Kotba | Mhux Bnedmin Biss, Iżda Ġganti fl-Umanità

Patrick Sammut jiskopri l-ħajjiet ta’ għoxrin persuna li fi kliem Robert Aloisio, “kienu tassew ċittadini tad-dinja”. 

Għoxrin Ġgant tas-Seklu Għoxrin (Preca Publications, 2022) huwa ktieb ta’ ftit iktar minn 300 paġna, b’daħla mill-pinna tal-awtur stess, Robert Aloisio. Diġà mid-dedika wieħed jifhem x’kienet dik ix-xrara li għenet lill-awtur biex jaħdem fuq proġett bħal dan: “B’dedika lil tant nies ‘żgħar’ li jaħdmu fis-skiet u minn wara l-kwinti biex in-nies ‘kbar’ jistgħu jwettqu l-bidliet għal dinja aħjar.” Aloisio stess fid-daħla jikteb hekk: “X’jagħmel bniedem kbir? ... Minkejja d-differenzi ġeografiċi u kulturali li kien hemm bejniethom, dawn l-għoxrin ġgant kienu lkoll persuni mimlija b’enerġija, b’entużjażmu u b’ħerqa biex jagħmlu dinja aħjar, biex jagħtu kontribut pożittiv lill-ħajja tal-bniedem. Kienu jemmnu li setgħu jagħmlu differenza fis-soċjetà. U fil-fatt għamluha.” Aktar ’il quddiem jikteb ukoll: “Kienu lkoll nies li ppruvaw jaraw it-tajjeb fl-oħrajn u joħorġu l-aqwa mill-persuni ta’ madwarhom. Fittxew li jgħaqqdu lin-nies u mhux jifirduhom. Bnew pontijiet u mhux ħitan. Kienu tassew ċittadini tad-dinja.” 

Il-lista ta’ personalitajiet li jikteb dwarhom Aloisio hija din: Mahatma Gandhi, Albert Schweitzer, Albert Einstein, Helen Keller, Giuseppe Moscati, Franklin D. Roosevelt, Charles Chaplin, Giorgio La Pira, Dietrich Bonhoeffer, Madre Tereża ta’ Kalkutta, Thomas Merton, Oscar Romero, Nelson Mandela, Elie Wiesel, Martin Luther King, Anne Frank, Mikhail Gorbachev, Giovanni Falcone, Muhammed Ali, u Lech Walesa. Aloisio jikkategorizzahom skont id-data tat-twelid tagħhom: mela jibda mill-iktar anzjan, Gandhi, u jispiċċa bl-iktar wieħed ‘żgħir’ fl-età, Walesa. Minn dawn l-għoxrin personalità l-aħħar wieħed biss għadu ħaj; infatti, Walesa llum jgħodd mad-79 sena. 

Għoxrin Ġgant tas-Seklu Għoxrin (Preca Publications, 2022) jinkludi wkoll tliet appendiċi interessanti. Fl-ewwel appendiċi, ‘Tletin Film dwar Għoxrin ġgant tas-Seklu Għoxrin’, Aloisio isemmi xi films magħrufin f’rabta mal-personalitajiet imsemmija f’dan il-ktieb, filwaqt li f’‘Ħamsin Personaġġ ieħor kbir tas-Seklu Għoxrin’, ningħataw tagħrif qasir dwar persuni oħra li ħallew marka pożittiva warajhom, fosthom tobba u infermiera, politiċi, diplomatiċi, xjenzati, ġurnalisti, għalliema u edukaturi, ħassieba, kittieba, missjunarji, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, psikologi, u kantawturi u mużiċisti. It-tielet appendiċi jismu “TIME 100 Persons of the Century”, maqsumin skont taqsimiet differenti: mexxejja u rivoluzzjonarji; artisti u intrattenituri; bennejja u titani; xjenzati u ħassieba; u eroj u ikoni. Hija ħasra però li kemm fl-għażla li jagħmel Aloisio, kif ukoll f’dik tat-TIME Magazine, insibu maġġoranza assoluta ta’ personalitajiet irġiel – tliet nisa biss minn 20 ġgant ta’ Aloisio; 9 nisa mil-lista ta’ 50 personaġġ fit-tieni appendiċi; u 14-il mara mil-lista ta’ 100 personalità pprovduta mit-TIME Magazine. Dan jindika li hemm bżonn li nsiru iktar midħla tad-dinja tal-Mara, anki billi jiżdiedu l-ismijiet ta’ nisa f’listi bħal dawn.  

Aħna u naqraw il-kapitli individwali ta’ Għoxrin Ġgant tas-Seklu Għoxrin (Preca Publications, 2022), mela l-bijografiji waħda waħda, insiru nafu mhux biss il-personalità ttrattata, imma anki bosta tagħrif dwar l-isfond storiku, politiku u kulturali li għexet fih din l-istess persuna. Aloisio jinkludi bejn il-virgoletti frażijiet importanti jew ta’ ispirazzjoni mlissna minn dawn il-persuni matul ħajjithom, l-esperjenzi li ffurmawhom, il-waqtiet pożittivi u negattivi li ġarrbu.  

Kull kapitlu huwa maqsum f’taqsimiet qosra biex il-qarrej li jippreferi jaqra mhux fit-tul ma jaqtax qalbu u fl-istess ħin ikollu stampa iktar organizzata u ċara tal-ħajja tal-personalità inkwistjoni. Inklużi hemm ukoll għadd sabiħ ta’ ritratti suwed bl-abjad li jagħmlu minn dan il-ktieb anki esperjenza viżiva u ħajja. F’tarf kull kapitlu hemm ukoll biblijografija qasira ta’ kotba x’wieħed jista’ jaqra dwar kull personalità. Dan ikompli juri li dan ta’ Aloisio hu xogħol serju, frott sigħat twal ta’ ħidma u riċerka serja. 

Apparti l-isem ta’ kull personalità li Aloisio jqiegħed bħala sottotitlu – flimkien mad-dati tat-twelid u tal-mewt – jiġbdu l-attenzjoni t-titli fihom infushom. Bħala eżempji nsemmi ftit: ‘Ruħ Kbira: Mahatma Gandhi’, ‘Il-Kurjuż Appassjonat: Albert Einstein’, u ‘Ma Riedx li d-Dinja Tinsa: Elie Wiesel’. Permezz tagħhom, Aloisio diġà sa mill-bidu bħal jitfa’ l-enfasi fuq aspetti importanti fil-ħajja ta’ min ikun se jittratta.  

Permezz tat-tagħrif li jgħaddielna f’kull kapitlu kif ukoll permezz tal-biblijografiji, Aloisio jistieden lill-qarrejja tiegħu jfittxu u jaqraw għadd ta’ kotba oħra, uħud minnhom miktubin mill-istess personalitajiet ittrattati, oħrajn minn ħassieba, bijografi u studjużi varji. Dan huwa ktieb li mhux obbligatorju jinqara kollu jew kapitlu wara l-ieħor skont l-ordni tal-paġni, imma wieħed jista’ jibda min-nofs, jgħaddi għat-tmiem, biex wara jispiċċa jmur għal xi kapitlu fil-bidu. 

Għoġbitni wkoll it-taqsima f’kull kapitlu ntitolata ‘Minn fomm...’, fejn Aloisio jagħtina frażijiet importanti mlissna u miktubin mill-personalitajiet li jittratta. Hekk Thomas Merton sostna, “L-ikbar bżonn ta’ żmienna hu li nnaddfu moħħna mill-massa enormi ta’ żibel mentali u emozzjonali li hu mimli bih.” Charles Chaplin qal, “Ġurnata bla daħk hija ġurnata moħlija.” Aloisio għamel biċċa xogħol tajba ferm anki bħala traduttur billi qaleb tagħrif u frażijiet importanti minn ilsna bħall-Ingliż u t-Taljan għall-Malti. 

Il-kapitli ta’ Għoxrin Ġgant tas-Seklu Għoxrin (Preca Publications, 2022) inisslu kurżità kbira fil-qarrej li ladarba jaqbad jaqrah jibda jaqbeż minn personalità għal oħra b’gost kbir u sens ta’ skoperta. Dan hu ktieb ieħor li jgħinna niftakru l-imgħoddi u l-Istorja tal-bniedem permezz ta’ għoxrin mikro-storja. Fuq kollox, dan huwa ktieb ta’ emozzjonijiet qawwija u umanità kbira.  

 

More in Arti