Ritratti | Il-presepju Għawdxi jsib postu wkoll f'Bergamo fl-Italja

F'ambjent ta' pjazza tipika Għawdxija, f'Bergamo qed tittella' wirja ta' 31 presepju, maħduma b’reqqa minn artisti Għawdxin u Maltin

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura l-wirja ta’ presepji organizzata mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju - is-Sezzjoni ta’ Għajnsielem, f’Bergamo, l-Italja, u li qed tittella’ f’ambjent ta’ pjazza tipika Għawdxija.

Xejn inqas minn 31 presepju, maħduma b’reqqa minn artisti Għawdxin u Maltin, huma għall-wiri f’din il-belt Taljana li għandha tradizzjoni sinjura marbuta mal-presepju tradizzjonali. L-esebiti jinkludu presepji, dijorama u skultura ispirati mill-pajsaġġ Għawdxi u Malti.  

Fil-ftuħ tal-wirja il-Ministru Clint Camilleri qal li din l-esebizzjoni qed toffri pjattaforma għall-artisti li qed jipparteċipaw, kif ukoll ser isservi ta’ vetrina biex il-pubbliku Taljan jesperjenza b’mod diferenti, iżda mill-viċin, l-ambjent Għawdxi ispirat mill-pjazez tal-irħula tagħna. 

Fakkar li kemm Għawdex kif ukoll l-Italja għandhom tradizzjonijiet tal-Milied simili u li jmorru lura mijiet ta’ snin. Hu kompla jgħid li dawn it-tradizzjonijiet mhux biss għandhom jiġu preservati imma importanti li jingħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri. 

Il-Ministru għal Għawdex Camilleri temm jgħid li okkażjonijiet bħal dawn huma ta’ importanza biex tikber ir-rabta li diġà hi b’saħħitha bejn Malta u l-Italja, u joffru lok ta’ aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni fil-futur. 

Il-wirja tbierket mill-Mons. Anton Theuma, Isqof ta’ Għawdex.

More in Arti