Letteratura | Mhux sess biss...

Il-bijografija ta ’Duminku Mintoff miktuba minn Mark Montebello (The tail that wagged the dog, SKS 2021) tagħti ruħ lill-persunaġġ storiku, fejn it-tajjeb ma jiġix neċessarjament igglorifikat u n-nuqqasijiet ma jitlaqqmux ħażen assolut daqs tazz’ ilma. Mark Vella beda l-ktieb minn tmiemu biex jifhem x’ta bidu lil Mintoff

Issa li ġie f’idi l-ktieb, intbaħt li sar wisq għaġeb dwar l-iskappaturi ta’ Mintoff. Imma s-sess ibigħ, u għamlu sewwa l-ġurnali jiflu l-bijografija ta’ Montebello biex jikkonfermaw li l-maċiżmu Mediterranju tal-Perit kien mitiku għaliex b’għeruqu fir-realtà, saħansitra sostnuta mir-riċerka tan-noti rqaq min-naħa tal-bijografu. Għaġeb akbar jaf sar mill-familjari, li donnhom l-ewwel ħaslu u mbagħad ixxuttaw, u anki minn min jiġbed l-ispaga aħħarija tal-pubblikatur. Imma l-akbar skandlu li ħadt jien mhux li Mintoff kien dar għal Charlotte Rampling jew inkella kien ikorni anki lil qaribu, imma l-fatt li anki ċertu storiċi ħarġu kollha djuq u qatta’ bla ħabel kontra l-patri li mhuwiex storiku, jaf sewwa minħabba li mhux imsieħeb fil-panteon tagħhom u anki għax jaf ikkonferma xi ħaġa li ma daqqitx għal widnejhom. 

Issa, xi kultant ktieb hekk tkun tridu biex tgħid lilek innifsek li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn. Dan ġara bl-awtobijografija ta’ JPO, u kien jiġri bl-indiskrezzjonijiet storiċi li kienet sikwit tippubblika Daphne, anki fuq il-Perit, minkejja li b’għan narrattiv għalkollox xort’oħra minn dak ta’ Montebello jew ta’ kull riċerkatur jew storiku serju. Li ma jfissirx li ma kellhiex issemmihom, u jafu jgħoddu bħala sors (detto del detto jew le) daqs għejun oħra. Ħwejjeġ li, f’dal-pajjiż sikwit tfuli, jafhom kulħadd u ma jrid jgħidhom tassew ħadd, u għalhekk qatt ma jsiru fatti għad-diskussjoni jew l-analiżi, imma sempliċement potenzjal għal qlajja’. U għalhekk il-punt hu, fl-aħħar mill-aħħar, in-narrattiva: Montebello mhux biss jittanta jikteb bijografija mhux aġjografika billi jara l-persunaġġ storiku bħala bniedem tad-demm u l-laħam, imma jirnexxilu jislet il-waqtiet saljenti tal-viżjoni Mintoffjana, li tibda mill-personali sakemm issir pubblika u nazzjonali, u ssawwar dimensjoni essenzjali ta’ dak li hu pajjiżna llum. 

Nerġgħu lura għall-ispag, għax malli faqqa’ l-mini-skandlu, kien intqal ukoll li l-Partit Laburista, li jmexxi s-Sensiela Kotba Soċjalisti, kien qatagħha li ma jbigħx il-ktieb miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Fil-fatt, għaddejt s’hemm milux biex niġbor xi kopji ta’ ktieb li ħdimt ma’ din id-dar tal-pubblikazzjoni, u bqajt skantat mhux bin-nuqqas tal-ktieb dwar Mintoff, imma bil-vetrina ċkejkna mal-bank tar-reception li tbigħ il-kitsch propagandistiku kollu immaġinabbli (orsijiet tal-pezza Laburisti, maggijiet b’wiċċ il-Prim) u ma taralhomx ktieb wieħed li hu wieħed. Tant li l-kaxxa jaf ġiet minn sular minnhom taċ-Ċentru, imma mhux minn dak iċ-ċelebri fil-għoli, imma minn xi mkien fil-kantina. 

Mintoff ma kienx politiku bħall-oħrajn. Kien il-bniedem tas-seklu, u l-marka tiegħu ħallieha għaliex immexxi minn personalità partikolari, x’aktarx unika, iddettata mill-ħajja mgħejxa: mill-ġenetika u t-trobbija sal-esperjenzi li mmarkawh. U dak li jfittex li jagħmel Montebello, forsi anki għax bħala reliġjuż, jaf ben tajjeb li l-qdusija tas-sema ma tikkorrispondix neċessarjament għall-qdusija fl-art. It-titlu tax-xogħol, għalkemm rajtu kemxejn approssimattiv għal opra bħal din, juża l-idjoma Ingliża dwar id-denb li jferfer lill-kelb, mhux bil-kontra kif normalment imdorrijin nosservaw. 

X’wassal lil Mintoff għall-kobor uniku tiegħu? X’kienu x-xrariet li kebbsu dan-nar li tant dam iħeġġeġ, anki fix-xjuħija qed toqrob viżibilment lejn id-dimenzja, u anki minkejja l-isforzi ta ’niesu stess biex jiġi skreditat lejn l-aħħar ta’ żmienu fil-politika? Xogħol Montebello jfittex mhux biss dak li wettaq 

Mintoff, li issa nafuh bl-amment minkejja li qatt ma tgħallimnieh l-iskola, imma dak li pprovoka u ddetermina l-istorja, magħmula min-nies li huma kumplessità psikoloġika u storika qabel ma huma individwi b’isem. Montebello, fil-fatt, ma jagħtiniex djarju Mintoffjan, min-nieqa sal-qabar, u fil-fatt, jaf jiddiżappunta lil dawk, nagħtu każ, li jfittxu xi dawl ġdid dwar is-snin jaħarqu tal-ewwel nofs tat-tmeninijiet. Iktar milli jgħaddi minn fuq ġrajjiet importanti għax forsi skomdu bihom jew it-tendenzi politiċi jżommuh mill-oġġettività, l-istoriku hawnhekk isir psikologu, u l-azzjoni jittanta jiġġustifikaha jew jinkwadraha skont dak il-waqt kritiku fejn il-personalità tal-bniedem individwali titħaxken mal-mument oġġettiv li qed jiġi affrontata. 

Mintoff, tadurah jew ma taħmlux pinġut, huwa ta' kulħadd, mill-inqas għal tliet ġenerazzjonijiet. U għalhekk dan ktieb dwar persunaġġ li donnu dejjem kien magħna, b’xi mod jew ieħor, u l-ġrajja ta’ Montebello tista’ taqraha kif trid. Minkejja li, bħal xogħlijiet simili, għandu żvilupp kronoloġiku, mit-twelid u t-trobbija ta’ Mintoff sa mewtu, il-kapitli huma mqassma skont perjodi kruċjali u mogħtija isem li jikxef sewwasew l-intenzjoni tal-awtur. Ismijiet li tista’ ssejħilhom nomi astratti li jiddeskrivu kwalità, proċess emottiv, jew inkella azzjoni li qed issir fil-konfront tal-protagonista: bħal fil-każ, bħala eżempju minn ħafna, tal-kapitlu Refinement, b’Mintoff l-Ingliterra jillima l-ħruxija Bormliża f’Oxford u jħossu ħuta barra mill-ilma, jew inkella Obstruction u l-bsaten fir-roti mill-Integration sal-ewwel rebħa Laburista kbira tas-sebgħinijiet. 

U għalhekk, il-ktieb qrajtu kif ridt jien, skont il-kurżità dwar il-Mintoff tiegħi. Fil-fatt, bdejt mill-aħħar kapitlu u komplejt miexi lura, imma se jkun hemm min jinġibed minn perjodi oħra, interessanti kollha, speċjalment l-iżvilupp tal-politiku li jitgħallem jitkellem u jibda jibni l-viżjoni tiegħu, wara l-qasma minn ma’ Boffa u Colombo, għal darb’oħra inkwadrata b'ħila minn Montebello fid-dawl tal-intimu ta ’Mintoff: mhux sempliċement politiku ieħor jinnaviga l-poter, iżda bniedem b'ħolma u viżjoni neċessarjament ossessiva. Wieħed jistenna minn Montebello li b’xi mod jiddeffes bi prominenza Manwel Dimech, imma din il-bijografija ġġorr waqtiet importanti fejn Mintoff joħroġ tassew bħala l-konsegwenza matura, mgħallma u matematika tal-ossessjoni stramba Dimechjana għall-ħelsien ta’ dan il-pajjiż li qatt ma kellu xejn. 

F’kapitli bikrin li jsemmu l-iżvilupp intellettwali ta’ Mintoff, Montebello kważi jmeri ċertu mitizzazzjoni li kien għamilha l-Perit stess bl-awtobijografija tiegħu (Mintoff, Malta , Mediterra, 2018), u joħorġu bħala xjentist, moħħ li jaħfen in-numri u l-kalkoli neċessarji għas-sopravivenza politika. Fl-istess ħin, dan il-moħħ huwa sostnut minn ruħ li ma taqta’ qalbha qatt, attitudni li taf tinbidel skont il-mewġa taż-żmien, u ras iebsa għax appuntu ossessjonata u ħalliema. Bħalma Manwel Dimech seta’ kien viżjonarju miġnun fil-viżjoni tiegħu ta’ Malta tassew rajha f’idejha, Malta inventiva, produttiva u ħawtiela, Mintoff kellu l-kwalitajiet kollha biex din il-viżjoni jsawwarha tassew. Dan narawh speċjalment fil-pjan ekonomiku u industrijali ta’ Mintoff, minkejja għadd ta’ abberrazzjonijiet jew kalkoli żbaljati (li Montebello ftit isemmi minnhom, speċjalment fir-rigward tal-aħħar leġiżlatura Mintoffjana), u fil-partijiet tal-ktieb dwar Seers u Balogh, ekonomisti mqabbdin minn Mintoff għal dak li x’aktarx kien l-ewwel mudell għall-iżvilupp ekonomiku li ġab lil Malta fuq saqajha sal-Ħelsien u lil hinn. 

Il-moħħ singulari ta’ Mintoff huwa, għal darb’oħra, frott l-ossessjoni daqstant rari ta’ Mintoff, id-denb li qed iferfer lill-kelb. Werriet ta’ Dimech f’kollox, u l-aktar fis-solitudni, minkejja l-folol josannawh, quddiem l-isfida ta’ pajjiż li, kieku ma kienx għal dawn l-individwi, qatt ma ried jikber jew jinbidel, għax ma kinux se jħalluh. Mingħajr paniġierki jew indħil awturjali żejjed, Montebello jikxef apparat enormi kontra l-bidla: bil-Knisja u l-Gvern Kolonjali li qerdu lil Dimech, u li ma rnexxilhomx ma’ Mintoff, imma anki l-forzi konservattivi li donnhom ifaqqsu minn kullimkien u ma ssibilhomx irkaptu: mhux biss il-konservattiżmu ta’ Borg Olivier u l-Anglofilija Stricklandjana, imma Ganado, Pellegrini, saħansitra t-timidezza ta' Boffa – pajjiż ġwejjed, rasu baxxuta u ma jemminx fih innifsu. 

Kollox huwa Mintoff, fis-sens li Malta ma tistax tinftiehem mingħajru. U, jekk tassew irridu nifhmu sew lilu sew lill-pajjiż, irridu naffrontawh, kif jgħid l-Ingliż, anki billi nfittxulu l-felul u l-infafet. Lilu u lil Malta. Jekk hemm bżonn, il-qrun u l-qoħob, kif ġa sar, u anki, għax hemm bżonn, u kif għadu ma sarx, l-istejjer l-oħra dwaru, bħall-ferħ għall-mewtu u l-wegħda taż-żfin fuq qabru. 

More in Arti