Kotba | Il-Jum Dinji tal-Ktieb

Nhar il-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet, Noel Tanti jiddiskuti ċ-ċelebrazzjoni tal-ktieb, il-ktieb innifsu, kif dan mhux it-tweġiba għal kull problema, u l-impenn minn kulħadd li jwassal għall-gost tal-qari

Illum huwa Jum il-Ktieb. L-idea għal jum iddedikat lill-ktieb kienet ġiet lil Vicente Clavel, id-direttur tad-dar tal-pubblikazzjoni Cervantes f’Barċellona. Kellu għan doppju: jagħmel ġieh lil Miguel de Cervantes, l-awtur ta’ Don Quixote, u jagħti mbuttatura lill-bejgħ tal-kotba. Għalhekk, fis-7 t’Ottubru 1926, seħħ l-ewwel Jum il-Ktieb.

L-idea għal jum iddedikat lill-ktieb kienet ġiet lil Vicente Clavel, id-direttur tad-dar tal-pubblikazzjoni Cervantes f’Barċellona. Kellu għan doppju: jagħti ġieħ lil Miguel de Cervantes, l-awtur ta’ Don Quixote, u jagħti mbuttatura lill-bejgħ tal-kotba. Għalhekk, fis-7 t’Ottubru 1926, seħħ l-ewwel Jum il-Ktieb.

Eventwalment iċ-ċelebrazzjoni mxiet għat-23 t’April, il-ġurnata tal-mewt ta’ Cervantes. Inċidentalment, it-23 t’April 1616 hija wkoll id-data meta mietu William Shakespeare u l-kittieb Peruvjan Inca Garcilaso de la Vega.

(Kurżità: il-kronoloġija ta’ dawn id-dati hija kemxejn laxka minħabba l-użu ta’ kalendarji differenti. L-Ingilterra kienu jużaw il-kalendarju Ġuljan mentri l-Ispanjoli kellhom dak Gregorjan. Jekk nimxu ma’ dan tal-aħħar, Shakespeare ħalliena għaxart ijiem wara Cervantes, fit-3 ta’ Mejju.)

L-Ingilterra mexxew kollox f’Marzu biex Jum il-Ktieb ma jaħbatx mal-btala tal-Għid.

Darba kont qiegħed f’ħanut tal-kotba u nzertajt familja b’żewġt itfal. F’daqqa waħda l-missier rama jgħajjat m’ibnu għax dan ma riedx jagħżel ktieb. Il-papà ħataf The Adventures of Huckleberry Finn ta’ Mark Twain, u qallu: “Ħa. Dan. Għandek bżonn taqra. Jogħġbok għax classic.”

It-tifel ma impressjona ruħu xejn bil-ġudizzju letterarju ta’ missieru. Sabbat saqajh, għamel il-geddum u gemgem dak li fost it-tfal tamparu kien jgħaddi bħala kliem ħażin.

Minn fejn nibda? Il-fetixizzazzjoni tal-kotba ddejjaqni. Ħafna. Il-kotba mhumiex xarba maġika li tlegligha f’nifs wieħed u kollox jaqa’ f’postu. Din l-attitudni tikxef nuqqas ta’ sensittività lejn il-qarrejja u ħafna drabi tispiċċa biex taħdem bil-kontra: flok tressaq in-nies lejn il-qari, tbegħidhom. Bħalma dak it-tifel x’aktarx li beda jaqbdu l-brim fl-istonku kull meta jisma’ b’Huckleberry Finn, hemm oħrajn li umbraw il-kotba għax sfurzawhom jaqraw. Xi kultant naħsbu li t-tfal huma razza differenti minna. Jekk xi ħadd jipprova jġiegħlek tagħmel xi ħaġa kontra qalbek, x’aktarx li se tibagħtu jixxejjer. L-istess it-tfal. Jekk tridhom jaqraw, għandek tħajjarhom: tesponihom għal kotba dwar suġġetti li jogħġbuhom, li jirrelataw magħhom, li jinteressawhom. Jekk jirnexxilek tqanqal l-interess tagħhom għandek nofs ix-xogħol lest.

Il-mantra li iktar ma taqra iktar se titgħallem hija minnha sa ċertu punt biss. L-ewwel nett, mhux kull min jaqra jagħmel hekk biex jitgħallem. Hemm dawk li jaqraw għall-gost, għax iħobbu jintilfu f’rakkont, f’bijografija jew xi ġrajja li tinteressahom. Ovvjament, xi ħaġa jkunu qed jitgħallmu imma l-iskop aħħari mhux wieħed didattiku.

Imbagħad hemm il-qari utilitarju, fejn inti taqra testi li mhux neċessarjament jagħtuk pjaċir imma li għandek bżonnhom sabiex, pereżempju, takkwista kwalifika jew promozzjoni fuq ix-xogħol. F’dan it-tip ta’ qari, l-għan mhux il-qari nnifsu imma dak li jiġi wara.

Irridu wkoll noqogħdu attenti biex ma naqgħux fiċ-ċuċati u naħsbu li n-nies li jaqraw huma persuni intrinsikament aħjar minn dawk li ma jaqrawx. Mhux kulħadd jogħġbu l-qari u m’hemm xejn ħażin b’daqshekk. Hawn min jippreferi jara film tajjeb minflok ma jaqra ktieb. Hawn min jippreferi jisma’ l-mużika, jara d-dokumentarji, isegwi l-isport. Hawn min qatt ma jersaq lejn ktieb imma ħinu jqattgħu jistinka biex kulħadd ikollu aċċess għall-ilma nadif. Il-kotba u l-qari huma importanti ħafna imma dan ma jfissirx li bħala qarrej għandek id-dritt ixxammar imnieħrek lejn dawk li ma jaqrawx. Dawn il-moraliżmi fiergħa ma jgħinu lil ħadd.  

(Ħa nattakka ftit l-argument tiegħi stess. Mhux dawk kollha li jogħġbuhom il-films iħobbu jaqraw – imma ċertament, dawk li jagħmlu l-films, il-kotba jkunu qrawhom. U dan jgħodd għal kollox. Iddur kemm iddur, finalment hemm se tispiċċa.)

Imma l-mistoqsija tibqa’: għalfejn dak it-tifel ma riedx jaqra? Wara kollox it-tfal, sa minn ċkunithom, il-kotba jħobbuhom. Anki jekk ikunu għadhom ma jafux jaqraw, il-maġġoranza assoluta tagħhom jogħxew iqallbu fihom u jisimgħu lill-ġenituri tagħhom jirrakkontawlhom l-istejjer. Anzi, ikollhom seba’ mitt sena sakemm jitgħallmu jaqraw.

Iktar ma jitfarfru, it-tfal iktar isiru indipendenti u ma jibqgħux jistrieħu fuq il-ġenituri għalkollox. Imbagħad, hekk kif iżerżqu sebagħhom għall-ewwel darba fuq il-ħġieġa tat-tablet u jtaptpu tnejn, tinfetħilhom dinja eċitanti immens mimlija vidjos, logħob, informazzjoni u, iva, anki kotba. Dinja li jistgħu jikkontrollawha huma.

Hawnhekk importanti li nkunu realistiċi. It-tablets u l-mowbajls mhu se jikkonvertu lil ħadd. Min ma jħobbx jaqra mhux se jniżżel kotba diġitali. Jekk ġaladarba hemm għażla bejn siegħa qari u siegħa fuq TikTok, x’aktarx li tal-aħħar se tirbaħ. Sfortunatament, id-dinja online hija magħmula primarjament minn tentuf ta’ informazzjoni, bil-konsegwenza li l-attenzjoni tal-qarrejja dejjem qed tonqos. It-tfal mhux qed ikollhom l-opportunità jiżviluppaw il-ħiliet neċessarji biex jinvolvu ruħhom f’testi estensivi li jiżviluppaw argument jew kunċett fuq firxa ta’ żmien.

L-andament tal-ħajja kontemporanja hekk jeżiġi. Il-ħin liberu dejjem qed jonqos. Apparti l-iskola, ħafna tfal għandhom diversi impenji ekstrakurrikulari u mhux faċli jrabbu u jżommu rutina ta’ qari. Tgħin immensament jekk il-ġenituri jħobbu l-kotba u jaqraw quddiem uliedhom. Hija inutli u ipokrita tibgħat lil uliedek jaqraw meta inti qiegħed ittella’ l-istessi jew tikkummenta dwar il-malja taz-zija fuq il-midja soċjali. Biex it-tfal irabbu rutina tal-qari hemm bżonn impenn min-naħa ta’ kulħadd. Il-kliem ikarkar iżda l-eżempju jkaxkar.

Meta għandek qarrejja motivati u indipendenti, għandek qarrejja li mhux se joqogħdu lura minn kotba impenjattivi. Mhux se jiddejqu jqattgħu dawk is-sagħtejn iżjed iħabblu moħħhom dwar dak li qed jaqraw. Permezz t’hekk, mhux biss jieħdu pjaċir imma jsaħħu l-ħiliet konjittivi tagħhom għax ikollhom vokabolarju usa’ li jgħinhom jitgħallmu kunċetti ġodda.

Huckleberry Finn huwa ktieb eċċellenti. Iżda missier dak it-tifel kien jagħmel aħjar kieku kellmu dwaru minflok ma pprova jbellagħhulu. Wara kollox, Twain innifsu kien jaf li ħafna drabi ‘a classic [is] something that everybody wants to have read and nobody wants to read’.

More in Arti