Kotba | Fil-qosor

Mark Vella jgħaddi siegħa jqalleb f’Il-Ħamsin, antoloġija ta’ novelli minn 24 kittieb u kittieba jiċċelebraw il-patrimonju kulturali ta’ ħamsin sena tal-Klabb Kotba Maltin. 

L-istedina ċelebri ta’ Peppi Azzopardi waqt Xarabank dejjem kien fiha x’tomgħod, tant li daħlet qisu xejn fi lsien il-poplu. Sikkina taqta’ minn żewġ naħat, għax il-konċiżjoni hija tassew talent tal-ftit u tant essenzjali għall-ħinijiet stretti tat-televiżjoni, iżda fl-istess ħin, ir-realtà forsi wriet xort’oħra. Il-qosor bħala skuża biex wieħed ma jidħolx fil-fond, in-nuqqas ta’ sabar bl-iżvilupp ta’ argument, il-livellament gradwali għal kultura tas-soundbite, iddoqq urġenti u tigdem fil-fond sakemm tħossha tgħidlek biex ma tantx iġġibha bi twila, għax il-ħin ma jistenna ’l ħadd, u hemm ħwejjeġ aktar importanti minn ħsibijietek. Għalhekk... fil-qosor!

Illum, madankollu, jien ukoll qed nipprova nisfida lili nnifsi ma ntawwalx daqs is-soltu, għaliex Il-Ħamsin (KKM, 320) huwa tassew iċ-ċelebrazzjoni tal-qosor — ejja nsejħulu l-qosor it-tajjeb — li huwa l-essenza tal-ġeneru tan-novella. Ġeneru prolifiku għall-aħħar, kważi kważi l-ġeneru narrattiv naturali, għaliex ħafna mill-istejjer li nirrakkuntaw lil xulxin tassew jiddependu mill-qosor strateġiku u l-mod kif norganizzaw l-elementi tar-rakkont tagħna f’tagħqida ideali ta’ ħin limitat u effett aħħari li jħalli d-daqqa: miċ-ċajt sar-rakkont dwar il-praspura tal-bieraħ, jew anedottu li jżommok. Ilsienna wkoll donnu fih it-twissijiet lejn il-konċiżjoni u l-ekonomija bħala talenti: insomma, biex ma ntawwalx... hija spiss l-istqarrija dubjuża ta’ min se jdum ġej biha u x’aktarx qed jinduna li qed jitlef ’l-udjenza. U għalhekk il-qosor, lil hinn mill-essenza fil-fliexken iż-żgħar (li mhux bilfors għandha daqshekk x’taqsam, wara kollox) isir kwalità u talent.

Il-Ħamsin jiċċelebra, permezz tan-novella, il-ħamsin sena mit-twaqqif tal-Klabb Kotba Maltin, id-dar tal-pubblikazzjoni storika, attiva s’issa, maħluma minn Pawlu Mizzi. Miġbura u introdotta minn Ġorġ Mallia, l-ewwel impjegat tad-dar lil hinn mill-familja Mizzi, kif ukoll b’daħla ta’ Joe Mizzi, iben il-fundatur u bħalissa mexxej tad-dar, tiġbor tista’ tgħid xi wħud mill-aħjar kittieba Maltin, li lkoll ippubblikaw xi darba jew oħra mal-KKM u li l-isfida għal din l-antoloġija ħelwa hija li b’xi mod kellhom joħolqu storja b’rabta man-numru ħamsin.

Lil hinn min-novella, li nerġgħu għaliha daqt, għax illum ġejja għall-qosor, il-pubblikazzjoni hija wkoll xhieda importanti, monument ċkejken, għall-ħidma unika u imprezzabbli ta’ Pawlu Mizzi, eroj ta’ żminijietna li ħolom, anki kontra kull twissija ‘sensata’ għall-prudenza, li joħroġ ktieb Malti fix-xahar bħala l-ewwel esperjenza tiegħu fi-deżert tal-pubblikazzjoni Maltija. Mill-pubblikazzjoni ta’ Il-Gaġġa ta’ Frans Sammut, in-numru 1 għal dak li beda essenzjalment bħala klabb tal-qari, id-dar żviluppat f’ditta storika u impriża familjari li ddettat b’awtorità, iżda dejjem b’umiltà, ix-xorti tal-ktieb Malti. 

L-24 novella ta’ Il-Ħamsin huma ritratt preċiż tal-qagħda tan-novella u tal-kreattività narrattiva Maltija bħalissa. Ritratt li, lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet akkademiċi individwali li fl-aħħar mill-aħħar ma jinteressawx ’il wisq nies, huwa wieħed sabiħ, interessanti u varjat. Ċertifikat ta’ saħħa għall-kitba Maltija u għal ġeneru mill-aktar produttiv, sew storikament — spiss anki bħala pjattaforma għal ktieb debuttant biex jagħti l-ewwel sprints qabel it-tellieqa t-twila — kif ukoll attwalment. Anki l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, minkejja l-importanza dejjem mogħtija lir-rumanz bħala kategorija prestiġjuża, konsistentement juri produzzjoni interessanti ta’ ġabriet ta’ rakkonti qosra minn varjetà interessanti ta’ awturi, sew ġodda sew stabbiliti.

Il-Ħamsin, għalhekk, ġa għandu l-valur ewlieni bħala dokument ieħor ewlieni, fost diversi antoloġiji oħra, li jimmarka mument ieħor mill-istorja tan-novella, ir-ritratt li semmejna fuq. Fl-istess ħin, il-qawsalla ta’ awturi mistiedna biex jikkontribwixxu għal dan ix-xogħol hija interessanti għall-aħħar, b’bilanċ sew bejn l-etajiet u l-karrieri, kif ukoll fl-istili u l-attitudnijiet. Mill-aħħar tal-ġenerazzjoni ‘modernista’ , bħal fil-każ ta’ Charles Casha u Trevor Żahra, sal-ismijiet il-kbar tal-lum bħal Immanuel Mifsud u Alex Vella Gera, u bejniethom xogħlijiet dejjem ta’ min jirrimarkahom ta’ kittieba bħal Jean Paul Borg u Steve Borg, fost bosta oħrajn.

Odjużi l-paraguni, inġust it-tqabbil, u speċjalment għal pubblikazzjoni bħal din, li hija pjaċir għall-qari għal diversi kategoriji ta’ qarrejja: mhux biss għall-kritiku u l-istoriku tal-letteratura, imma għall-qarrej tipiku li, jien u naqra dawn il-ktibiet ‘bħala xogħol’, kważi ngħir għal kull qarrej ieħor li jintefa’ fuq pultruna jqalleb f’dan il-ktieb, jiskopri storja wara l-oħra. Għalhekk niddejjaq daqsxejn insemmi l-ismijiet individwali, għaliex kull rakkont huwa esperjenza fih innifsu, u anki fil-mumenti fejn il-kitba forsi mhijiex waħda innovattiva jew speċjali, joħroġ dejjem il-pjaċir tar-rakkont, daqslikieku msakkra fl-intimità mal-kittieba jpespsulek f’widnejk storja għalik biss.

Ta’ min ngħidu, għal darb’oħra fil-qosor, li r-ritratt tal-kitba qasira Maltija, juri b’xi mod persistenza tar-rakkont tradizzjonali, miktub dejjem tajjeb u sodisfaċenti, iżda li b’xi mod jibqa’ limitat sew għal ftit temi kif ukoll bla ebda interess f’mod differenti kif wieħed jesplora r-realtà. Donnha inkonxjament ukoll l-attitudni li jagħraf Ġorġ Mallia li fid-daħla jitkellem dwar ir-rakkonti u l-kittieba skont it-temi, tant li spiss in-novella bħala ġeneru titqies skont il-kejl żbaljat tal-‘messaġġ’ jew tat-‘tema’, lil hinn mill-istrateġija tar-rakkont u kif jirnexxielha tgħawweġ ir-realtà.

Għal din ir-raġuni, baqgħu impressjonati f’moħħi x-xogħlijiet ta’ Mifsud u Vella Gera, apparti oħrajn ta’ kittieba żgħażagħ kontemporanji, għall-mod oriġinali kif affrontaw it-tema u għad-direzzjonijiet il-ġodda li juru għar-rakkont Malti. Għandhom mnejn baqgħu f’moħħi wkoll għax forsi ftit wisq fil-konfront tal-istorja ħelwa u mansa li, minkejja li tajba, tissogra tirrelega l-ġeneru għat-timbru li tant jiġġieled biex jinqala’ minnu, dak tal-‘mogħdija taż-żmien’. Iżda, għal darb’ oħra, Il-Ħamsin mument importanti u ta’ min jinqara: il-pjaċir tal-iskoperta ta’ storja wara l-oħra, it-tisdiq tar-rakkuntar tradizzjonali xieraq għal żmienna, id-direzzjonijiet interessanti għal dak li jista’ jkun il-futur qarib, f’qasir żmien, tal-ġeneru l-qasir.

More in Arti