Min ma jsumx lejlet il-Milied, imut bħall-klieb

Fl-aħħar reċensjoni festiva tagħha, Elena Cardona tesplora t-tradizzjonijiet marbuta mal-Milied Malti permezz ta’ Drawwiet tal-Milied Maltin (Merlin Publishers, 2021), editjat minn Trevor Żahra. 

Dawn l-aħħar ġranet waqt li kont qiegħda nqalleb minn stazzjon tat-televixin għall-ieħor, nilmaħ lil Trevor Żahra jitkellem dwar il-Milied Malti u d-drawwiet marbuta ma’ dan iż-żmien. Żahra jistqarr li parti kbira mid-drawwiet li nħaddnu mhumiex purament Maltin għax dawn writniehom ħafna drabi mid-diversi eri kolonjali. Imma meta dawn jibdew jiġu pprattikati jsiru tagħna wkoll. L-agħar ħaġa, jisħaq Żahra, hu meta aħna nwarrbu dak li għandna biex nagħmlu spazju għal tradizzjonijiet oħra. Dan qatt m’għandu jsir għax it-tradizzjonijiet tal-post jistgħu jgħixu flimkien ma’ dawk ġodda mingħajr ma jkunu ta’ detriment għal xulxin. 

Żahra kien qiegħed jiġi intervistat fuq it-televixin dwar il-ktieb Drawwiet tal-Milied Maltin. Peress li l-intervista interessatni, iddeċidejt li f’din l-aħħar reċensjoni fis-sensiela ta’ kotba dwar il-Milied nagħżel propju dan il-ktieb. Drawwiet tal-Milied Maltin ġie ppubblikat fl-2021 u stampat mill-ġdid fl-2023 minn Merlin. Hemm ħafna xi tgħid għalfejn dan il-ktieb hu prezzjuż imma se nibda l-ewwel mill-format tiegħu. Apparti mill-qoxra iebsa li għandu u li jkun rigal mill-isbaħ f’dawn iż-żminijiet, Drawwiet tal-Milied Maltin hu ktieb ta’ kollezzjoni speċjalment għal min għandu għal qalbu r-riċerka.

Meta saqsejt lil Żahra għaliex daħal għal din il-biċċa xogħol ta’ editur dwar ktieb tal-Milied hu dlonk wieġeb: ‘Deherli li ma kienx hawn ktieb aċċessibbli għall-poplu, li jkollu bażi ta' riċerka akkademika imma li jkun b’lingwaġġ li jikkomunika ma’ kulħadd. Illum hawn ukoll tendenza li l-Maltin aktar ikunu jafu fuq drawwiet barranin milli dawk ta’ pajjiżhom’. Dan huwa minnu għax l-uniċi kotba li nsibu dwar il-Milied huma aktarx immirati għat-tfal, bħall-ktieb ta’ Żahra stess Ħolm tal-Milied (Merlin Publishers, 1987), li din is-sena ġie adattat minn Żfin Malta bħala produzzjoni taż-żfin għal żmien il-Milied. Ta’ min jgħid li x-xogħol ta’ editur mhuwiex bħal dak ta’ awtur, minkejja li l-editur xorta jista’ jikteb xi artikli li jkunu jidhru f’dik l-edizzjoni. Nazzarda ngħid li xogħol l-editur huwa iktar diffiċli u metikoluż għax irid jara kif artikli miktuba minn awturi differenti li jiddiskutu aspetti diversi jintrabtu ma’ tema/i partikolari. 

Ix-xogħol ta’ editur Żahra jagħmlu b’mod mill-aqwa. Jirnexxilu, flimkien ma’ ħames awturi oħra, joħloq ktieb li jittratta l-qwiel, l-ikel u l-mużika tal-Milied. Hemm ukoll kitbiet dwar il-purċissjoni tal-Bambin, il-prietka tat-tifel, il-mużew tal-Bambini, l-eqdem presepju f’Malta u l-pantomima. Kif jgħid l-editur stess, il-qofol tal-Milied hu t-twelid ta’ Ġesù. Għalhekk huwa essenzjali li l-Milied jintrabat ma’ sfond Kristjan: sempliċi, ’il bogħod mill-materjaliżmu u msejjes fuq il-ħbiberija, l-għaqda u l-ferħ. Żewġ tradizzjonijiet li huma awtentiċi għall-gżejjer Maltin u marbuta mat-twelid ta’ Ġesù huma l-prietka tat-tifel u l-purċissjoni tal-Bambin. Minn dak li tgħidilna r-riċerka, l-ewwel prietka tal-Milied kienet saret mit-tifel Ġorġ Sapiano fl-1884 ġewwa Ħal Luqa.

Hemm dokumentat li fl-1896 saret waħda ġewwa l-Furjana minn Ġużeppi Carabez u fl-1901 minn Vincenzo Galea ġewwa l-Furjana wkoll. Fatt interessanti li ġewwa Għawdex il-prietka bdiet issir wara t-Tieni Gwerra minn xi Maltin li sabu refuġju f’Għawdex. Illum qegħdin ukoll naraw lill-bniet jagħmlu din il-prietka. Min-naħa l-oħra, id-dimostrazzjoni tal-Bambin taf il-bidu tagħha lil San Ġorġ Preca, li saret f’lejlet il-Milied tal-1921. Peress li s-soċji tal-mużew ma sabux jixtru Bambin imdaqqas, spiċċaw issellfu wieħed mingħand il-patrijiet Franġiskani tal-Belt. In-nies ġew bi ħġarhom għal din il-purċissjoni bil-fanali jkantaw innijiet tal-Milied, fosthom ‘Ninni La Tibkix Iżjed’. Ta’ min jgħid li din l-għanja nkitbet mill-patri Ġiżwita Indrì Schembri fl-1864 biex titkanta mill-emigranti Maltin fl-Afrika ta’ Fuq. 

Xi ħaġa li għaddiet minn bidla radikali hi l-ikel marbut mal-Milied. Żgur u mhux forsi li sa ħamsin sena ilu ma kienx hawn l-użanza li tmur tiekol qabel il-quddies ta’ nofsillejl imbagħad dritt wara l-quddiesa tmur tieħu dak il-famuż ‘Christmas Early Breakfast’. Tant li l-Milied ma kienx marbut mal-konsum ta’ ikel eċċessiv, li nsibu dawn il-qwiel: “Il-Milied iġib il-ħelu” u “Min ma jsumx lejlet il-Milied, imut bħall-klieb”. L-ewwel qawl jurina kemm il-ħelu ma kienx jiġi kkunsmat matul is-sena kollha għalhekk in-nies kienu jkunu ħerqana biex jieklu ħlewwiet tradizzjonali tal-istaġun. Min-naħa l-oħra, it-tieni qawl jurina li f’lejlet il-Milied kulħadd kien mistenni jsum.

Jackie Mercieca tikteb li l-Inkwiżizzjoni kienet tieħu passi kontra dawk li ma jsumux. Il-ġranet tas-sawm kienu ‘it-tlitt ijiem tal-Erbat Iżmna (li jiġu bejn l-aħħar żewġt iħdud tal-Avvent), u lejliet il-festi, inkluż lejlet il-Milied’. Illum l-ikliet tal-Milied tagħna jixbhu lil dawk Ingliżi, li jinkludu d-dundjan, Christmas log, mince pies u trifle. Sa qabel is-seklu sbatax, kienu biss in-nobbli li kienu jieklu l-laħam fil-Milied speċjalment il-majjal. L-ikla tal-Milied tal-bqija kienet waħda sempliċi magħmula mill-ħaxix, ħobż u frott. Mis-seklu tmintax ’il quddiem, l-ikla tal-Milied kienet tiddependi minn dak li wieħed kien ikabbar bħal fniek, gidien, ħrief, tiġieġ jew xi majjal. It-timpana jew l-imqarrun il-forn, flimkien mal-qagħaq tal-għasel, l-imqaret u l-ixkumvat, kont issibhom fuq il-mejda waqt l-ikla tal-Milied. L-imbuljuta, xarba sħuna magħmula minn qastan niexef imsajjar fil-kokotina, bil-qxur tal-madolin u l-larinġ, zokkor, imsiemer tal-qronfol u kannella, hija tipikament Maltija. 

Waqt li nawguralkom Milied hieni, agħmlu l-parti tagħkom biex il-Milied Malti jibqa’ jiġġedded ħalli jgħaddi lill-ġenerazzjonijiet futuri. 

More in Arti