Kotba | Kotba u karattri 'qalbhom tajba u ħanina'

Elena Cardona, taqbad f’idejha żewġ kotba mmirati għat-tfal, L-Akbar Għalliem ta’ David Aloisio, u Tal-Forn ta’ Noel Tanti, u minkejja li m’għadhiex żgħira u l-ħobż m’għadux jaqbel magħha, xorta togħxa bihom. 

Propju lbieraħ l-20 ta’ Mejju kienet il-ġurnata internazzjonali ddedikata lin-naħal. Żgur u mhux forsi li smajtu bl-importanza li għandhom dawn l-insetti ċkejkna f’ħajjitna. Hemm il-biża’ jew kważi ċertezza li jekk in-naħal isir estint minħabba diversi fatturi fosthom il-pestiċidi u n-nuqqas ta’ spazji ħodor, inkunu qegħdin inpoġġu f’riskju l-eżistenza tagħna l-bnedmin. Mingħajr id-dakkir tal-fjuri, is-siġar u x-xtieli ma jagħtux il-frott tagħhom u aħna ma jkollniex x’nieklu.  

Sfortunatament ħafna minna jibżgħu jew jistkerrhu kull ħaġa li ttir jew tiġri ibda mill-insetti, dud jew gremxul u wiżgħat u l-hena tagħna nagħtuhom b’xi karkura sakemm nistenduwhom mal-art bla ebda forma. Fl-aħħar mill-aħħar, skont x’insett ikun. Naċċettaha li toqtol xi dubbiena jew nemusa fitta jew li taħli xi bott sprej fuq wirdiena f’lejl sħun tas-sajf. Imma li toqtol farfett imlewwen jew xi gremxula li tkun qiegħda tilgħaq ix-xemx, xejn ma tinżilli.  

Bla ma rrid mill-ewwel niftakar fil-lekċers tal-Malti li kien ikollna mal-Professur Oliver Friggieri, l-Erbgħa kmieni filgħodu. Oliver minn dejjem kellu għal qalbu l-annimali, speċjalment il-kelb tiegħu. Però l-imħabba tiegħu kienet tmur lil hinn mill-kelb. Kien jgħidilna li m’għandux ħila joqtol dubbiena u kif dudu huwa fost l-akbar ħolqien t’Alla. Darba konna nagħmlu l-poeżiji ta’ Mary Meylak u waħda minnhom kienet dwar id-dudu tal-ħarir. Stqarr magħna kemm kien ilu ma jara wieħed u kif dan id-dudu jgħaġġbu bil-proċess li kien jgħaddi minnu. Dak iż-żmien jien kelli kolonja ta’ dud tal-ħarir u kont offrejtlu li jekk veru xtaq stajt inġiblu ftit minnhom. Però għal xi raġuni jew oħra din il-wegħda ma żammejthiex. 

U għaliex qed insemmi l-insetti, id-dud u lill-Profs Friggieri? Dawn kollha jinsabu minsuġa fil-ktieb L-Akbar Għalliem ta’ David Aloisio li ġie f’idejja dan l-aħħar. Dan il-ktieb huwa ppubblikat minn Klabb Kotba Maltin bil-kollaborazzjoni ta’ L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fl-2022. Il-ktieb jirrakkonta l-istorja ta’ għalliem xwejjaħ li għallem ħafna tfal u li issa dawn it-tfal kibru u għandhom it-tfal tagħhom u qegħdin jibagħtuhom għand l-għalliem biex jitgħallmu jaqraw u jiktbu. Kienu jieħdu gost għand l-għalliem. Imma darba fost l-oħrajn iżurhom dudu. X’jiġri? U allura min hu l-akbar għalliem – l-għalliem ix-xwejjaħ jew id-dudu? M’għandniex xi ngħidu, l-illustrazzjonijiet ta’ Rebecca Zammit jikkumplimentaw lit-test. Għoġobni ferm kif l-istorja hija ambjentata fi żminijietna għax mit-twieqi tal-għalliem xwejjaħ jidhru binjiet u krejnijiet twal. 

Ħaġa li laqtitni ferm hi l-mod meraviljuż kif David Aloisio jintroduċi lill-Profs Friggieri mal-qarrejja ċkejkna bla ma qatt isemmi ismu ħlief fi tmiem il-ktieb. L-aħħar paġna hija fil-fatt ħajku ta’ Friggieri, li fih Friggieri jlaqqa’ b’mod kuntrastanti ċ-ċokon tad-dudu mal-kobor tal-ħallieq, żewġ affarijiet (l-annimali u r-reliġjon Nisranija) li kienu għal qalbu. Bla ma ridt spiċċajt nitbissem waqt li kont qiegħda naqra dan il-ktieb għax erġajt skoprejt il-karatteristiċi ħelwin ta’ Oliver, kif ukoll l-umiltà tiegħu u feġġew memorji għeżież li għandi tiegħu. Il-kelb, li jġib l-isem ta’ Ċerbru, jalludi għal xogħol ieħor ta’ Friggieri, Fil-Parlament Ma Jikbrux Fjuri. Il-karattru tal-għalliem xwejjaħ hu leali għall-Profs (kif isejjaħlu kulħadd): jikteb l-istejjer u l-poeżiji, iħobb ipinġi, jilqa’ lil kulħadd f’daru, il-kelb kien kollox għalih u japprezza l-ġmiel tan-natura fl-iċken ħlejjaq. Minbarra li jintroduċi kunċetti letterarji bħall-ħajku, il-poeżija u l-istejjer mat-tfal, Aloisio juża Malti idjomatiku u li jirrifletti l-lingwaġġ tat-tfal speċjalment meta dawn jaraw lid-dudu.  

Fuq nota differenti, it-tieni ktieb li qrajt hu Tal-Forn, miktub minn Noel Tanti b’illustrazzjonijiet ta’ Matt Stroud. Dan il-ktieb li ġie ppubblikat fl-2020 minn Merlin hu mmirat għat-tfal minn sitta sa għaxar snin. Din id-darba se naqsmilkom qalbkom bir-riħa tfuħ li ħierġa mingħand tal-ħobż. Għand Stiefnu l-furnar kienu jmorru xi ftit tfal biex waqt li jqarmċu xi biskuttin jisimgħu l-istejjer dwar il-furnara tal-passat. Min kienu n-nebbiexa li kienu jwasslu l-ixkejjer tad-dqiq billejl? U kif kienet is-sitwazzjoni fi żmien il-gwerra? 

F’dan il-ktieb Tanti jieħu l-qarrejja fuq vjaġġ fantastiku, fejn il-forn malli jitbattal min-nies isir post tal-istejjer u l-kurżitajiet. It-tfal ma jiqfux isaqsu kif u għaliex. Imma f’din id-dinja fittizja kollox iseħħ għax “Tal-forn kienu jagħtu ħbejża bi tbissima u xi kultant jitħallsu biss b’tislima”. F’dan il-ktieb minbarra li t-tfal isiru familjari mal-vokabularju marbut mal-furnar bħal tinsila u furnata u l-prodotti li joħorġu kuljum sħan u bnini mill-forn Malti, jitgħallmu dwar is-sens tal-altruwiżmu li jispikka fil-furnara. Eżempju ċar hu tal-priġunier bil-ġuħ li ħadd ma ried jagħtih xi ħaġa biex jitrejjaq. Ħeqq, kien kattiv hux! Imma l-furnara kienu jafu li dan “kien persuna qabel kien suldat” u li l-“ġuħ ifakkrek f’dan, kemm jekk int ħaddiem u kemm jekk int sultan”. B’mod sottili, Tanti jittrażmetti dan il-valur essenzjali lit-tfal – li minkejja n-nuqqasijiet tagħna, li xi kultant jaf ikunu kbar, fl-aħħar mill-aħħar kulħadd hu bniedem u wieħed għandu jħenn għall-ieħor. U huwa għalhekk li n-nebbiexa ħelwin kienu jżuru lil tal-forn ta’ kull filgħaxija. Huwa fatt li waqt gwerra l-affarijiet l-iktar bażiċi tal-ikel bħal ngħidu aħna d-dqiq u z-zokkor ikunu skarsi u għalhekk il-prezz tagħhom jitla’ ’l fuq. Imma mhux tassew sorpriża kif fl-eqqel tal-gwerra u dawn il-furnara dejjem għandhom dqiq għall-furnata tagħhom? Ir-risposta hi sempliċi: tal-forn “qalbhom tajba u ħanina”.  

Nazzarda ngħid li xi minn daqqiet l-istampi jagħtuna iktar dettalji mill-kliem innifsu. Matt Stroud joħloq spazji ġodda fl-illustrazzjonijiet tiegħu billi jħalli lill-qarrejja jimirħu u joħolqu l-istorja tagħhom qabel ma jaqraw il-kliem.  Xi ħaġa li tispikka hi l-atmosfera ta’ ferħ li tiċċirkonda lil dawn il-karattri. Il-qalb tajba u ħanina li bihom huma mżejna l-furnara jinħassu fl-illustrazzjonijiet. Barra minn hekk, matul l-istorja tinħass melodija minħabba li ċertu kliem jaqbel ma’ ieħor u b’hekk jinħoloq ritmu mexxej u l-istorja ssir kważi kważi tixbah lill-ħrafa. Fl-opinjoni tiegħi, ir-ritmu u r-rima huma essenzjali fil-kotba tat-tfal.  

Dawn iż-żewġ kotba ġeddewli skoss memorji, mhux biss dawk tal-Profs Friggieri u ta’ sħabi tal-Malti, iżda wkoll għall-ħeġġa li kien ikolli biex immur nixtri l-ħobż meta kont żgħira. Povra ħobża tal-Malti kienet tispiċċa b’toqba fil-ġenb għax sakemm nasal id-dar kont niekol il-qalba. Illum il-ġurnata, li niekol il-ħobż saret biss ħolma għaliex l-allerġija għad-dqiq rebħet fuq kollox. Però dawn il-picture books ġagħluni napprezza kemm it-tfal huma esposti għall-kotba mimlijin ħajja u kulur, xi ħaġa li fi żmieni ma kinitx daqshekk popolari. 

More in Arti