Il-Karnival fil-Kapitali : Eluf kbar joħonqu l-Belt Valletta b'karnival meqjus 'wieħed mill-akbar'
Wara snin ta' stennija minħabba temp ikrah u Covid-19, il-Karnival jirritorna bil-kbir!
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-jiem tal-Karnival, bla dubju, kienu parti mit-tfulija ta' bosta persuni. Fl-aħħar snin pajjiżna ma tantx kellux iċ-ċans li jmur lura għall-memorji indimentikabbli u jerġa' jesperjenza l-festeġġjamenti u l-ferħ, minħabba l-pandemija u forsi minħabba xi maltemp inevitabbli f'dawn ix-xhur xitwin.
Madankollu din is-sena, b'xemx tiżreġ u temp perfett, numru ta' persuni qabdu t-triq lejn il-Belt Valletta u l-Floriana. Fil-fatt il-belt kapitali rat attendenza rekord ta' eluf ta' persuni bejn is-Sibt u l-Ħadd.
It-toroq Beltin kienu ippakkjati b'karrijiet ikkuluriti, kostumi artistiċi għall-aħħar u mużika li diffiċli li tirreżistiha u ma tiżfinx.
Mingħajr ebda tlaqliq, dawn il-festeġġjamenti ma setgħux kienu possibbli li kieku ma kienx għad-dedikazzjoni u sagrifiċċi li jagħmlu dawn il-persuni li jaħdmu fl-imħażen għal sena sħiħa, għaż-żeffiena li jkunu ilhom jipprattikaw xhur u ħajjata li jdumu s-sigħat iħitu bl-aktar reqqa u detall.
Il-Karnival iddomina wkoll partijiet oħra madwar il-pajjiż, inkluż fin-Nadur Għawdex - li wkoll rat folla numeruża - u f'Ħal Għaxaq. Intant l-aħħar ċelebrazzjonijiet tal-Karnival se jibqgħu għaddejin sa nhar it-Tlieta. Dan jagħlaq fi Triq Sant Anna, tradizzjoni oħra marbuta mal-Karnival Malti.