IL-“BLAXPLOITATION” CINEMA

Fil-bidu tas-snin sebgħin inħoloq ġeneru ġdid ta’ films li kellu suċċess kbir fl-Istati Uniti u anki madwar id-dinja. Infatti, nistgħu ngħidu li dan kien sottoġeneru ta’ films ta’ azzjoni b’atturi Amerikani/Afrikani (suwed) u intenzjonat għal udjenzi suwed, imma ġara li anki l-pubbliku ta’ ġilda kulur ieħor, speċjalment il-bojod, irrikorrew għalih bi ħġarhom

(mix-xellug) Pam Grier, Jim Brown, Fred Williamson
(mix-xellug) Pam Grier, Jim Brown, Fred Williamson

Fil-bidu tas-snin sebgħin inħoloq ġeneru ġdid ta’ films li kellu suċċess kbir fl-Istati Uniti u anki madwar id-dinja. Infatti, nistgħu ngħidu li dan kien sottoġeneru ta’ films ta’ azzjoni b’atturi Amerikani/Afrikani (suwed) u intenzjonat għal udjenzi suwed, imma ġara li anki l-pubbliku ta’ ġilda kulur ieħor, speċjalment il-bojod, irrikorrew għalih bi ħġarhom. Il-Kap tal-Los Angeles National Association għall-avvanz ta’ nies suwed, Julius Griffith, li qabel kien pubbliċist tal-films, laqqam dawn ix-xogħlijiet “blaxploitation” – kelma magħmula minn żewġ kelmiet, “black” (iswed) u “exploitation” (sfruttar). Ħafna minn dawn il-produzzjonijiet kellhom mużika funk jew soul u l-maġġoranza l-kbira tal-atturi kienu suwed. 

Minkejja li dawn ix-xogħlijiet bdew jissejħu b’dan l-isem mill-1971 ’l quddiem, fl-1970 ħarġu tliet films li jiffittjaw sewwa ma’ dan is-sottoġeneru ġdid. Dawn kienu The Black Angels dwar gang ta’ suwed isuqu l-muturi, film li mexa mal-moda ta’ ruxxmata li ħarġu xi ftit snin qabel, fejn xi sewwieqa jkunu wkoll kriminali; They Call Me Mr. Tibbs, bl-attur Sidney Poitier bħala ditektiv iswed li ma jittollerax ksuħat minn ħadd, u Cotton Comes To Harlem, dwar żewġ investigaturi ta’ New York Police Department, naturalment suwed, li jfittxu xi flus moħbijin f’qatet ta’ qoton misruqa minn reverendu korrott. 

Dak li oriġina dan il-ġeneru kien id-Direttur Melvin Van Peebles bil-film tiegħu Sweet Sweetback’s Badasssss Song, li wkoll ipproduċa. Kiteb u ħadem fih. Dawk li ġew wara kienu produzzjonijiet anqas serji, aktar divertenti, mimlija azzjoni u sikwit prodotti mill-istudjos il-kbar ta’ Hollywood, jew mill-esperti, li jafu kif jisfruttaw, tal-kumpanija American International Pictures (A.I.P.). 

L-aktar films li għamlu suċċess kienu dawk bl-attur Richard Roundtree (li miet m’ilux) bħala Shaft, Ron O’Neal bħala Superfly, Tamara Dobson bħala Cleopatra Jones u Jim Brown bħala Slaughter. Infatti Jim Brown (li wkoll miet ftit xhur ilu), li kien plejer famuż tal-American Football, kien diġà għamel isem qabel ġo xogħlijiet b’atturi bojod bħal Rio Conchos (1964), The Dirty Dozen (1967), Dark Of The Sun (1968) (U.K. The Mercenaries), The Split (1968), Ice Station Zebra (1968), Riot (1969), 100 Rifles (1969) u oħrajn. Atturi oħrajn li spikkaw kienu Fred Williamson u Pam Grier, verament ir-reġina ta’ dawn il-films. Wieħed li pprovda ħafna mużika lil dan il-ġeneru kien Isaac Hayes, li kiteb it-tema ta’ Shaft, il-film li tassew beda kollox u għamel suċċess kbir. 

Il-“blaxploitation” kien jinkludi wkoll films tal-biża’ fosthom Blacula (1972) (black Dracula) u s-sequel Scream Blacula Scream (1973) u Zoltan, Hound Of Dracula (1978), eċċ. u kien ukoll issatirizzat fil-film I’m Gonna Git You, Sucka tal-1988, miktub u dirett minn Keenan Ivory Wayans. 

Ħafna mill-atturi ta’ dan il-ġeneru tas-snin sebgħin – il-perjodu veru tal-“blaxploitation” – reġgħu dehru flimkien f’Original Gangsta (1996). Fis-snin disgħin wasal iċ-ċiklu ta’ films dwar id-diffikultà li wieħed jgħix fil-qalba ta’ bliet, ħafna drabi b’atturi tal-mużika rap, fosthom Ice-Tea u Tupac Shakur, li kienu jinkludu Boyz In The Hood (1991), New Jack City (1991) dirett minn Mario Van Peebles, it-tifel ta’ Melvin Van Peebles, Juice (1992) u Menace II Society (1993). Dawn il-films ġew mgħoddija passata ġo Fear Of The Black Hat (1993) u Don’t Be A Menace To South Central While Drinking Your Juice In The Hood (1996).  

F’nofs is-snin disgħin, is-suċċess ta’ Waiting To Exhale (1995) dirett minn Forest Whitaker (ukoll attur) minn novella ta’ Tony McMillan, ta lill-produtturi mira ġdida li jimmiraw għaliha n-nisa suwed. Id-drammi urbani tas-snin bikrin tad-disgħinijiet ġew wara mibdula minn nostalġija, romantiċiżmu u valuri tal-klassi medja f’The Wood (1999) u The Best Man (1999). Kummiedji li jserrħu l-moħħ mill-klassi tal-ħaddiema rajniehom f’Car Wash (1976), ambjentat f’post fejn jaħslu l-karozzi u fit-tliet films Barbershop bl-attur Ice Cube li f’dan il-perjodu kien l-aktar attur iswed popolari fl-Amerika u li l-films tiegħu dejjem marru tajjeb. Fl-2016 ħareġ Straight Outta Compton, produzzjoni superjuri li tirrakkonta l-qawmien tal-mużika rap. 

Min irid ikun jaf aktar fuq dawn il-kwalità ta’ produzzjonijiet għandu jfittex il-ktieb ippubblikat fl-1995 That’s Blaxploitation! Roots of the Badassss ‘Tude ta’ Darius James. 

 

 

More in Arti