Kotba | L-istramb

Il-Malti ma jaħmlux lill-istramb, minn dak li jhedded li jaqbeż minn fuq is-sur sa min jixtieq jgħix ħajtu kif irid mingħajr ħadd ma jdejjaqlu għajnu. It-tieni volum ta’ Confessions of a European Maltese (The Middle Years, SKS 2021) jara lil Alfred Sant jinfetaħ ftit aktar dwaru nnifsu biex anki nibdew nifhmu xi ftit aktar il-motivazzjonijiet wara dan il-persunaġġ sikwit enigmatiku għal bosta. Mark Vella jagħtina l-impressjonijiet tiegħu.

L-ewwel qrariet ta’ Sant, meta ħarġu fl-2003, kont għażilt li ma naqrahomx. X’aktarx għax kont favur l-integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea, u dak iż-żmien ma ridtx nisma’ r-razzjonal, sod kemm seta’ jkun sod, wara Żvizzeri fil-Mediterran u l-kumplessitajiet intrikati tas-sisa u t-tariffi. Ridt nixtri l-ħolma, anki jekk jaf setgħu jfeġġu l-ħmir il-lejl, u ridt ukoll ikolli ċ-ċans nitlaq. Bħal ma telaq u ġera Sant, wara kollox, kif jirrakkontalna b’dettal interessanti fl-ewwel volum li wkoll jagħti ħjiel ta’ ġustifikazzjoni għala l-Malti Ewropew kien ġa Ewropew mingħajr il-bżonn ta’ żwieġ politiku mas-superentità li hija l-Unjoni.

Dettalji xotti, bħal salt fatti u ċifri, liema xuttaġni kkaratterizzat ħafna mill-mumenti politiċi ta’ Sant, u li jaf mhux dejjem swietlu, tant li nqisu (forsi fehma li għandha mnejn taħsad jew tnaffar lil uħud) bħala l-aktar Prim Ministru demonizzat tal-istorja: forsi jħabbatha ma’ Strickland, b’Mintoff jasal it-tielet f’din il-klassifika tal-odju, imma mbiegħed sew mit-tnejn l-oħra, meta tqis li kien meqjum ta’ eroj u kważi essri sopranaturali minn aktar minn nofs il-poplu tul għadd ta’ ġenerazzjonijiet.

Sant xott, spiss impenetrabbli, iġiblek sudizzjoni. Il-kelma ġġib l-aġġettiv ta’ stramb, kunċett li anki kien għal qalb kittieb kontemporanji tiegħu huma u jiddokumentaw l-individwu Malti li ma jsibx postu. Fatt magħruf minn kulħadd, anki minn min appoġġjah u mexa warajh. Anki għaliex eċċezzjoni għall-profil tipiku tal-politiku Malti, il-Mediterranju gregarju li jbus it-trabi u jdur il-każini, u dejjem imdeffes f’xi maniġġ għall-pjaċiri. Xuttaġni li wkoll hija riflessa fil-produzzjoni letterarja tiegħu, did-darba fis-sens pożittiv tal-ekonomija tal-kliem u tal-kitba fittizja tattika, maħsuba u ppjanata, li ma tintilifx fix-xinxilli tat-tisbiħ u toħroġ minnufih bħala opra qawwija u inċiżiva. 

It-tieni qrariet ta’ Sant jibqgħu xorta waħda jħarsu lejn il-personalità kumplessa ta’ politiku li għadna qed nifhmuh, speċjalment fil-kuntest tal-waqgħa tal-gvern b’id Mintoff, u l-mogħdija mwiegħra li waslet għas-salib it-toroq fittizju, u f’xi waqtiet komiku, bejn il-Partnership Rebaħ u l-Iva għall-Ewropa. Mument li jalla naqra dwaru daqt fit-tielet volum, iżda dan l-aħħar sforz awtobijografiku ta’ Sant ikompli jneħħi ftit aktar mill-istar li fih sikwit jitgeżwer il-persunaġġ pubbliku.

Bosta waqtiet jikkonfermaw dak li ssoponejna dwar Sant, immortalizzat mill-propaganda negattiva taż-żmien bħala l-wiċċ bi tbissima sfurzata li f’ħakka t’għajn jerġa’ lura għall-imqit, l-improvizzazzjoni ta’ Viva l-Labour fuq sett tnabar, il-komma wiesgħa u mdendla tal-ġlekk fis-sajf infernali tad-’98 waqt l-indirizz mqanqal il-Kottonera, il-waqgħat fil-PR li ġibdu partit sħiħ magħhom. Bniedem enigmatiku li donnu ma kienx magħmul għall-politika, u li daħal fiha, jekk mhux b’ċikka, permezz ta’ mogħdijiet mhux tas-soltu, iżda li xorta waħda juruh bħala bniedem, jekk mhux b’xi ambizzjoni għamja, bi pjan u b’viżjoni pjuttost idjosinkratiċi iżda anki effettivi.

L-istramberiji attribwiti lil Sant, għalhekk, huma stil ta’ ħajja magħżula, li dak li jkun irid jarahom fil-kuntesti x-xierqa, aktar milli għaliex il-bniedem ma jirnexxilux jidħol f’qafas prestabbilit. Niftakar ktieb ta’ ċertu Professur Amerikan Clemmer, maħruġ mill-PIN (Alfred Sant Explained – In-Novella ta’ Malta fil-Mediterran, 2000), li pprova analiżi psewdo-psikoloġika mqanżħa u mċajpra tal-personalità tar-raġel, bla dubju mmexxi mid-disinni dubjużi tal-gurus medjatiċi ta’ dak iż-żmien fid-Dar Ċentrali. Imma huwa f’dan il-volum fejn naraw id-dimensjonijiet differenti ta’ Sant, prinċipalment dawk umani (fil-ftit mumenti fejn forsi jinża’ ftit mill-armatura emozzjonali), imma anki ta’ parteċipant fil-ħajja ta’ nazzjon permezz tal-karigi varji tiegħu.

Il-ktieb jinqara wkoll bħala manwal maniġerjali, kif żgur ispirat mill-istudji tiegħu Harvard, tant li anki jidwi jew jista’ jkun kumpann lokali ta’ xogħol bħall-bestseller What They Teach You at Harvard Business School: My Two Years Inside the Cauldron of Capitalism (Penguin 2010). Jeħodna għal diversi vjaġġi, mhux biss dawk tas-safar personali jew fuq xogħol politiku, imma tul is-sehem tiegħu bħala konsulent maniġerjali f’industrija Maltija li kienet għadha qed issib saqjha, u x’aktarx tinnegozja ma’ dinja kapitalista avvanzata skont fehmiet inadegwati ta’ awtarkija jew ta’ qawmien tard mir-raqda kolonjali. Ix-xott hawnhekk isir sieħeb l-iskjett, permezz ta’ riflessjoni dwar soluzzjonijiet proposti u mwettqa li mhux bilfors irnexxew, iżda li l-awtur jagħmel riflessjoni oġġettiva u jinkwadrahomfil-qafas ikbar tal-istorja u l-ekonomija internazzjonali, iżda anki fil-kuntest, f’dan il-każ aktar kumpless għax mhux bilfors iddokumentat, tal-ewwel passi li ħadu l-industrija u l-ekonomija Maltija kif nafuha llum. Iċ-ċifri għerja jafu mbagħad jibdew jagħmlu sens, bħalma jibdew jinftiehmu ġrajjiet li xbajna nisimgħuhom spjegati mil-lenti tan-narrattiva partiġġjana u tal-gwadann politiku. Fosthom, nagħtu każ, spjegazzjonijiet għala ċertu ħolmiet strambi Mintoffjani ma setgħux jirnexxu, minkejja kull prinċipju u intenzjoni – mir-riforma Universitarja sal-bulk buying - kif ukoll ix-xibka ta’ relazzjonijiet bejn is-Soċjaliżmu la Maltija u grupp magħżul ta’ kapitalisti u funzjonarju li għal żmien twil tista’ tgħid qasmu r-riedni tal-pajjiż.

Il-kwistjoni bħal dejjem, anki għaliex dan il-volum qed jiktbu rumanzier, hija n-narrattiva, l-istejjer li nagħżlu li nirrakontaw jew naqraw, il-ġrajiet li naqblu li għandna nemmnuhom, jew inkella dak li jispiċċa jsir id-dominanti u nispiċċaw bla ma nafu noħduh bħala fatt, anki jekk tkun inqabżet il-linja fina bejn ir-rakkont u l-ħrafa. Sant juri frankezza kbira dwar it-turbolenzi tat-tmeninijiet: xotta kemm trid, daqslikieku market survey ieħor, imma li tagħraf l-għeruq u l-protagonisti u li, minkejja li ma tħossx il-bżonn li tfittex raġunijiet hekk imsejħa profondi, ispirati jew mill-ħtieġa ta’ intellettwaliżmu drammatiku, tolqot il-fatti saljenti b’ċarezza kbira u sjieda tal-fatti. Jagħraf, fil-fatt, li it takes two to tango, kif jgħidu, jew li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn, u li l-vjolenza politika għandha bidu kemxejn aktar imbiegħed mili naħsbu, bil-partiti jirrekriminaw it-tortijet tal-imgħoddi ma’ xulxin. Fl-istess ħin, ma jomgħodx il-fehma li n-Nazzjonalisti kienu effiċjenti għall-aħħar f’kampanja ta’ diżubbidjenza ċivili li kellha wkoll elementi ta’ terroriżmu organizzat, iżda lanqas ma jinħeba wara l-fatt li l-Partit Laburista kien qed jgħix sew taħt id-dell tal-fazzjoni vjolenti ta’ Lorry Sant u, forsi, anki b’kompliċità impliċita, hux attiva jew passiva mhuwiex ċar, ta’ Mintoff.

Din il-quċċata tintlaħaq bil-qtil ta’ Raymond Caruana, fejn Sant u Marie-Louise Coleiro (Preca) kienu marru minnufih fuq il-post tad-delitt bħala d-delegazzjoni Laburista u raw b’għajnejhom id-dagħbien lejn fejn kien qed jersaq il-pajjiż. Hawnhekk ukoll joħroġ ta’ stramb Sant: bniedem li jistmerr l-elementi vjolenti u li jipprendihom tant li jispiċċa ma jibżax minnhom, kif rajna fis-snin ta’ wara. L-analiżi, nerġgħu ngħidu, tibqa’ waħda xotta u fattwali, anki tendenzjuża, imma dan huwa mumenti fejn toħroġ l-umanità ta’ Malti bħalna li, anki jekk mhuwiex se jdandan l-emozzjonijiet tiegħu kif ġieb u laħaq, qed jifhem il-polz ta’ dan il-mument epokali. 

Bl-istess mod, Sant jitgħarwen l-aktar f’dan il-volum meta jitkellem dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ l-ex-martu u ma’ bintu, fejn bla ġiġġifogu emozzjonali, iżda b’daqqiet verbali li jolqtu lil qarrej, jiddelinea fallimenti u biżgħat bħal ta’ ħafna quddiem ir-responsabbiltà ġenitorjali u l-ħajja tal-koppja. Relazzjonijiet innegozjati b’maturità, anki jekk forsi b’wisq sangue freddo u analiżi bierda għal xi wħud, imma Sant ma jonqosx milli anki juri l-vulnerabbiltà tiegħu meta jsemmi kif dan il-mument tant intimu kien ġie mperreċ minn Daphne Caruana Galizia b’dettall skabruż għal dak li nistgħu b’rasna mistrieħa nsejħu assassinju sofistikat tal-karattru li jaħfer minnufih ilu nnifsu għaliex magħmul f’isem ideal politiku dubjuż.

Iktar milli ktieb ta’ sorpriżi, dan jaf huwa ktieb ta’ konfermi, fejn fl-aħħar in-naħa l-oħra tgħid tagħha bil-kwiet, u aħna bl-istess kalma nkunu nistgħu nixtarru u nirraġunaw. Sant jibqa’ dejjem Sant: bniedem solitarju imma żgur li mhux imdejjaq waħdu, li jogħxa jara ’l Boston mgħarrqa fil-borra bih maqful fl-appartament tiegħu, fejn jista’ jgawdi msakkra il-kotba u l-mużika għal qalbu sakemm jgħaddu l-vaganzi. Jew inkella, dak lil sid il-kera tiegħu l-Amerka dehritlu x’aktarx bħala tbissima sardonika r-reazzjoni ta’ Sant għall-aħbar tal-attentat fuq Gerald Ford. U xi ngħidu għall-idea Santjana ta’ party: maħduma b’reqqa daqs case study industrijali jew esperiment soċjoloġiku, fejn jitfa’ f’kamra balla nies m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin, u jħallihom jitħalltu megħjuna minn provvista tajba ta’ xorb u ikel mielaħ.

Jaf xorta tibqa’ ma titħajjarx tmur festin għandu. Imma jaf ukoll tifhem l-istramberija apparenti bħala mod ieħor kif jista’ jkun il-bniedem, u anki mifred kemm-il darba neċessarju, speċjalment f’kultura bħal tagħna, mill-kunfidenza żejda, jew inkella bħala l-wiċċ ximinddaqqiet neċessarju għas-serjetà u r-rispett.

More in Arti