Kotba | Mario u jien

Mark Vella jagħti ħjiel tar-relazzjoni ambigwa li kellu ma’ Mario Azzopardi, fejn jitraċċa fil-qosor il-mogħdija mill-adorazzjoni tal-idoli għal meta tħabbat wiċċek mar-realtà. Fl-2002, safa avversarju tal-Mulej, minkejja li qatt ma ltaqgħu, f’korrispondenza taħraq tul sajf jikwi li kien xprun ewlieni għat-twelid ta’ letteratura li, jekk mhux ġdida għal kollox, xtaqet tkun mod ieħor.

L-ewwel darba li tqabbadt nikteb artiklu dwar kittieb li kien għadu kemm miet, iċċappast b’libell li domt mal-ħames snin biex ninħeles minnu. Fost il-pernijiet tal-kwistjoni kien hemm ukoll, kif stqarr xi mkien il-kwerelant dak iż-żmien, li kien infra dig li l-‘intellettwali’ jitkellmu kontra xulxin. Bil-Malti, biex nispjegaw dal-Latiniżmu Britanniku, jiġifieri li ma jixraqx li, fi ħdan il-ġgajta żgħira ta’ dawk li xogħolhom hu esklussivament tal-ħsieb jew tal-arti, ikun hemm kunflitti jew ġlidiet imnebbħa minn dan l-istess tħaddim tal-ħsieb.

Din l-asserzjoni, ironika fl-omertożità tagħha, xogħfitni sew. Ġarrabt ukoll il-qawl modern li jwissik biex qatt ma tiltaqa’ mal-idoli jew mal-eroj tiegħek, għax ir-realtà taf tweġġgħek u tkissirlek kull mit li stajt bnejt int u tixtarr il-paġni jew l-għemejjel tagħhom. Il-mewt, ngħiduha, iġġibna f’sensina, u mhux biss tfakkarna f’dik eventwali tagħna, iżda xxejjen, anki jekk għal ftit, il-ħuġġieġa tal-vanitajiet li tant inħobbu nissaħħnu magħha. Madankollu, fil-każ ta’ figura bħal Mario Azzopardi, artist u intellettwali ġgantesk (iżda, għala le, anki bosta oħrajn), ma tkunx onestà intellettwali jekk dak li jkun joqgħod lura milli jistħarreġ personalità bħal din fil-kumplessità u l-waqtiet kontradittorji tagħha. 

Huwa, fil-fatt, dan l-aġir li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jrodd l-eternità lil moħħ u spirtu li ż-żminijiet li qed ngħixu bħalissa għadhom ma raddewx wisq bħalu, u li jkompli jħabbar it-tmiem ta’ żmien fejn l-intellettwali kien għad għandu rwol ta’ importanza, anki jekk minimu, fil-fasla tas-soċjetà Maltija. Huwa wkoll il-pass neċessarju biex jinżamm sħiħ il-legat tal-bniedem, li jissaħħaħ bid-diskussjoni dwaru aktar milli bl-eloġju aġjografiku li jiżvinta wara ftit u jħalli biss it-tifkira dejjem imċajpra ta’ dak li eventwalment jisfuma f’fantażma. 

Lil Mario, u din l-ewwel darba li qatt sejjaħtlu b’ismu, kont nafu u ma kontx nafu. Billi ma kontx studjajt il-Malti formalment, u l-eżami kont għamiltu għal rasi wara li tlaqt mis-Sixth Form fejn kont għamilt sentejn fuq linja oħra, qatt ma kelli l-okkażjoni li nkun student tiegħu, u għalhekk qatt ma għamel bija l-appell messjaniku li kellu fuq bosta, u li bir-raġun issa qed jissarraf f’diversi reminixxenzi fuq il-midja soċjali. Dan it-tbegħid jista’ jkun li serva biex f’għajnejja jkun eroj tassew: jaf ħsibtu ġgant minkejja li ma kienx, bħalma jwissi lil ibnu tarbija tal-idejn f’poeżija ċelebri (li jaf kienet ukoll ix-xprun li qatt ma jkolli tfal, tant baqgħet itektek f’rasi, anki sal-lum). 

Mario Azzopardi kien mit fi żmienu, forsi anki mibni minnu stess. Fid-dehra tiegħu, kien ġa bil-wisq differenti minn sħabu, ix-xagħar twil u d-daqna nieżla mal-wiċċ imgħaddam u l-geddum mislut li lill-‘Mulej’ żgur kienu jqarrbuh minnufih ma’ ġenerazzjoni żagħżugħa li qed tipprova ssib saqajha fil-fixla ta’ qabel l-adultezza. U minkejja li qatt ma kelli l-privileġġ nitgħallem mingħandu u nħallih jixprunani u jisfidani, bħalma ġara lil bosta, kien żgur il-leħen fid-deżert li kont imxennaq għalih. L-anedotti dwar il-bniedem kellhom dejjem dik l-awra mitika, u sa almenu tletin sena wara, kien għadu emblema tar-rivoluzzjoni tas-sittinijiet u li qorob l-aktar lejn l-isterjotip barrani li l-kollegi aktar timidi tiegħu qatt ma waslu tassew għalih. Imma lil hinn minn dan, l-arti tiegħu kienet għal ħafna minna bħal vleġġa li tinfed il-qalb, u tiftaħlek ġerħa li ma tfiqx minha kif ġieb u laħaq. 

Azzopardi kien x’aktarx wieħed mill-aħħar poeti li kont bqajt naqra, wara li bdejt nitbiegħed tikka tikka mill-aġġornament mal-poeżija. Bqajt insegwih żgur sa Noti mis-Sanatorju tal-Mistiċi (1993) li jaf kien quċċata tal-produzzjoni tiegħu, anki fis-sens ta’ espressjoni dejjem aktar rarefatta, iżda li xorta kienet baqgħet timraħ lejn irkejjen ġodda u ssaqsi b’aktar insistenza dwar l-essenzjalità tal-eżistenza. Iżda, anki kif qed nara mill-memorji ta’bosta, Azzopardi l-bikri jibqa’ dak li daħal sew fil-qlub u l-memorja, anki permzz tal-inklużjoni ta’ xogħlijiet emblematiċi fis-sillabu, u li bħala għalliem niftakarhom bħala mumenti speċjali għall-aħħar li l-istudenti kienu jixorbuhom. Poeżiji li ma jintgħallmux bis-superfiċjalità tal-amment, imma li jidħlu fil-fond u li jħallu xbiha, bħal tal-aħwa mneżża’ quddiem il-friskatur ta’ Demgħat tas-Silġ, fost ħemel oħrajn, li ssir aktar minn xbiha imma leħħa li tinfdek fil-qalba u ma tħallik qatt.

Minbarra dawn il-mumenti ta’ gost u sfida kritika, speċjalment int u toftoq, anki mal-istudenti, drabi ftit kliem minsuġa f’sorra tifsir u potenzjal, Azzopardi kien ukoll l-ikonoklasta prim, u dan sa tmiem il-karriera produttiva tiegħu. Lejn l-aħħar tas-seklu, kien qasam il-kamra politika għal kollox, u d-disgħinijiet jarawh bħala Ewropeista konvint li jinħall mill-qrubija storika mal-Labour Mintoffjan, jiċħad lil Sant, u jsir tista’ tgħid il-moħħ tax-xeħta kulturali Nazzjonalista. L-idea tal-Ewropa ta’ Azzopardi, anki jekk essenzjalment waħda kulturali li tiġbed mill-qawwa ratba tal-UE f’dan il-qasam, kienet xorta waħda infurmata bil-kontenuti, anki jekk mhux bilfors teknika, u l-kitbiet u l-ħsibijiet li kienu bdew jidhru b’regolarità fuq il-gazzetti tal-PN, sew fis-supplimenti kulturali Fokus u Spektrum kif ukoll fil-ħidma tal-Forum 21 – koalizzjoni interessanti ta’ intellettwali jittantaw iħejju għall-millenju l-ġdid – kienu jindikaw Malti li kontinwament iħares lil hinn u lejn id-dinja, sikwit issoffokat mill-għeluq mentali Malti.

Ftit huma dawk li huma ħielsa għal kollox, u dibattitu eventwali dwar id-dimensjoni politika ta’ Azzopardi tista’ anki tittratta kif żviluppaw appartenenzi ideoloġiċi li essenzjalment kienu partitiċi, bil-konsegwenzi li dan kollu jġib miegħu. Imma fil-ħelsien tal-ħolqien, Azzopardi kien fl-aqwa tiegħu, għaliex mhux biss il-kontribut letterarju tiegħu kien dak li laqat bosta mħuħ imma, fil-każ tiegħi u żgur ta’ oħrajn, il-mod kif kien kapaċi jaffronta l-baqar sagri b’wiċċu minn quddiem, xi drabi kważi b’disprezz li jikkuljuna lill-oġġett eżaminat, u li ma jiddejjaqx jgħidha kif inhi. Mhux biss il-parteċipazzjoni f’rivoluzzjoni letterarja li ħaditha kontra l-antiki jew id-dominanza programmatika ta’ Ġużè Aquilina (għalkemm il-Moviment Qawmien Letterarju kien ukoll artefiċi ta’ awto-mitizzazzjoni li damet tkarkar is-snin), iżda anki t-tbiċċir jaqta’ fil-laħam il-ħaj tal-figura ta’ Dun Karm, maħruġ kważi bħala aġent tal-kolonizzatur, kif ukoll, aktar reċentament, l-istudju li ma niżel xejn mal-emigranti tal-Awstralja dwar il-produzzjoni kulturali medjokri tal-akbar komunità Maltija msiefra.

Kien hemm min kien isejjaħlu l-imqareb tal-letteratura, l’enfant terrible.  Però t-tfal jeħtieġ jikbru wkoll, imma Mario kien ħadha bi kbira wisq meta Ġużè Stagno, flimkien miegħi li kont qed nippubblikalu Nbid ta’ Kuljum, ittantajna nieħdu dak il-laqam-xettru għalina l-ġenerazzjoni l-ġdida, li bħal Mario fi żmienu konna wkoll xbajna mill-antiki. L-istorja tal-polemika letterarja tas-sajf tal-2002 nirrakkontaha fuq Facebook bl-artikli li kienu joħorġu Ħadd wara Ħadd fil-paġni tal-ittri u fis-supplimenti kulturali ta’ Il-Mument, uħud anonimi u b’astju u ħruxija li għalkemm kienu jdaħħkuna u jħeġġuna nkomplu nitfgħu l-ħatab, kienu b’xi mod idejquna wkoll. Kien jingħad li Mario kien imxewwex minn persuna partikolari, imma l-attakk tiegħu fuq Stagno u l-pubblikatur tiegħu, l-aktar għaliex issugraw iqabblu, fil-ħarsetta ta’ wara, lil Xlukkjar prinċipjant ma’ Camus u Salinger, kien spiċċa fetaħ bwieb is-sema u kaxkar li bosta oħrajn f’dan il-battibekk.

Kont bqajt b’togħma morra, iżda fl-istess ħin b’ammirazzjoni għan-nar li baqa’ jfernaq fil-poeta u fl-intellettwali li żgur ma tistax tgħid li ma kienx impenjat. Kien forsi ġa mietli idolu li niftakarni narah akkumpanjat minn qattus iswed waqt intervista ma’ Peppi (dak iż-żmien Joe) Azzopardi fuq Bir-Rispett Kollu, imma din it-tifkira ġġibli xenqa kbira wisq għal żmien fejn it-televiżjoni u r-radju, minkejja medjokrità ġeneralizzata, kien xorta jkollhom wisa’ (u ħafna, jkolli ngħid) għall-intellettwali, l-analiżi profonda, u d-diskussjoni attenta u kalma. Fil-każ, imbagħad, tal-polemika letterarja, jaf kien parti mill-uġigħ tal-ħlas tal-perjodu l-ġdid li qed ngħixu issa, u li Mario, minkejja li konna avversarji bilkemm nafu wiċċ xulxin, kien kompla jissielet sal-aħħar għal idea ta’ x’kellha tkun il-letteratura, kienet x’kienet, imma li kien jemmen fiha.

Il-polemika letterarja tal-2002 tinsab iddokumentata fuq il-paġna tal-Facebook,  Minima – Stejjer u polemiki mill-editorja Maltija: www.facebook.com/storjaminima

More in Arti