Kotba | Kurjuż dwar kollox

Mark Vella jsellem lill-qarrejja bl-aħħar reċensjoni tiegħu, permezz ta’ ħarsa lejn Il-Ħarira Kaħla, l-awtobijografija ta’ Guido Lanfranco: dokument ta’ osservatur attent u empatiku b’imħabba bla qies għal arti u l-kultura tagħha

Seminar reċenti li sar b’tifkira ta’ ħidmet Guido Lanfranco ħareġ bit-titlu azzekkat, minn kliem Lanfranco stess, dwar bniedem li t-timbru ta’ ħajtu kien imsejjes fuq l-interess ħaj dwar id-dinja madwaru. Il-Ħarira Kaħla (KKM, 2022), l-awtobijografija li ssielet biex ilestiha qabel ma miet, tant li ħalla messaġġ lil qrabatu biex jagħmlu minn kollox biex jagħlqulu u joħorġulu kitbietu, hija sensiela ta’ noti, anki kif xtaq l-awtur stess, li jaħfnu lill-qarrej mill-bidunett u li ma jdejquh qatt. Fl-istess ħin, ir-riflessjonijiet ta’ Lanfranco, li huma tipiċi tax-xjenzat-naturalista li jniżżel dak kollu li josserva, huma miktubin bi stil kważi-xjentifiku iżda mhux xott, speċjalment fl-emozzjonijiet, imma b’dak l-ekwilibriju diffiċli bejn l-opinjoni, is-sentimenti u l-fatti mgħejxa u osservati. 

Inħobbhom dawn it-tip ta’ awtobijografiji, mhux biss għaliex l-għarfien jinkiseb minn ras il-għajn, bil-perspettivi partikolari kollha li mbagħad jitħallew għall-ġudizzju tal-qarrej, iżda anki għaliex huma għajn għanja ta’ tagħrif storiku, l-aktar dak popolari, li kważi kważi joħroġ fl-effettività u s-siwi tiegħu minn kotba bħal dawn, aktar milli mill-‘istorja l-kbira’ li jikteb l-istoriku. Mingħajr ma nkun parrokkjali żżejjed, u anki b’riħet ir-reċensjoni tal-ġimgħa li għaddiet ta’ Katya – Easy on the Tonic, hawnhekk għandna għal darb’ oħra storja Slimiża, rari għal diversi raġunijiet, fosthom dawk assoċjati mad-demografija partikolari tal-post iżda anki mal-preġudizzju, kif ukoll għax Tas-Sliema tibqa’ dejjem belt relattivament żagħżugħa fuq livell storiku-kulturali meta mqabbla mar-raħal tipiku Malti u s-saħħa tiegħu fl-immaġinarju tan-nazzjon. 

Xorta waħda, dawn huma riflessjonijiet ta’ Malti bħall-oħrajn, belti imma tipiku xorta, li jitwasslu b’ħila għaliex fil-biċċa l-kbira ma jaqgħux fil-ġudizzju jew inkella f’xi forma ta’ awtoċelebrazzjoni, iżda huma osservazzjonijiet li jsiru bil-lenti xjentifika, bħal dik tal-mikroskopju, u jingħataw anki dik in-niskata mkejla ta’ umoriżmu, diqa, jew nostalġija, dejjem skont il-waqt ix-xieraq. Bħal kull test li jaħdem sew, din il-mixja minn żmien il-gwerra sas-snin elfejn għandha ħarira għaddejja minnha, tema jew motiv li jibqa’ jidher fit-test u jġonġi kollox ma’ xulxin: hija fjura sempliċi u delikata, il-ħarira kaħla, li Lanfranco kien raha Baħar iċ-Ċagħaq meta miet missieru, u li donnha tispunta fil-bqija tal-mumenti ewlenin ta’ ħajtu. Delikata u ġentili daqs ħafna mill-memorji miktuba hawn, fejn il-ħajja togħsfor bla ma nindunaw u fejn Lanfranco, moħħu f’kollox, jgħix ħajja memorabbli ta’ tiftix, skoperti u mistoqsijiet. 

Dan il-volum mimli ħemel aneddoti li żgur jiggarantixxu qari interessanti li jżommok idawwar il-paġni. Lili laqtuni diversi affarijiet, speċjalment laqtiet soċjopolitiċi li jew ma kontx naf bihom jew inkella tlaħħmu sew mit-tifkiriet ta’ min għexhom. Fost l-oħrajn, il-ħajja intima u morali tal-Malti kif iddettati mill-iskandlu u l-iskruplu, sew f’familja pikkolo-borgiża bħal ta’ Lanfranco iżda li mbagħad ikollha anki riperkussjonijiet fuq livelli ogħla, bħall-fatt sorprendenti li, nagħtu każ, il-kotba tax-xjenza għall-iskejjel – minkejja li ppubblikati l-Ingilterra – kien ikollhom edizzjoni Maltija, li kienet tħares is-safa tan-nazzjon billi telimina l-parti ‘skabruża’ dwar ir-riproduzzjoni sesswali. Sopra corna, bastonate – mhux biss il-kolonjaliżmu inerenti iżda anki iddikjarat, mit-taqbila ċelebri dwar ir-Re fil-Ward tal-Qari Malti sal-kurrikulu ddettat mill-Gran Brittanja – iżda anki l-ġerarkiji tal-poter tal-Maltin jipperpetwaw is-sudditanza tal-Malti kelb tiegħu nnifsu. 

Inċident ieħor fost il-ħafna li laqatni, anki għaliex perspettiva individwali ta’ ġrajja li storikament kellha trattamenti partikolari u forsi mhux eżawrjenti, hija dik dwar il-kwistjoni tal-iskejjel tal-Knisja fit-tmeninijiet. Ix-xaqliba ta’ Lanfranco, għalkemm ovvja, ma hija qatt iddikjarata polemikament, u r-rakkont xott hawnhekk jgħin biex dak li jkun jaqbad il-fatti u jixtarrhom bil-kwiet. F’din il-parti dettaljata, wieħed jista’ jistħarreġ it-tensjoni bejn għażla ideoloġika li x’aktarx kellha r-raġunijet validi tagħha, u implimentazzjoni li marret żmerċ. Flimkien ma’ din hemm ukoll il-preludju tas-sistema tal-punti għad-dħul fl-Università u l-iskema tal-istudent ħaddiem, diskussa f’dettall tajjeb diġà minn Peter Mayo fi ktejba fi Revisiting Labour History (Horizons, 2012), li tiddiskuti sew il-konsistenzi sew il-kontradizzjonijiet fil-politika Mintoffjana f’diversi oqsma, inużwali għall-għajnejn u l-istonku ta’ ċerti kategoriji soċjali. Imma għal darb’oħra, laqtitni esperjenza minima umana li donnha tagħti t-tifisra jew is-sens lill-ġrajja storika arida: it-tmiem tal-istrajk tal-għalliema, waħda minnhom li ma ħaditx sehem fl-azzjoni industrijali tiġi bbuwjata u insultata hija u reġgħet dieħla l-iskola, u l-‘jupp’ tal-purtinara, is-saff soċjali apparentement mhux parteċipji per se fil-ġrajja iżda xorta waħda element politiku indispensabbli. 

Dan kollu, mill-ġdid, Lanfranco jirrakkontah b’tali mod li ma jweġġax, mhux għaliex ma jridx ikun kontroversjali jew inkella ma jridx jikxef idu, iżda x’aktarx għaliex jikteb skont id-deformazzjoni professjonali tal-osservatur li għandu bżonn jelenka kull ma jara madwaru sakemm fl-aħħar forsi jiġbed konklużjoni. Il-Ħarira Kaħla, anki jekk minn fomm l-awtur, huwa testment u legat xieraq għal bniedem li ħadem tant għall-kultura Maltija, fl-oqsma mix-xjenza sal-folklor, u li għallem lill-ġenerazzjonijiet varji tal-kotra billi xerred u ddivulga bl-umiltà l-għerf u l-għarfien miġbura tul ħajja ta’ kurżità ħajja u tħeġġeġ. 

It-tank vojt. 

Bħal ma qalet l-ex-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, hija u tirriżenja milll-kariga kontra kull mistenni, tbattalli t-tank, u din l-aħħar reċensjoni tiegħi fuq l-Illum. Impenji ġodda jfissru li reċensjoni kull ġimgħa m’għadnix niflaħha, imma kollox għandu tmiemu, u dejjem tajjeb li jkun hemm impuls ġdid. Tant hu hekk, li mill-ġimgħa d-dieħla, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jibda jwasslilkom tliet reċensuri ġodda, kollha ta’ esperjenza u b’ħila fl-oqsma tagħhom: Elena Cardona, Patrick Sammut u Noel Tanti. 

Filwaqt li nawgura lill-kollegi tiegħi l-esperjenza interessantissima li għaddejt minnha jien tul dan iż-żmien, nixtieq ma ninsiex lil Kevin Saliba, l-ewwel reċensur fuq din il-paġna tal-Illum, iżda wkoll lill-qarrejja li kelli tul iż-żmien, kif ukoll lill-pubblikaturi u l-awturi li mingħajrhom il-ktieb Malti ma jeżistix. Nawgura li din il-paġna tibqa’ sservi ta’ vetrina għall-kreattività u d-dibattitu, u li tkompli tpoġġi l-ktieb fuq l-aġenda ta’ ħajjitna lkoll. 

More in Arti