Id-Djarju t’Anne Frank bil-Malti

Patrick J. Sammut jaqra wieħed mill-aktar djarji kommoventi fil-Letteratura Dinjija bi lsien artna permezz tat-traduzzjoni ta’ Mary Rose Mifsud. Anne Frank: Id-Djarju ta’ Tfajla (Faraxa Publishing, 2021) rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2022 għall-kategorija tat-Traduzzjoni

Il-letteratura tal-Olokawst illum hija ġeneru letterarju għalih li spiss ġie tradott għall-qasam ċinematografiku wkoll. Illum saħansitra għandna traduzzjonijiet fil-Malti bħal It-Tifel bil-Piġama Rrigata ta’ John Boyne (tradott minn Tony C. Aquilina) jew Il-Lejl ta’ Elie Wiesel (tradott minn Patri Reno Muscat OP). Id-Djarju ta’ Tfajla (Faraxa Publishing, 2021) ta’ Anne Frank, tradott minn Mary Rose Mifsud, huwa ktieb ta’ ftit inqas minn 500 paġna. Huwa ssottotitolat “Edizzjoni Definittiva” ladarba t-traduttriċi ma qalbitx biss dan ix-xogħol ta’ Anne Frank għall-ilsien Malti imma saħansitra annotatu b’mod dettaljat ħafna.  

Dan ta’ Anne Frank inqaleb f’xi 70 ilsien differenti. Hawn Malta, Anne Frank ġiet imfakkra fil-Berġa ta’ Kastilja fil-bidu tal-2011 b’wirja intitolata “Wirja Anne Frank: Ġrajja għal Żminijietna”. Kienet proprju din l-okkażjoni li nebbħet lil Mifsud biex tibda taħdem fuq-it-traduzzjoni u l-annotazzjoni ta’ dan il-ktieb. 

Anne Frank twieldet fil-belt ta’ Frankfurt, fil-Ġermanja fit-12 ta’ Ġunju 1929, u mietet fil-kamp tal-konċentrament ta’ Bergen-Belsen fi Frar tal-1945 minħabba t-tifu. Hija żammet djarju mit-12 ta’ Ġunju 1942 sal-1 ta’ Awwissu 1944, meta kellha bejn 13 u 15-il sena. Kien missierha, Otto Frank, l-uniku sopravissut fost it-tmien persuni li għexu mistoħbija fl-Alloġġ sigriet fl-Olanda, li għadda ħajtu jaqsam il-messaġġ tad-djarju ta’ bintu mal-popli kollha tad-dinja. Huwa interessanti l-kliem li Anne tiftaħ bih dan id-djarju, li hija ttih l-isem ta’ Kitty daqslikieku kien bniedem, fejn tiddikjara mill-bidu l-intenzjonijiet tagħha: “Nittama li se nkun nista’ nafda fik għalkollox, kif qatt ma stajt nafda f’ħadd qabel, u nispera li se tkun fonti kbira ta’ faraġ u t’appoġġ.”  

Minkejja li kienu żminijiet diffiċli tassew, Anne ma naqsitx milli ssemmi wkoll il-ħwejjeġ pożittivi. Kienet bniedma li minkejja l-ħabs li kienet fih, kienet xorta waħda taqra ħafna u żżomm ruħha aġġornata dwar dak li kien qed jiġri fl-Ewropa  u lil hinn. Hekk fid-Djarju ssemmi l-wasla tal-Ġermaniżi fl-Olanda u l-bidu tal-inkwiet għal-Lhud bl-introduzzjoni tas-serje ta’ digrieti kontrihom. Kien hawn meta missierha ddeċieda li l-familja Frank għandha “[t]isparixx[i] mix-xena”.  

Il-qarrej iħoss bil-mod il-mod li l-kruha tar-realtà li qed isseħħ barra l-Alloġġ donnha qed toqrob u tinħass dejjem iktar. Hekk tikteb Anne jum minnhom: “Nara lilna t-tmienja tal-Alloġġ, qisna roqgħa sema blu mdawra u mhedda mis-sħab iswed. Ir-roqgħa tonda perfetta li qegħdin fuqha għadha toffri sigurtà, imma s-sħab riesaq għal fuqna, u ċ-ċirku ta’ bejnna u l-periklu qiegħed kulma jmur jidjieq.”  

Ma jonqsux partijiet riflessivi u profondi fid-Djarju, bħal meta tikteb dwar dak li hu Tajjeb, Għażiż u Sabiħ. Il-gwerra mhix biss dik li għaddejja barra bejn in-Nażisti u l-Alleati, imma anki dik ġewwiena, f’qalb u moħħ Anne Frank. Tikteb saħansitra dwar id-diġenerazzjoni soċjali fl-Olanda minħabba l-gwerra, il-bżonn li l-mara u r-raġel ikunu ugwali anki fil-gwerra, il-vantaġġi u t-tajjeb ta’ min hu reliġjuż, u s-solitudni u ż-żgħażagħ. 

Bħala karattru Anne Frank kienet bniedma li għaliha l-memorji jfissru wisq iżjed mill-ilbiesi. Fl-Alloġġ kienet taqra bosta kotba li l-ħbieb affidabbli kienu jġibulha mil-librerija pubblika. Tammetti li l-passatempi tagħha huma: il-kitba, l-arbli tar-razza, l-istorja, il-mitoloġija Griega u Rumana, l-artisti tal-films, u r-ritratti tal-familja. Tammetti wkoll li l-membri tal-Alloġġ kważi nsew kif jidħku u li hija ta’ kuljum tieħu l-valerjana kontra d-dipressjoni u l-ansjetà. Spiss Anne kienet ukoll tinħakem minn sens ta’ ħtija: “Nista’ biss nibqa’ nħares waqt li nies oħra jsofru u jmutu ... Mela għaliex jien intgħażilt biex nibqa’ ħajja waqt li probabbilment hi se tmut?” Hekk Anne terġa’ ttenni: “il-kitba tellgħetni mill-‘abbissi tad-disperazzjoni’”; mela l-kitba tad-Djarju tqisha bħala duwa. Taf ukoll li permezz tal-kitba tad-djarju hi se tibqa’ tgħix wara mewtha.  

Hemm ukoll il-waqtiet ta’ awtoriflessjoni: “Jien l-aħjar kritiku tiegħi nnifsi u l-iżjed wieħed aħrax. Naf x’inhu tajjeb u x’mhux.” F’din l-awtoanaliżi tagħha Anne kienet taf li hemm tnejn minnha: l-Anne ta’ barra, mela dik ċajtiera, u l-Anne ta’ ġewwa, mela dik profonda u riflessiva. 

Stilistikament jinħass fid-deskrizzjoni tat-teħid u t-trattament tal-Lhud min-Nażisti li hemm ħafna mill-Infern Dantesk, mela saħansitra partijiet li jġegħluk bħala qarrej tħoss il-bard u swied il-qalb kbir. Minkejja s-sitwazzjoni drammatika li l-membri moħbijin fl-Alloġġ jgħixu fiha, Anne tinkludi wkoll deskrizzjonijiet ta’ waqtiet komiċi biex bħal tpatti għat-tensjoni li drabi taf tintlaħaq. Mil-lat tat-traduttriċi, ma jonqosx li, fejn ikun hemm bżonn, tuża Malti idjomatiku tajjeb biex twassal sewwa l-ħsibijiet ta’ Anne. Drabi oħra Anne tikteb sensiela ta’ mistoqsijiet rettoriċi dwar l-għaliex tal-gwerra.  

B’xi mod dan id-djarju jista’ jissejjaħ ukoll rakkont ta’ maturazzjoni ta’ din it-tifla li f’temp ta’ sentejn l-ambjent u dak li kien qed iseħħ madwarha bidluha mil-lejl għan-nhar: “Inħares lura lejn dik l-Anne Frank, u nara tfajla gustuża u divertenti imma superfiċjali, li m’għandha xejn x’taqsam miegħi.” Hija wkoll bniedma li baqgħet tittama minkejja ċ-ċirkostanzi koroh. 

Il-kitba tad-Djarju sservi fuq kollox bħala mod kif jinżamm l-ordni fuq il-kaos u l-ġenn dejjem jiżdiedu madwar Anne, kemm fl-Alloġġ sigriet kif ukoll lil hinn. Ironikament id-Djarju jintemm meta Anne tibda tħossha iktar ottimista u tħares lejn il-possibbiltà ta’ ġejjieni għaliha. 

Inħoss li x-xogħol li għamlet Mifsud bħala traduttriċi huwa eċċellenti ladarba wasslitilna bi lsien art twelidna t-tiġrib varjat li minnu għaddew kemm Anne kif ukoll dawk li kienu mistoħbijin magħha għal perjodu twil ta’ żmien. Li taqra ktieb bħal dan huwa verament esperjenza unika, esperjenza li t-traduttriċi tkompli tgħinek tidħol aktar ’il ġewwa fiha permezz tan-noti dettaljati u tar-ritratti li hemm inklużi f’dan il-ktieb, parti mis-serje Traduzzjonijiet Faraxa. 

More in Arti