Kotba | Il-fliexken iż-żgħar

Mark Vella jaqbeż qabża sal-Kooperattiva Kixott ikellem lil Zvezdan Reljić tal-Ede Books u lil Antoine Cassar, kuratur ta’ kullana ta’ kitbiet ġodda li huma kollezzjoni fihom infushom kif ukoll skoperta li tagħti gost kbir

Hemm mumenti fejn, minkejja l-irwiefen tal-kriżi, uħud iwebbsu rashom u jmexxu xorta. Fil-każ tal-industrija tal-ktieb, bosta ċirkostanzi, mill-evidenti bħall-prezz tal-karta sal-mhux dejjem evidenti imma li jgħallem bil-kbir, u li spiss insemmu fuq dawn il-paġni. Dawn qed jaffettwaw l-aktar lill-pubblikaturi storiċi, jew aħjar l-imprendituri tal-ktieb, li jinvestu flejjes tajbin fit-test u fil-kontenut u bħal kull negozjant, li biex ibigħ irid jixtri, jissograw billi jipproduċu ammonti sostanzjali ta’ kotba fis-sena. Ilu jberraq, u fl-aħħar Festival tal-Ktieb, rajna wkoll id-deċiżjoni bla preċedent li l-Merlin Publishers ma jiħdux sehem, bin-nuqqas lampanti ta’ dar editorjali tant ingastata fl-immaġinarju kollettiv. 

Bħala nota għal dan, imma forsi għal diskussjoni itwal darb’oħra, ma nkunux qed ngħaġġbuha jekk inbassru r-riskju imminenti li l-pubblikatur Malti ma jibqax jeżisti. Il-waħdiet li għandna faċilment jistgħu, anki minkejja kull imħabba li għandhom għall-ktieb (u mnalla hi li tibqa’ tmexxihom), taqbżilhom u jagħlqu kollox, jeħilsu bir-ribass jew b’kompromess xieraq ma’ min għandu r-riżorsi biex xorta jbigħ u jmexxi, jew inkella jħallu kull ma baqgħalhom fl-imħażen idur sakemm jispiċċa u qatt ma jerġa’ jiġi. Xi tfisser din? Tfisser ħafna għan-nazzjon u għall-ambjent demokratiku, minkejja li mhi se tħalli l-ebda għelm sinifikanti fil-bilanċ tal-kontijiet: ma jibqax kittieba, jieħu daqqa l-ispazju pubbliku ġa limitat għall-ilsien Malti, u nerġgħu (mhux għax m’aħniex, imma għandna biex nissieltu) kolonja intellettwali mill-ġdid fejn il-kotba tal-iskola Maltin ma jibqgħux jeżistu u ma jkun għad baqa’ lok għal ebda test rilevanti bil-Malti jew dwar Malta. 

Distopija possibbli? Jien u nikteb u nipprova anki neżaġera għall-iskop tal-kitba, kważi nbeżża’ lili nnifsi b’dit-tbassira. Imma t-tama jagħtihieli fenomenu ġdid, devjazzjoni mill-pubblikatur imprenditur, tal-pubblikaturi artiġjanali bħal Kotba Calleja u Ede Books. Għalkemm jafu jissejħu pubblikaturi żgħar, fis-sengħa tal-ismall presses u ħidma li ma toqrobx lejn l-‘industrijali’, ġa mhumiex operazzjonijiet totalment dilettantistiċi kif forsi wieħed jista’ jissoponi. Kotba Calleja tkellimna dwarhom m’ilux, bil-kullana ta’ kotba l-istess forma u l-istess prezz, u bl-aħħar wieħed – Sajf ta’ Ryan Falzon ġa suċċess kritiku anki kummerċjali, b’apprezzament virali simili għal ta’ żmien Ġużè Stagno fl-għarfien ta’ manifest ġenerazzjonali. Ede ftit akbar fl-età, u ilhom iteftfu b’pubblikazzjonijiet ta’ kull xorta, dejjem alternattivi jew artistiċi (speċjalment fotografiċi), imma l-iscoops letterarji s’issa kienu Loranne Vella kif ukoll Nadia Mifsud, tal-aħħar ippremjata fl-aħħar edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. 

Ede Books għadhom kemm nedew sensiela ta’ chapbooks, il-kotba ċkejknin bi tradizzjoni popolari kbira anki f’Malta. M’iniex antikwarju jew regettier tal-ebda tip, imma bħal fil-każ tas-sensiela Calleja, is-sitt kotba li ħarġu s’issa minn Ede, u l-kotba li jmiss (għaliex proġett għaddej ġmielu), jafu jkunu biċċiet ta’ modernarjat editorjali li ta’ min wieħed iġemmagħhom. Maħduma mill-bidu sat-tmiem bl-idejn, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tiwi u ħjata, huma wkoll eżempju ta’ sostenibbiltà, bil-qoxra ta’ karta Taljana magħmula mill-fdalijiet tal-alka tal-baħar ta’ Venezja, u l-faxxetta u l-paġni vojta ħadrana li jżommu bejniethom it-test, mill-ilbieba taż-żebbuġ. Għal darb’oħra, l-istess daqs u l-istess prezz, kif jixraq lil kullana, b’għaxar ewro l-ktieb prezz popolarissimu għal biċċa artiġjanat unika. 

Lil hinn minn xogħol l-idejn, hemm ix-xogħol tal-moħħ. L-edizzjoni hija kkurata u editjata minn Antoine Cassar, poeta stabbilit u anki rebbieħ tal-Premju bil-Ktieb b’Erbgħin Jum fl-2017 (pubblikazzjoni Ede wkoll), li jgħidli dwar ix-xogħol u s-sodisfazzjon ta’ din l-attività ġdida li qabad flimkien ma’ Zvezdan Reljić, l-idejn ħajjata imma anki l-moħħ kreattiv ibaqbaq wara l-impriża. Is-sensiela tiftaħ bl-ekwilibriju ġenerazzjonali wkoll, bi tliet poeti stabbiliti, Leanne Ellul u Nadia Mifsud, minbarra Cassar stess li jerġa’ joħroġ edizzjoni aġġornata ta’ xogħol bikri, kif ukoll żewġt ilħna ġodda bl-Ingliż – Davinia Hamilton u Sam Alekksandra – flimkien mal-ġawhra mod ieħor tal-kollezzjoni tat-tpinġijiet ta’ Rebecca Bonaci, test bla kliem li jitkellem daqs l-oħrajn.  

L-idea kuratorjali ta’ Cassar hija waħda sempliċi daqskemm maħsuba u preċiża: il-kwalità u r-rispett, anki fil-manuskritti potenzjali li tirċievi d-dar tal-pubblikazzjoni u fix-xogħlijiet li se tkompli tfittex għall-pubblikazzjoni perjodika regolari. Minbarra l-impenn neċessarju mill-kittieba prospettivi li ġa jridu jippreżentaw xogħol serju u potenzjali minn qabel, importanti wkoll għal Cassar li kull ktejjeb jinħass bħala xogħol sħiħ, u mhux sempliċi kampjun: ħaġa li tidher fix-xogħlijiet kollha, imma speċjalment f’ta’ Nadia Mifsud, għal qalb ħafna l-kuratur. Idea oħra li ħarġet mit-taħdita tiegħi ma’ Antoine hija r-rilevanza dejjem akbar tan-nisa, li fis-sensiela s’issa jagħtu ħamsa u tidwira lill-irġiel, u li għalih mhux kumbinazzjoni din il-predominanza. Xejra li skont Cassar ilha għaddejja għadd ta’ snin, fejn in-nisa donnhom qed jipproduċu aktar, u għandhom aktar x'jgħidu. Tant hu hekk, li fil-lott li jmiss tas-sensiela, se jkun hemm żewġ chapbooks li huma reazzjoni diretta għall-każ ta' femiċidju li seħħ xahrejn ilu - wieħed minnhom miktub minn raġel. 

L-ilħna ġodda ta’ min jissemmew għalihom ukoll, għaliex interessanti, anki minħabba l-espressjoni bl-Ingliż li donnha tista’ anki sservi ta’ indikazzjoni għal żviluppi ġodda għall-poeżija bil-Malti. Filwaqt li Ellul u Mifsud, nagħtu kas, donnhom qegħdin jimxu b’xi mod fit-tradizzjoni iżda issa b’leħen li jittanta jistabbilixxi ruħu wara tant snin ta’ nisi tal-kategorija espressiva femminili, l-użu tal-Ingliż f’Hamilton u Alekksandra jaf inqas inibizzjonijiet, dejjem esplorattiv u ma jiddejjaqx jittanta l-limiti, l-aktar minħabba l-globalità tal-ilsien. Xogħolhom jinħass aktar kożmopolitan u jiġbed mill-waqtiet tal-ħajja ta’ kuljum li jitgħabbew tqal bit-tifsir, bi xbihat wisq anqas klassiċi jew inkella kunċettwali, fejn spiss huwa l-oġġett ‘prożajku’ osservat li kapaċi jqanqal il-potenzjal metaforiku. 

Lura għat-tbassiriet f’era donnha diżastruża. Jidhirli li hemm possibbiltà li l-kittieba ġodda jibdew dejjem jiggravitaw aktar lejn dawn id-djar iż-żgħar, fejn isibu aktar kura personali u forsi anki ftehimiet li jixirqilhom aktar, kif ukoll forma mod ieħor ta’ kooperazzjoni fir-rigward tal-ħdim tal-kunċett u tal-promozzjoni. Jafu jitbiegħdu għalhekk mill-pubblikatur imprenditur storiku, li forsi jibda jikkonċentra aktar fuq dak li tassew iġiblu l-akbar qligħ, filwaqt li jibqa’ samm u siewi f’din l-ekosistema aktar żviluppata u diversa tal-ktieb Malti. Kemm se jinqraw? Dik għad irridu narawha: għax jaf id-dar żgħira taf min huma l-qarrejja kollha potenzjali, biex b’hekk anki tiżgura s-sostenibbiltà fil-lat tal-manifattura, il-produzzjoni u anki t-tiraturi finali tal-ktieb konkret, iżda forsi mingħajr ir-riżorsi tal-kbar (li xorta huma limitati għall-aħħar), it-tixrid fil-wisa’ jista’ jbati. In-nuqqas ta’ konkorrenza fid-distribuzzjoni u l-bejgħ bl-imnut, kif ukoll it-tariffi eżorbitanti tal-monopolji, qegħdin ukoll ibiegħdu lill-kittieba mid-distribuzzjoni l-kbira. Għalhekk, għandek il-każ partikolari ta’ Marta Marta ta’ Loranne Vella, biex nagħtu eżempju ta’ ktieb li jidħol sparat fil-kanonu, u anki Sajf ta’ Falzon, li ssibhom għand il-Kixott/Ede Books, Mallia & D’Amato, u mkejjen speċjalizzati oħra, imma x’aktarx mhux għand il-librar tat-toroq ewlenin jew l-istationer tar-raħal.  

Il-kullana taċ-chapbooks Ede Books tista’ tiġi akkwistata mingħand il-Kooperattiva Kixott, 169 Triq il-Kbira, il-Mosta, inkella minn fuq is-sit tal-Kixott/Ede Books edebooks.eu/chapbooks  

Il-kullana ġa qed tipprepara l-erba’ kotba li jmiss, u daqt se tiftaħ sejħa għax-xogħlijiet, b’interess ukoll fin-novelli, l-esejs u d-drammi qosra.  

More in Arti