Kotba | Meta jiktbuli l-kittieba

Mark Vella jirrifletti dwar il-mumenti meta l-kittieba jirreaġixxu direttament għar-reċensjonijiet tiegħu: storja tinkiteb li kapaċi tikxef aspetti interessanti tal-universi diversi tal-kitba

Xogħol ir-reċensur ħidma solitarja. Nimmaġina bħal tal-imgħallem li ma jistax jitħabbeb iżżejjed mal-ħaddiema ma jmurx jitlef l-awtorità neċessarja. Iktar milli kritiku akkademiku jaħdem f’qafas ta’ riċerka, ir-reċensur, skont gradi differenti, jista’ jfisser ix-xorti ta’ ktieb jew kittieb (dejjem skont il-kuntest partikolari: kemm tiswa kelmtu f’Malta mhux qarrejja, nagħtu kas?). U skont stili differenti, jaf jibni u jħott, jaf joħla xi ftit il-morr, u drabi anki jinkwadra x-xogħol f’ottika li ttih sens akbar jew inkella li tista’ tmexxi sew il-kittieba sew il-qarrejja lejn esperjenzi ġodda ta’ kif jaffrontaw it-test.

Lil hinn mill-poteri (im)probabbli tar-reċensur, potenzjalment maħbub u mibgħud sew mill-pubblikaturi sew mill-kittieba potenzjalment imbeżżgħin, il-kritika (mifhuma fis-sens aktar popolari tagħha) biċċa xogħol antipatika. Speċjalment f’Malta, fejn spiss se titkellem dwar nies li taf u li anki jistgħu jkunu ħbieb jew individwi li tirrispetta. Jeħtieġ għalhekk — simili għar-relazzjonijiet stretti li jkollu jżomm psikologu mal-klijent biex jevita l-famuża relazzjoni dual relationship, jew bħall-imħallef u l-maġistrat li suppost ma tantx ikollu okkażjonijiet ta’ mondanità — anki r-reċensur jeħtieġlu jżomm id-distanzi. Ma jkellimx daqshekk lill-awturi jew jidħol f’kunfidenza żejda magħhom; iżomm kuntatt neċessarju mal-pubblikaturi, imma forsi lanqas b’daqstant intimità; kollox f’ġieħ il-ġustizzja tal-ġudizzju, u lanqas, ngħidu aħna, ma jirreaġixxi għall-kritika li xi darba tista’ tqum għall-kritika tiegħu.

Imma hemm drabi fejn il-kittieba jiktbulek. U għal diversi raġunijiet, ħafna aktar varji milli tista’ tissoponi, almenu fl-esperjenza tiegħi. Wieħed mill-ewwel kummenti li wasalli kien minn Ġużè Stagno, li bil-mod lapidarju u ironiku li jibqa’ magħruf għalih, issuġġerieli li r-reċensjonijet tiegħi x’aktarx jagħmlu l-kotba li nitkellem dwarhom aħjar milli verament ikunu. U mbagħad ikun hemm min jaqrak, jekk mhux biex ‘jitgħallem’, biex aktar jesplora kitbietu stess u kif kapaċi jarawhom il-kritiċi u l-qarrejja: Karl Schembri, wara li tkellimt dwar Il-Manifest tal-Killer, irrimarkali li kien apprezza dak li fhimt bħala metafora tas-soċjetà ċivili x-xbieha ċelebri fir-rumanz tat-tigra meħlusa.

Kulħadd insomma jara dak li jrid, u wara li tkun ktibt li ktibt, ir-reċensur forsi jmut daqs l-awtur, u tħalli l-kitba tieħu s-suriet li għandha tieħu. Ikun hemm min ma japprezzax li ktibt, jew li inkella jiddiżappuntah il-ġudizzju tiegħek. Bilfors, u bosta ma jwiġbux imma jibqgħu siekta, jew b’dinjità inkella b’diżappunt forsi kemxejn mgħaddab: nitkellem mill-esperjenza, għaliex anki jien forsi kont bqajt taħt il-mannara ta’ ċertu kritika li, għalkemm mhux li qatgħetli rasi għal kollox, imma forsi ħarġitli qatra demm wara li ħriġt l-uniku rumanz tiegħi.

Imbagħad, hemm min jirreaġixxi, jiktiblek, anki jekk mhux direttament. Imma tentattiv ta’ indirizz jew kuntatt bil-valur effettiv tiegħu, għaliex x’aktarx tentattiv għad-djalogu. Il-ħajja mgħoddija tiegħi bħala pubblikatur ma kinitx nieqsa mill-polemiki, li jaf kont nikolhom bħall-ħobż, imma f’dan ir-rwol forsi żżomm sieket, bis-sodisfazzjoni li hemm reazzjoni li taffrontaha billi tinża’ minn kull vanità li jista’ jkollok, u tapprezzaha għall-potenzjal li jaf ikollha biex tkompli ttawwal id-diskussjoni. Hekk ġara bl-aħħar reċensjoni tiegħi ta’ Belgħa Te ta’ Paul P. Borg, li ħa l-iżbriga li jikteb tweġiba għar-reċensjoni xxaqleb lejn in-negattiv li kont ħriġt ftit qabel. Reazzjoni li ġiet ippubblikata mill-Illum, x’aktarx bħala dritt għar-risposta, u li kont għidt lill-Kunsill ixandarha wkoll online biex ma tintilifx fil-bqija tal-aħbarijiet, u li kienet

miżgħuda punti interessanti għal diskussjoni li, madankollu, ma kienx kompitu tiegħi nkompliha. Għax, malli bgħatt l-artiklu, bħal ma għidt ftit ilu, kont ġa mitt.

Hemm kittieba u kittieba. Hemm min se jieħu għalih, jew hemm min se jiktiblek għax irid jgħid tiegħu, jew jippreċiża, jew min jaf, itaffi xi dannu kontrih li għandu mnejn jipperċepixxi. Sitwazzjoni dejjem antipatika, insomma, u anki r-ringrazzjamenti u t-tifħir jafu jkunu imbarazzanti, anki fuq livell personali.

L-aħħar korrispondenza li waslitli kienet minn Joe Camilleri, kittieb għalija mhux apprezzat li tajtu żewġ reċensjonijiet pożittivi, imma li ħadt falza stikka meta għidt li Mużajċi tat-Tafal ma kienx shortlisted għall-Premju tas-sena li għaddiet. Il-preċiżazzjoni tiegħu waslet fis, u ħadt gost li kont żbaljat, minkejja li nżomm sod mal-fehma li esprimejt li Camilleri mhux se jirbaħ wisq premji, anki għax jaf injorat minn ċertu kritika. Camilleri — u hawn m’jien nikxef xejn kunfidenzjali imma diskorsi li jsiru ta’ kuljum fil-qasam tagħna — semmieli ħemel kritiċi li kkumentaw dwaru, imma ta’ min xi darba nitkellmu dwar il-klassifiki tal-kittieba u l-kritiċi. Mhux neċessarjament klikek, kif forsi jimmaġinaw dawk li ma jilħqux l-għeneb, imma hemm analiżi u analiżi, u forsi l-kittieba ta’ min jagħrfu l-kwalità tal-kummentarji aktar milli l-kwalità tagħhom.

Insemmi l-ittra twila u interessanti li bagħatli Camilleri għas-sempliċi fatt li tolqot diversi ħsibijiet li jkolli jien u naqra u nikteb, anki dak li dan l-awtur kitibli dwar l-inklużjoni fil-‘każelli’, li forsi jien iffissat biha bħala deformazzjoni professjonali u l-bżonn dejjiemi tiegħi li nikklassifika u norganizza biex nifhem aħjar. Imma jkolli ngħid li dan jaf wieħed mill-perkaċċi strambi ta’ xogħli, fejn il-kitba tal-kittieba tikxef dinjiet oħra mhux mistennija li jwasslu storja tinkiteb unika u illuminanti.

More in Arti