Kotba | It-tħassir tiegħek stess

Previously on Kotba... Stephen Lughermo l-ġimgħa li għaddiet ġie mistieden jieħu l-pass li jmiss, imattar siequ lejn ħondoq mhux magħruf. Iħabbatha sew miegħu bħala fanal lejn il-ġejjieni tal-ktieb Malti Matthew Schembri, li jintriga lil Mark Vella biex jistħarreġ il-vjaġġ tal-identità li jseħħ bejn Stessi u Ħassartek

Matthew Schembri
Matthew Schembri

Ikolli ngħid li kien qabiżli Stessi (Merlin, 2018) meta ħareġ kważi tliet snin ilu, u qrajtu biex nifhem il-kunċett ta’ Ħassartek, ippublikat dis-sena mill-awtur bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti. Din tal-aħħar hija pubblikazzjoni ġdida ta’ ktieb li mhuwiex: bħal ma jgħid aħjar Glen Calleja f’kumment fi tmiem il-volum, “huwa ktieb li la nistgħu ngħidu li nkiteb u lanqas li ma nkitibx.” Schembri jidħol għal esperiment mill-aktar innovattivi, u li anki jfakkarna fl-opri tad-Dadaiżmu, fejn l-awtur iħassar b’gomma kreattiva dak li kiteb ftit snin ilu u jżomm biss xi ftit mill-kliem l-oriġinali biex minnhom joħroġ ġabra poetika, li għandha mill-collage, il-vers projettiv , u l-kważi-koan Zen/kważi-ħajku, li xorta waħda għandhom kontemporanjetà kollha tagħhom u ma tixref l-ebda qima servili lejn xi influwenzi mill-passat modernista lokali.

Dan it-tħassir iwassal għalhekk għal opra għal kollox ġdida, li tista’ tinqara kif inhi minn min ma jafx bir-rumanz, u li ssir esperjenza aktar rikka għal min jaf l-opra ta’ Schembri b’mod organiku. Huwa tħassir li jħasseb, sew għaliex ovvjament ironiku iżda wkoll għaliex jiftaħ bwejba fuq il-proċessi kreattivi tal-kittieb, speċjalment dik il-kantina mudlama tar-rimorsi u l-‘li kieku’ li l-awtur ma jistax jaħrab minnha darba l-ktieb ikun telaq minn idu għall-konsum tal-pubbliku. L-ironija għandha mil-logħob, għaliex minn narrattiva b’bidu u tmiem, u essenzjalment b’għan, joħorġu xbihat għalkollox ġodda iżda li xorta waħda ttektek fihom l-oriġini tagħhom. Il-paġna mtertqa mill-gomma tal-awtur teqred storja li darba kienet, biex tipproduċi donnhom leħħiet ta’ kliem bl-addoċċ, li xorta waħda , kif imqiegħed strateġikament minn dan it-tħassir deliberat, iwasslu dwal intermittenti, jekk mhux ta’ tifsir veru u proprju, ta’ emozzjoni, sensazzjoni, u provokazzjoni mentali.

Wieħed jista’ jimmaġina lil Schembri anki jħassar xogħlu, lil hinn mill-gost tal-logħob u tat-tkewwis artistiku, b’xi forma ta’ herra, bħal meta qed taħdem somma u m’intix iġġibha tajba, u terġa’ tħassar biex tibda mill-ġdid u tgħatti kemm jista’ jkun fejn żbaljajt. Jaf ikun it-taħsir tar-rimors imsemmi fuq, jew inkella l-ħasil bil-broxk ta’ tbajja’ antiki li m’hemmx li jinqerdu. Iżda anki riflessjoni attiva dwar l-iżvilupp u l-maturità, mhux biss fuq livell artistiku imma anki fuq livell personali u uman. Stessi, bħal bosta pubblikazzjonijiet li qed jagħmlu ħoss dan l-aħħar, jibda bħala ‘manifatturat’, rebbieħ ta’ konkors ta’ kitba għal-letteratura għaż-żgħażagħ, liema konkors huwa x’aktarx imnebbaħ min-nuqqas f’dan il-qasam għal din l-età partikolari. Hija kategorizzazzjoni li taf tkun qarrieqa u li bilfors tiddetermina, u forsi f’dan il-każ tillimita, l-appell u r-riċezzjoni, u anki t-tifsir.

Għaliex Stessi, ismu miegħu, huwa ktieb dwar l-identità. Il-lixka jiblagħha ż-żagħżugħ kontemporanju ossessjonat bir-ritratti tiegħu nnifsu jiċċirkolaw fuq il-katalgu ta’ kull mikro-azzjoni ta’ ħajtu ddur fuq il-media soċjali, imma hawn qed nitkellmu dwar sintomu wisq aktar mifrux, li jolqot b’daqstant qawwa lill-adulti lil jiġbdu lilhom innifishom b’xufftejhom imbuzzati jirrekordjaw mument ieħor ta’ meta l-perfezzjoni apparenti tal-ħajja tista’ tiġi immortalizzata. Ambjentat fil-biċċa l-kbira fi skola, ir-rumanz jittratta l-ħajja ta’ żagħżugħ li madankollu qed jgħix espost għal kuntest akbar u aktar serju ta’ mard, tixjiħ u mortalità, bis-saħħa ta’ ziju eċċentriku li jtih rigal ta’ kamera tar-ritratti vjola, tipo Polaroid, li qabel kienet dejjem imdendla m’għonqu u ma kien jitlaqha b’xejn.

Hija magna djabolika li tieħu l-istessi meta jfettlilha u li ssir parti mill-protagonista u ma titilqu qatt. Qajla tista’ teqridha, kif jipprova jagħmel b’kull mod komiku missieru fil-qilla tal-mument, u tkellmek

u tikkmandak b’ton ikexkex li m’għandux wisq distanza, kollox ma’ kollox, mix-xitan li jipposjedi lil Regan, żagħżugħa impressjonabbli oħra, f’The Exorcist.

Ir-rumanz huwa adult kemm tridu, u l-ambjentazzjoni tfulija hija biss apparanti, espedjent għall-udjenza fil-mira, imma anki għodda perfetta biex tinfilza l-analiżi ta’ orrur modern, il-kriżi ġdida tal-identità. Jekk hiex xi ħaġa konxja min-naħa tal-awtur, wieħed ma jistax jgħid b’ċertezza, imma l-mottiv ewlieni jeħodna lura għal tematika li ilha magħna, bħal ta’ The Picture of Dorian Gray u l-ideat tal-eliżir tal-ħajja u ż-żogħżija eterna u saħansitra t-tema anċestrali tan-narċisiżmu. Fuq kollox, però, tfeġġ il-ħila tal-awtur li jżomm il-kumplessità, anki bil-mod kif jittratta n-narrazzjoni, u fl-ebda mument m’hemm ħjiel li se jaqa’ f’xi konklużjoni morali faċli li tagħlaq ir-rumanz rabta ċoff komda.

Din l-iskumdità, għalhekk, hija ċ-ċavetta tal-kitba ta’ Schembri, li taħt il-wiċċ apparentement innoċenti ta’ storja oħra għaż-żgħażagħ, tipproni problematika serja, fejn il-proċess tal-ħsieb żgur ma jiqafx malli jingħalaq il-ktieb. U jista’ jkun dan huwa l-punt fejn Ħassartek jaf jinftiehem aħjar ukoll, almenu parti minn ħafna tal-intenzjonijiet tiegħu. Fejn tibda u tieqaf l-identità tagħna, u kif nagħmlu sens mit-tiftixa għall-awtentiċità f’dinja ġdida li l-ħin kollu tixprunana lejn it-tiswir ta’ ħajjitna bħala spettaklu kontinwu? Għal darb’oħra, Schembri jirnexxilu jipprovoka dil-mistoqsija b’ekwilbirju bejn it-tema tal-popolarità fil-klassi meta l-karattru jsir ċelebrità minħabba l-praspar li ġġiegħlu tagħmel il-kamera, u mill-oħra t-traġedja ttektek tul in-narrazzjoni, imsejsa fuq ħajjet iz-ziju enigmatiku, li tfur fi tmiem li l-ewwel jagħli u jiżbroffa, imma li fl-aħħarnett iħallik tara l-konsegwenzi b’mod kiebi u sottilment inkwetanti.

Schembri irid jiġi nnutat anki għall-immaġinazzjoni, sine qua non ta’ kull awtur, imma li spiss nieqsa jew mhux imħaddma biżżejjed minn kittieb ġodda li qed jippruvaw jisfrundaw jew li inkella jistrieħu fi ħdan sodod mifruxin minn qabel. Il-ġrajja ta’ kamera essenzjalment imxajtna, għaddejja minn id u ġenerazzjoni għall-oħra hija biss il-preludju għal żvilupp tal-azzjoni dejjem ekwilbrat, speċjalment fl-għoti tal-backstory, fejn l-awtur qatt ma jiżloq fir-rimi taċ-ċavetta tal-misteru, imma jtihielna b’qattara strateġika u jħallina nliegħbu għall-aħħar qatra.

Il-lingwa tan-narrazzjoni ħaqqha tissemma wkoll, fejn Schembri joħroġ bħala awtur ieħor li jinqala’ mill-ġakketta tal-forzi tat-tradizzjoni meqjuma. Mhux se jiddejjaq juża verb bħal ‘ifflowtja’, jew jitfagħlek espressjoni bl-Ingliż tiftiehem perfettament għaliex il-ħin kollu nużawha fit-taħdit, minkejja li student tal-età ideali tal-qarrej jaf jiġi ppenalizzat jekk jużaha f’eżami. Jekk ma jilħaqx il-poetiċità li jimmira għaliha xi Lughermo bil-Malti mfittex u mirqum u bil-ħarsa lura lejn min ġie qablu, Schembri għandu ekonomija tan-narrazzjoni li, għal darb’oħra ironikament, tikseb it-tifsir fil-mod kif jirnexxielu jkompli jnixxef dak li kiteb għall-erba’ kelmiet ’l hawn u ’l hinn tal-paġni bojod jgħammxu ta’ Ħassartek.

It-taħsir jaf huwa wkoll iċ-ċavetta għall-fehim. Stessi jittratta l-iżvilupp uman bħala proċess kontinwu ta’ degradazzjoni u mwiet, sew fiżiċi u reali, u essenzjalment traġiċi, imma wkoll ta’ żvilupp u skoperta li sikwit iweġġa’ daqs il-ħlas, fejn kull kisba hija kompromess imwelled bl-uġigħ. Forsi t-taħsir ta’ Ħassartek huwa biss logħba ironika u akkademika quddiem l-iskumdità ta’ rumanz li jġibna wiċċ imb’ wiċċ mal-mirja u r-riflessjonijiet ta’ ħajjitna, fi żmien li sar jamplifika u jkattar tant b’qawwa kumplessa x-xbihat tagħna nfusna.

Stessi kien ir-rumanz rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ 2017 organizzat mill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Ħassartek huwa pubblikazzjoni megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti .

More in Arti