Id-diska nostalġika taż-żgħożija

Patrick J. Sammut jaqbad bestseller Ġappuniż maqlub għall-Malti minn Charles Flores: Norwegian Wood (Horizons, 2023) ta’ Haruki Murakami 

Norwegian Wood ta’ Haruki Murakami huwa rumanz li oriġinarjament ġie ppubblikat fl-1987. Il-verżjoni bil-Malti ppubblikata minn Horizons (2023), li ħadem fuqha Charles Flores, tifrex fuq 363 paġna, u r-rakkont jinqasam fi ħdax-il kapitlu. Norwegian Wood hu rumanz dwar iż-żgħożija, bil-waqtiet sbieħ u koroh tagħha. In-narrazzjoni hija fl-ewwel persuna singular u n-narratur huwa awtodijeġetiku u protagonista tan-narrazzjoni. Jismu Noru Watanabi u fil-preżent, mela fil-waqt meta qed jikteb, għandu 37 sena. Li qed jagħmel huwa li jiftakar ġrajjiet li seħħew meta huwa kellu madwar 20 sena; in-narratur stess jammetti li qed jikteb biex jifhem: “Anki llum, għoxrin sena wara, m’iniex ċert.” 

Minn diska nostalġika tal-Beatles ngħaddu għal storja ta’ mħabba bejn tnejn f’wied imbiegħed, għall-kitba ta’ rumanz tal-memorja biex tinżamm wegħda li ngħatat tant snin qabel. Tinħass sa mill-ewwel kapitlu poetiċità qawwija fil-proża ta’ Murakami, poetiċità li Flores jirnexxilu jgħaddilna anki permezz tal-ilsien Malti. In-narratur jirnexxilu jara l-poetiku u s-sabiħ anki fi ħlejjaq minuskoli bħalma hu musbieħ il-lejl. Il-poetiċità tixref ukoll meta s-sentenzi tal-ittra ta’ Naoko, maħbuba tan-narratur, u t-toroq ta’ Tokyo bħal jitwaħħdu flimkien f’moħħ in-narratur.  

Ir-rumanz jieħu l-għamla ta’ flashback twila li toħodna 18-il sena qabel, waqt sentejn li n-narratur protagonist qatta’ f’dormitorju f’Tokyo, eżattament bejn l-1968 u l-1970. Huwa ż-żmien tal-istrajkijiet tal-istudenti universitarji, żmien meta ż-żgħażagħ jinħakmu minn vojt eżistenzjali, imma anki meta żgħażagħ bħan-narratur u t-tfajliet ħbieb tiegħu jitkellmu b’mod liberu dwar kollox, inkluż is-sess, bla inibizzjonijiet ta’ xejn.  

Hemm partijiet deskrittivi imma anki riflessivi ladarba Murakami jirrifletti dwar ċerti tradizzjonijiet Ġappuniżi. Bħala traduttur, Flores iħaddem l-ilsien Malti bil-flessibilità kollha tiegħu, fis-sens li l-Malti tiegħu hu magħmul mit-tliet elementi ewlenin li jikkostitwixxu lsienna: il-Malti Semitiku (mill-Għarbi), dak Rumanz (mit-Taljan) u dak Anglo-Sassonu (mill-Ingliż). F’ċerti każi Flores ħalla l-kelma bl-Ingliż, bħal pereżempju “grapefruit”, “groin” u “seagull”, għalkemm wieħed jista’ma jaqbilx ma’ din l-għażla ladarba hemm l-ekwivalenti bil-Malti. Fid-deskrizzjonijiet tiegħu - anki ta’ spazji magħluqin u miftuħin - Murakami jagħti attenzjoni lill-iċken dettalji. Huwa spiss l-appell għas-sensi – bħal dak viżiv, olfattiv jew udittiv – li żgur jgħin biex id-deskrizzjonijiet ikunu iktar ħajja f’rabta mad-drawwiet, il-ħajja u l-ambjentazzjoni Ġappuniżi tas-snin sittin. Hawn taħkem il-kelma u għalhekk ir-ritmu narrattiv jimxi kajman. 

Hemm ukoll flashback fi flashback, ladarba n-narratur imur iktar lura fiż-żmien biex jirrakkonta l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Naoko, personaġġ importanti fir-rumanz. Hawn naqraw dwar il-mixjiet twal li n-narratur u din it-tfajla kienu jagħmlu bħala “ritwal reliġjuż maħsub biex idewwi l-erwieħ imweġġgħa.” Dan kollu jseħħ fl-isfond ta’ mixjet l-istaġuni naturali, u dan ifakkar kemm hi qawwija r-rabta bejn ir-ritmu tal-ħajja tal-bniedem u r-ritmi tan-natura. B’xi mod dan jintrabat ukoll mal-kuntrast bejn is-skiet fid-dormitorju wara li l-istudenti jitilqu lura lejn djarhom matul il-btala tas-sajf, u d-“dwal ... jgħajtu” tal-belt, b’“Geġwiġija kbira ta’ ħsejjes” għaddejja minn fuqha. B’xi mod, il-protagonist iħossu ħuta barra mill-ilma fil-belt, u dejjem jixxennaq il-ħajja fil-muntanja. 

Dan il-kuntrast bejn belt u kampanja jinħass ħafna f’Kapitlu 6, meta minn Tokyo n-narratur jimxi għal Kyoto u wara għall-muntanja fejn jinsab is-sanatorju li fih hemm Naoko. Hemm xi ħaġa affaxxinanti fid-deskrizzjonijiet u din hija l-pajsaġġ naturali Ġappuniż.  

Hemm partijiet mir-rumanz li jieħdu l-forma ta’ ittri li jiktbu n-nattatur u Naoko (u aktar tard Reiko) lil xulxin. Il-qarrej jinnota l-kontenut profond tagħhom, bħal meta Naoko tikteb: “L-istess kif l-Indjani jilbsu r-rix ma’ rashom biex jingħarfu minn liema tribù ġejjin, aħna apertament nilbsu d-difetti tagħna.” Il-ħin kollu fir-rumanz jinħass li minkejja li ż-żgħożija tintrabat ġeneralment ma' ħwejjeġ pożittivi, anki matulha huma bosta l-waqtiet ta’ agunija. Reiko stess, personaġġ importanti ieħor fir-rumanz, tammetti, “Għax hawn wisq uġigħ fiha!”.  

Tasal ir-rebbiegħa tal-1970 u jinħass kuntrast bejn l-istaġun mimli ħajja u l-ħwejjeġ strambi li seħħew lin-narratur, fuq kollox il-piż tas-solitudni u s-sens ta’ melankonija. Tiżdied il-kitba tal-ittri min-naħa tal-protagonist biex, kif jammetti huwa stess, “inżomm il-bċejjeċ tal-ħajja prekarja li kont qed ngħix imwaħħlin ma’ xulxin.” 

B’xi mod Norwegian Wood (1987) ifakkarni f’rumanz tal-memorja u storja ta’ mħabba oħra, Il giardino dei Finzi-Contini (1962) tal-kittieb Taljan Giorgio Bassani. Fiż-żewġ każi naqraw dwar stejjer ta’ mħabba impossibbli, dwar it-temi tal-mewt u tad-destin, dwar imħabba u perijodu partikolari li tista’ teħles minnhom biss billi tikteb dwarhom, anki jekk bosta snin wara. Il-kitba, fiż-żewġ kotba, isservi kemm bħala serħan jew terapija, imma anki bħala mezz li permezz tiegħu min ilu nieqes jerġa’ jingħata l-ħajja, mela l-assenti jsir preżenti għal darb’oħra, u saħansitra jiġi eternat. 

Murakami f’Norwegian Wood bħal jistedinna niskopru l-isbuħija u l-faxxinu f’dak kollu li niltaqgħu miegħu matul ħajjitna, anki f’dak li drajna narawh kuljum bl-għarfien li jista’ jgħib ħesrem biex qatt ma jerġa’ lura. Dik li jikteb dwarha Noru Watanabi meta kellu 20 sena hija ħajja – jew perijodu ta’ żmien – mimlija emozzjonijiet qawwija, deċiżjonijiet diffiċli, sitwazzjonijiet li wassluh biex kiber u mmatura. Bħal Watanabi, aħna l-qarrejja nifhmu li l-ħajja hija sabiħa fl-imperfezzjonijiet tagħha. 

More in Arti