Jirritorna l-ispettaklu Cirque Du Soleil f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi

It-tema għal din is-sena hija “Amora”, u bħal snin preċedenti hija produzzjoni li qed issir b’mod li tesponi l-karatteristiċi kulturali ta’ pajjiżna. Fil-fatt, Cirque Du Soleil ser tkun qiegħda tieħu lill-udjenzi fi vjaġġ ta’ mħabba fit-toroq tal-Belt Valletta

Bejn l-24 ta’ Novembru u t-18 ta’ Diċembru ta’ din is-sena ser ikun qiegħed jirritorna l-ispettaklu akrobatiku u artistiku ta’ fama mondjali Cirque Du Soleil, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.

It-tema għal din is-sena hija “Amora”, u bħal snin preċedenti hija produzzjoni li qed issir b’mod li tesponi l-karatteristiċi kulturali ta’ pajjiżna. Fil-fatt, Cirque Du Soleil ser tkun qiegħda tieħu lill-udjenzi fi vjaġġ ta’ mħabba fit-toroq tal-Belt Valletta, fejn it-tali toroq ser jingħataw il-ħajja permezz ta’ elementi akrobatiċi mżewqa b’karattri kurjużi, fi produzzjoni spettakolari li ser tkompli ssaħħaħ il-prodott turistiku f’xhur magħrufa għall-bidu tal-festi tal-Milied.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Uffiċjal għall-Komunikazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Noel Zarb.

Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq dwar kif Cirque Du Soleil huwa konferma oħra ta’ kemm il-prinċipji tal-kwalità u l-kwantità fid-dinja turistika qegħdin jimxu id f’id flimkien.

“Ninsabu ottimisti li l-esperjenza artistika ta’ Cirque Du Soleil ser tkun qiegħda tattira iżjed turisti lejn pajjiżna. L-industrija turistika Maltija ma tagħlaqx fix-xhur tax-xitwa minħabba li matul l-aħħar snin irnexxielna ntejbu l-istaġjonalità permezz ta’ avvenimenti intiżi li jattiraw diversi niċeċ ta’ turiżmu lejn il-Gżejjer Maltin”, kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

Huwa żied jgħid li l-ħidma kontinwa tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda tiġi sostnuta b’ippjanar serju biex jiġi assigurat li t-turiżmu lejn pajjiżna jibqa’ sostenibbli għaż-żmien li ġej.

L-Uffiċjal għall-Komunikazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Noel Zarb qal li Cirque Du Soleil mhux biss ser ikompli jsaħħaħ il-kalendarju kulturali Malti iżda anke l-prospetti tal-family tourism– niċċa turistika li kull ma jmur qiegħda tikber fl-interess għar-rendiment turistiku ta’ pajjiżna.

More in Arti