Hemm x’rajt?

Noel Tanti jimraħ fid-dinja spettrali tal-apparizzjonijiet sopranaturali permezz ta’ Fatati u Iħirsa ta’ Malta ta’ Joe Attard 

Il-fatati nsibuhom fil-folklor u fil-leġġendi ta’ prattikament il-pajjiżi kollha tad-dinja. Minkejja li ħafna jarawhom bħala ċuċati għal dawk li jibilgħu kollox, jew stejjer biex tbeżża’ lit-tfal bihom, il-fatati ssibhom fil-letteratura, fiċ-ċinema u fl-arti ta’ bosta kulturi, b’ċertu xogħlijiet, bħal ngħidu aħna n-novelli ta’ M. R. James, William Hope Hodgson u Walter de la Mare, li huma meqjusin klassiċi tal-ġeneru tagħhom. 

Il-fatati ilhom magħna żmien twil. Waħda mill-iktar referenzi bikrin li għandna nsibuha f’testi tal-Mesopotamja li jiddeskrivu spirti ta’ nies li f’ħajjithom ma sabux paċi. Il-Griegi antiki kellhom l-istejjer tagħhom ukoll. Pereżempju fl-Odissea ta’ Omeru, Ulisse jżur lill-preżenza eterjali ta’ Tiresias u Akille fid-dinja tal-mejtin. Min-naħa tagħhom, ir-Rumani kienu jemmnu fil-Lares, spirti li jipproteġu d-djar, u fil-Lemures, spirti malefiċi li jġibu magħhom is-saħta. 

Kulturi Asjatiċi u Afrikani wkoll għandhom l-istejjer tagħhom dwar spirti twajba jew itturmentati li qed ifittxu serħan fid-dinja tal-ħajjin minħabba xewqat u sitwazzjonijiet li baqgħu rriżolti wara l-mewt tagħhom. Din il-possibbiltà li jkun hemm xi tip ta’ komunikazzjoni bejn il-ħajjin u l-mejtin hija infatti waħda mill-fatturi li jsaħħu t-twemmin fil-fatati. 

Fatati u Iħirsa ta’ Malta ta’ Joseph Attard (BDL Publishing, 2023), jiġbor fih rakkonti ta’ nies li ltaqgħu ma’ entitajiet spettrali li nqabdu fi spazju bejn id-dinja tal-ħajjin u dik tal-mejtin. Dan ix-xogħol huwa traduzzjoni mill-awtur innifsu tal-ktieb tiegħu The Ghosts of Malta li kien stampat fl-1983. 

Ta’ min jgħid li Attard jemmen fl-eżistenza tal-fatati u tal-iħirsa. Din jistqarrha kemm-il darba tul il-ktieb, speċjalment fil-bidu, meta jiddiskuti kif maż-żmien il-manifestazzjonijiet ta’ dawn ‘il-fenomeni psikiċi’ (kliem l-awtur) naqsu. Skont hu, ir-raġuni prinċipali hija li l-ispettri ma jimxux id f’id mal-eżiġenzi kulturali tal-mument u allura jista’ jkun li minħabba d-dinja kif inhi, qed nagħtuhom daharna. Attard jipproponi wkoll in-nuqqas ta’ Extra Sensory Perception (ESP) fil-bnedmin kontemporanji, x’aktarx minħabba t-tip ta’ ħajja ultra sekulari li ngħixu fiha, li ċċaħħadna milli niżviluppaw il-fakultajiet neċessarji sabiex ikollna aċċess għal dinja lil hinn minn tagħna. 

Sibt interessanti ħafna l-użu tal-kunċett ta’ ‘għajnejn li jaraw’, sineddoke li tirreferi għal nies li għandhom il-ħila jaraw jew iħossu l-manifestazzjonijiet tal-fatati u tal-iħirsa. Hawnhekk l-għajnejn mhumiex biss organi tal-ġisem li jaqdu funzjoni speċifika – l-ipproċessar tal-informazzjoni viżiva - imma huma l-ewwel u qabel kollox strumenti mogħnija minn għarfien li bih jaċċedu l-isfera immaġinali tar-realtà ta’ madwarna. 

(B’immaġinali nifhem il-ħila li tmur lil hinn minn dak li għandek quddiem għajnejk. Pereżempju, tagħraf simultanjament li l-Pietà ta’ Michelangelo hija kemm biċċa rħama u kemm opra tal-arti. Il-punt tat-tluq jibqa’ r-realtà – l-irħama – iżda l-mod kif l-iskultur ħadimha u l-modi kif l-ispettaturi jħarsu lejha, jiftħu bibien imaġinattivi alternattivi li jarrikkixxu l-esperjenza.) 

Il-fatati fl-istejjer li ġabar Attard nistgħu nesperjenzawhom b’dan il-mod. Huma vera u mhumiex, affarijiet li ġraw imma mhux forsi bil-mod eżatt kif jiddeskrivihom hu; forsi wkoll lanqas ma ġraw lin-nies imsemmija f’dawn ir-rakkonti. Pereżempju, hemm żewġ stejjer simili ta’ xulxin fil-kapitlu ‘Bini b’iħirsa u fatati – prova għall-konvinzjoni’ dwar irġiel li jgħinu mara/nisa jidħlu lura f’darhom wara li jkunu ssakkru barra. L-irġiel jaraw dar sabiħa, imżejna bil-fjuri u bl-irħam. Joqogħdu għal bibita u sigarett iżda wara li jitilqu jindunaw li nsew il-kartiera tas-sigaretti warajhom. Meta jmorru għaliha l-għada, isibu din l-istess dar fi stat ta’ żdingar u abbandun, se taqa’ u ma taqax, imma bla dubju l-istess abitazzjoni għax fiha hemm il-kartiera tas-sigaretti tagħhom. 

Jiena kont diġà smajt verżjoni oħra ta’ din l-istorja u l-iktar ħaġa li laqtitini kienet li d-dar kien jisimha ‘Omni Somnia’, li tfisser ‘Kollox huwa ħolma’. Fi storja minnhom t’Attard din ma tissemmiex filwaqt li fl-oħra hemm arkata bl-iskrizzjoni. Il-ħolm jinsab fl-istess stat liminali ta’ dawn l-istejjer, jiżfen bejn l-immaġinazzjoni u r-realtà. Id-dinja tal-ħolm tisparixxi hekk kif niftħu għajnejna imma l-emozzjonijiet li nkunu ħassejna waqt li konna qed noħolmu jibqgħu magħna, reali daqslikieku tqanqlu minn ġrajjiet reali. U nafu li l-ħolm jista’ jkollu riperkussjonijiet notevoli. Biss biss, Mary Shelley ġietha l-idea għar-rumanz tagħha Frankenstein f’ħolma; l-istess Samuel Taylor Coleridge meta kiteb il-poeżija ‘Kubla Khan’. Fl-ambitu tax-xjenza, Niels Bohr fassal l-istruttura tal-atomu, u Albert Einstein ħema t-teorija tar-relattività, wara ħolma li kellhom. 

‘Omni Somnia’ tirreferi wkoll għal-logħba ta’ bejn il-passat u l-preżent li hija fundamentali meta qed titkellem dwar il-fenomenu tal-fatati. Bosta drabi l-fatati huma eku ta’ xi ħaġa li ġrat fil-passat, li baqgħet tirbombja matul iż-żminijiet. L-iktar li hi evidenti hija f’dawk il-każijiet fejn ruħ ma jirnexxiliex issib paċi fil-mewt minħabba xi ħaġa li baqgħet irriżolta. Attard jagħti ħafna eżempji ta’ dan, bħalL-każijiet ta’ diversi persuni li meta kienu ħajjin wegħduhom quddisiet b’sufraġju għal ruħhom li qatt ma saru. 

Fatati u iħirsa ta’ Malta huwa ktieb interessanti li jagħti sfond dettaljat ta’ dan il-fenomenu f’pajjiżna. Attard isemmi ħafna mis-sorsi tiegħu u dan jikkontribwixxi mhux ftit biex ir-rakkonti jinħassu iktar kredibbli. Sfortunatament, hemm xi kapitli li huma miżgħuda bi żbalji ortografiċi li jaf itellfu xi ftit l-andament tal-qari. Iżda kollox ma’ kollox, dan huwa qari essenzjali għal dawk li għandhom għal qalbhom is-sopranaturali. 

Nixtiequ ninfurmaw lill-qarrejja li din kienet l-aħħar reċensjoni ta’ Noel Tanti. Il-KNK jirringrazzja lil Noel tal-kontribut tiegħu tul din l-aħħar sena ta’ reċensjonijiet letterarji.  

More in Arti