proġett Steve Cassar, u l-Admin Support Gabriella Mallia. 

Human(kind) hija esplorazzjoni li tqanqal il-ħsieb tal-kwistjonijiet fundamentali li għandhom impatt fuq is-soċjetà tagħna. Billi jgħaqqad pajsaġġi astratti, kuluri vivaċi, u simboli, Rossi jagħti lill-ispettaturi perspettiva unika tal-inġustizzja soċjali, il-vjolenza, kif ukoll l-interazzjoni prekarja bejn il-bniedem u l-ambjent. Is-simboliżmu jesplora l-fond tal-kundizzjoni umana u l-kumplikazzjonijiet tal-konnessjonijiet li nibnu ma’ xulxin, li jgħinuna nifhmu aħjar id-dinja li ngħixu fiha. 

Ix-xogħlijiet ta’ Rossi huma tfakkira qawwija tal-valur tal-kompassjoni, l-empatija, u l-isforz kollettiv għall-bini ta’ soċjetà aktar ġusta. Waħda mit-temi ewlenin ta’ Human(kind) hija r-relazzjoni kumplessa li teżisti bejn il-bnedmin u d-dinja naturali. Billi jpinġi l-effetti katastrofiċi tal-isfruttament uman tad-dinja, Rossi jistieden lil dawk li se jaraw il-wirja biex jikkunsidraw il-ħtieġa urġenti għal prattiki sostenibbli u rispett akbar għan-natura. Minkejja dan, ix-xogħlijiet ta’ Rossi huma xorta waħda vibranti u mlewna, anke meta jittrattaw suġġetti serji. Il-paletta ta’ kuluri vivaċi u x-xbihat liriċi tiegħu jipprovdu ħarsa lejn dinja perfetta fejn il-paċi, il-kuntentizza u s-sbuħija huma n-norma. 

Human(kind) se tibqa’ miftuħa fis-Sala Prinċipali ta’ Spazju Kreattiv, il-Belt, sal-11 ta’ Frar. Il-viżitaturi jistgħu jattendu fil-ħinijiet regolari tal-ftuħ ta’ Spazju Kreattiv, mingħajr ħlas. Fl-10 ta’ Frar, se jkun hemm mawra kuratorjali f’12 pm, li toffri ħarsa aktar profonda tal-ideat, stejjer, u proċessi kreattivi tal-wirja. Biex tirreġistra għaliha, żur is-sit https://kreattivita.org/en/event/humankind/#event. 

More in Arti