Kotba | Il-lingwa tar-rakkont

Lil Mark Vella jdejquh immens il-kotba tal-finzjoni miktuba bl-Ingliż mill-Maltin. Dil-ġimgħa jagħti ċans lil The Patient in Hospital Zero ta’ Ramona Depares u, filwaqt li xejn ma dejqu l-ktieb, xorta għad għandu xi jgħid dwar din li jqisha anomalija letterarja mill-kbar. 

Fost il-ġeneri li ma tantx jogħġbuni jew jinteressawni, nista’ nniżżel il-polizjesk, il-fantastiku jew il-fantaxjentifiku....u l-ktieb Malti bl-Ingliż. Tal-ewwel lest inniżżlu f’forma ta’ film, imma l-aktar jekk lil hinn mis-soluzzjoni perfetta tal-whodunit, u għalhekk anki minkejja li qrajt u rajt ħemel Montalbano, ikun hemm mument fejn l-istorja titlifni imma jibqgħu d-deskrizzjonijiet u l-karattri memorabbli. Tat-tieni, forsi għax ma niflaħx lil hinn mir-realiżmu. Tal-aħħar, għax ma nifhimx l-għala tiegħu, tant li jinkwetani u jispiċċa jintrigani.

Anki bħal reċensur, dawn huma ġeneri ta’ sfida, li kważi kważi aħjar ma tmisshomx jekk idejquk jew saħansitra ma tifhimx fihom. Mhjiex skuża li tuża metodu ġenerali biex tistħarreġ xi ħaġa li għandha dinja speċifika tagħha: qisek, nagħtu każ, twaqqa’ t-techno minħabba l-formazzjoni mużikoloġika klassika tiegħek, mingħajr ma tagħraf il-kuntesti kulturali u storiċi speċifiċi ta’ dak l-att artistiku partikolari. The Patient in Hospital Zero ta’ Ramona Depares (Merlin 2021) kien għalhekk għadma iebsa: mhux għax ktieb diffiċli jew inaċċessibbli, iżda għax jolqot tnejn mit-tliet antipatiji letterarji tiegħi.

Terġa’, lil Ramona nafha f’żewġ istanzi, li f’dal-kuntest jidhru sinjifikattivi. Għal ċorma żgħira ta’ nies (forsi jien u ieħor), saret notorja meta ħarġet qatta’ bla ħabel indinjata għal Nbid ta’ Kuljum ta’ Ġużè Stagno, fid-disgħinijiet fejn konna għadna ma ħriġniex minn bosta qxur. Dan kien żmien ilu, żminijiet differenti meta konna lkoll iżgħar u forsi sajmin u xierfa, u n-nies jikbru u jinbidlu. Jgħaddu s-snin u Depares, magħrufa bħala ġurnalista li tikteb fuq gazzetta bl-Ingliż, toħroġ bil-pubblikazzjoni para-poetika ħelwa Beltin: Stejjer ta’ Nies Minsija (Merlin, 2019 ), li tikxef għeruqha Beltin u l-attenzjoni għall-eroj popolari tal-ħajja ta’ kuljum, mill-Pampalun sa Gilbert Agius, iżda mhux biss.

The Patient in Hospital Zero ppruvajt nimmaġinah miktub bil-Malti. U ħsibt li jaf kien jagħmel aktar ħoss minħabba li Depares għandha wisa’ ta’ immaġinazzjoni u bini ta’ dinjiet fittizju li huwa wisq aktar miftuħ minn dawk ta’ kontemporanji li jiktbu bil-Malti. L-aspett fantastiku-distopiku ta’ bosta mill-istejjer f’din il-ġabra (minkejja li l-anqas li interessawni) jagħti lok għal dinjiet kemxejn rari għall-finzjoni Maltija, u tidher sew l-influwenza taċ-ċinematografija u tas-sensiliet, u ħarsa li faċilment tmur lil hinn mill-kuntest Malti imma li tippreżentalna karattri li nistgħu nidentifikaw magħhom. Tista’ tgħid, dan huma ktieb dwar in-nisa, protagonisti ta’ ħajja soċjali kumplessa u, kif anki tgħid l-awtriċi fid-daħla għall-ġabra, li jmorru lil hinn mix-xbiha għajjiena tal-mara timida li donnha kull ma taf tagħmel hu li tħobb, trabbi, u tbati.

Hemm ukoll, bħala fil kontinwu għaddej minn dawn ir-rakkonti, l-element tal-orrur, almenu dak possibbli, fejn donnu ninsabu kontinwament assedjati minn possibilitajiet konkreti tat-twettiq tal-agħar biżgħat tagħna. Jien u naqra minn wara għal quddiem, u mbagħad inteftef lejn in-nofs, ġieni f’moħħi Carrie, li jissemma wkoll bħala referenza f’waħda mill-istejjer, imma li beda jidwili f’moħħi waqt il-qari ta’ The Music in Her Head, fejn il-karattru ġġiegħel kollega tkorri t-tqala tagħha fl-uffiċju bis-sempliċi ħsieb ta’ moħħha mnebbaħ mill-kliem tad-diski dejjem idur f’rasha. 

Bosta mill-istejjer ta’ Depares għandhom azzjoni sodisfaċenti, u saħħa oħra ta’ xogħolha, anki fil-konfront ta’ novellieri oħra Maltin, hija n-nifs għall-istorja, sew fit-tul u sew fil-wisa’, fejn issostni b’mod xieraq il-pass għall-iżvilupp ta’ rakkont dettaljat li tassew jibni dinjiet alternattivi, mhux biss dawk fantastiċi-allegoriċi, iżda anki fil-mumenti ta’ kitba aktar realista. Dan iservi tajjeb ukoll għaliex ħafna minn dawn ir-rakkonti jseħħu f’moħħ il-protagonisti, u Depares jirnexxilha tirrakkonta l-vjaġġ intern li huwa dejjem ankrat f’attwalità solida: moħħ kumpless– u sikwit speċjali, kurjuż, jew uniku – li jinnegozja, jindaga u jfiehem ir-realtà ta’ quddiemu, bis-saħħa tal-ġest li jmur lil hinn mill-istess realtà oġġettiva. U hawnhekk, il-fantastiku narah jagħmel ħafna sens.

Madankollu, l-istess bħalma qal Robert Pisani f’reċensjoni reċenti tiegħu, l-Ingliż ma kkonvinċinix, u għalhekk nibtet il-fantasija dwar x’kien jiġri minn dawn l-istejjer tajbin jekk inħolqu bil-Malti u, terġa’, x’kien ikun il-prodott tradott għall-Ingliż. Pisani, qarrej imkisser u mgħarraf dwar il-kanonu Anglo-Sassonu kontemporanju, isemmi biċ-ċar l-użu ta’ frażijiet u kostruzzjonijiet lingwistiċi klixè li tista’ ssibhom f’kull kitba medjokri bl-Ingliż. Mhuwiex it-tort tal-awtriċi, m’għandniex xi ngħidu, iżda ta’ min nieqfu għal mument u niddiskutu l-iskop għala Malti jikteb bl-Ingliż.

L-argument jista’ jesponi diversi naħat. Jekk nibdew mill-għoli nett, xi ħadd jista’ jsemmi li Kundera ppubblika bil-Franċiż eċċ., jew li s-suq bl-ilsien Ingliż huwa wisq akbar, u aktar eċċetri. L-istess argument li jintuża fil-każ tal-Eurovision u l-mużika popolari fejn fl-aħħar nispiċċaw ma nagħmlu xejn. Hemm ukoll l-argument dwar il-bilingwiżmu f’Malta, jew inkella jaf hemm xi segment tal-bejgħ li jaqra biss bl-Ingliż u allura tista’ tilħqu: ideat li narahom pjuttost dejjem imdendlin fl-arja u sempliċiment mirfuda mill-miti u l-leġġendi. Ftit li xejn, jekk l-ebda, huma l-kotba ta’ finzjoni Maltin bl-Ingliż li qatt irnexxew: inħobb insemmi kif l-ewwel darba li qrajt In the Eye of the Sun ta’ Francis Ebejer kien fit-traduzzjoni ta’ Oliver Friggieri, u minkejja l-mertu intrinsiku tal-opra oriġinali, il-Professur kien kapaċi jikteb mill-ġdid ktieb li forsi qatt ma kellu jinkiteb bl-Ingliż.

Jibqa’ għalhekk id-dubju dwar il-validità tal-isforz letterarju Malti bl-Ingliż (u anki b’lingwi oħra) meta mhumiex u qatt ma jistgħu jkunu l-ewwel lingwa tal-awtur, dik li redgħu minn tfulithom u li baqgħet tinfurmalhom ħajjithom, minkejja kull indħil mid-dominanza tal-Ingliż. Alfred Sant m’ilux għamel dal-punt ukoll fi tweet minn tiegħu, fejn fil-qofol osserva din il-bidla minkejja li ma togħġbux jew ma jaqbilx magħha. Bidla minima li madankollu trid tiġi osservata u studjata, imma qaddisi jgħidli li dan il-fenomenu huwa pjuttost intrigu inutli nieqes minn kull sens ta’ perspettiva.

Biex nerġa’ lura għall-kummenti ta’ Pisani, ir-reċensur jgħid li l-Ingliż pedestri ta’ Depares tellfu mill-qawwa intrinsika tal-istejjer. Huwa l-istess effett li seħħ għalija, fejn qrajt Ingliż li huwa mitgħallem u mhux mgħajjex, dak l-Ingliż tattiku, u spiss li jkun għadda żmienu, tal-komponimenti  jew tal-korrispondenza uffiċjali mal-entitajiet tal-gvern Maltin. Huwa fil-fatt Ingliż li, għalkemm maħkum mill-awtriċi, ma jiġbdix l-attenzjoni lejh bħala l-lingwa tal-kitba, u dan jaf ikun ta’ xkiel għall-apprezzament ta’ stejjer maħduma sew u li għandhom ħafna xi jgħidu.

Fl-aħħar mill-aħħar, madankollu, dan hu debutt apprezzabbli min-naħa ta’ Depares u l-istedina hija biex darb’oħra tipprova l-Malti. Bosta minna, b’xorti ħażina, jiddarrsu milli jużaw ilsienhom, l-uniku u l-vera lingwa tagħhom, għax qalulna għal snin twal li l-Malti limitat u ma jiswiex għal wisq, u li bl-Ingliż tofroq it-toroq fil-baħar. Argumenti li mhux biss huma banali iżda b’implikazzjonijiet politiċi u klassisti qawwijin. 

Fil-każ ta’ Depares, tkun ħasra li tintilef din il-kapaċità fertili għall-ħolqien ta’ dinjiet alternattivi u karattri b’potenzjal li jkunu memorabbli. Karattri li qegħdin f’tiftixa tagħhom infushom li teħodhom anki lejn xfar il-moralità u li tassew tippreżenta sfidi konkreti sew għalihom sew għall-qarrej. Il-ħila ta’ Depares fil-mod kif tinvestiga l-psikoloġija individwali u torbotha mad-dilemmi etiċi u morali ta’ żmienna hija żgur wieħed mill-elementi li jawgura ġejjieni produttiv għal din l-awtriċi, possibilemnt fl-esplorazzjoni ta’ mergħat editorjali aktar realistiċi u tanġibbli.

More in Arti